14.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 44/45


DIRETTIVA TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI 2014/22/UE

tat-13 ta’ Frar 2014

li temenda l-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward tal-anemija infettiva tas-salamun (ISA)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 61(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2006/88/KE tistipula, inter alia, ċerti regoli tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar mard eżotiku u mhux eżotiku u l-ispeċi suxxettibbli għalih, elenkati fil-Parti II tal-Anness IV ta’ dik id-Direttiva.

(2)

It-Taqsima B tal-Parti I tal-Anness IV tad-Direttiva 2006/88/KE tistipula l-kriterji li għandhom jiġu sodisfatti sabiex marda titniżżel bħala marda mhux eżotika fil-Parti II ta’ dak l-Anness. L-anemija infettiva tas-salamun (ISA) bħalissa tinstab f’dik il-lista.

(3)

F’Mejju 2013, l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) emendat il-Kapitolu 10.5 tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi (il-Kodiċi Akkwatiku tal-OIE) fir-rigward tal-ISA. Skont il-Kodiċi Akkwatiku tal-OIE rivedut (is-16-il edizzjoni 2013), l-ISA hija ddefinita bħala infezzjoni bil-ġenotip HPR imneħħi jew bil-ġenotip HPR0 (reġjun polimorfiku ħafna mhux imħassar) tal-ġenus Isavirus (ISAV) tal-familja Orthomyxoviridae. Barra minn hekk, iż-żewġ ġenotipi huma notifikabbli skont l-Artikolu 1.3.1 u 10.5.1 tal-Kodiċi Akkwatika tal-OIE. Qabel ma saret dik ir-reviżjoni ma kienet issir l-ebda distinzjoni bejn iż-żewġ ġenotipi tal-ISAV.

(4)

Huma biss l-infezzjonijiet bil-ġenotip HPR imneħħi tal-ġenus IPAV li jissodisfaw il-kriterji stipulati fit-Taqsima B tal-Parti I tal-Anness IV tad-Direttiva 2006/88/KE. Konsegwentament, huma biss l-infezzjonijiet bil-ġenotip HPR imneħħi tal-ġenus IPAV li għandhom jiġu elenkati fil-Parti II tal-Anness IV tad-Direttiva 2006/88/KE. Għalhekk, għall-iskopijiet tad-Direttiva 2006/88/KE, l-anemija infettiva tas-salamun (ISA) għandha tiġi definita bħala infezzjoni bil-ġenotip HPR imħassar tal-ġenus ISAV.

(5)

Għaldaqstant, il-Parti II tal-Anness IV tad-Direttiva 2006/88/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness IV tad-Direttiva 2006/88/KE huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Novembru 2014, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Novembru 2014.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.


ANNESS

Fl-Anness IV tad-Direttiva 2006/88/KE, il-Parti II tinbidel b’dan li ġej:

PARTI II

Mard elenkat

Mard eżotiku

 

Marda

Speċi suxxettibbli

Ħut

Nekrosi ematopojetika epiżotika

Trota qawsalla (Oncorhynchus mykiss), u dott tal-Ewropa ta’ Fuq (Perca fluviatilis)

Molluski

Infezzjoni bil-Bonamia exitiosa

Gajdra Awstraljana tat-tajn (Ostrea angasi) u gajdra ċatta Ċilena (O. chilensis)

Infezzjoni mill-Perkinsus marinus

Gajdra tal-Paċifiku (Crassostrea gigas) u gajdra tal-Lvant (C. virginica)

Infezzjoni bil-Microcytos mackini

Gajdra tal-Paċifiku (Crassostrea gigas) u gajdra ta’ Lvant (C. virginica), gajdra ċatta tal-Paċifiku (Ostrea conchaphila) u gajdra ċatta Ewropea (O. edulis)

Krustaċji

Is-Sindromu Taura

Gamblu abjad tal-Golf (Penaeus setiferus), gamblu ikħal tal-Paċifiku (P. styrlirostris) u gamblu abjad tal-Paċifiku (P. vannamei)

Il-marda Yellowhead

Gamblu kannella tal-Golf (Penaeus aztecus), gamblu roża tal-Golf (P. duoranum), gamblu kbir Kuruma (P. japonicus), gamblu iswed (P. monodon), gamblu abjad tal-Golf (Penaeus setiferus), gamblu ikħal tal-Paċifiku (P. stylirostris), gamblu abjad tal-Paċifiku (P. vannamei)


Mard mhux eżotiku

Ħut

Settiċemija emorraġika virali (VHS)

Aringa (Clupea spp.), ħuta bajda (Coregonus sp.), lizz (Esox Lucius), bakkaljaw żgħir (Gadus aeglefinus), merluzz tal-Paċifiku (G. macrocephalus), merluzz tal-Atlantiku (G. morhua), Salamun tal-Paċifiku (Onchorhynchus spp), trota qawsalla (O. mykiss), rockling (Onos mustelus), trota tal-baħar (Salmo trutta), barbun imperjali (Scophthalmus maximus) u sardina (Sprattus sprattus), grayling (Thymallus thymallus) u barbun taż-żebbuġa (Paralichthys olivaceus)

Nekrożi ematopojetika infettiva (IHN)

Salamun keta (Oncorhynchus keta), salamun fiddien (O. kisutch), salamun masou (O. masou), trota qawsalla jew tal-Amerika tat-Tramuntana (O. mykiss), salamun sockeye (O. nerka), salamun roża (O. rhodurus), salamun chinook (O. tshawytscha), u salamun tal-Atlantiku (Salmo salar)

Il-marda tal-vajrus tal-erpete tal-koi (KHV)

Il-karpjun komuni u l-karpjun koi (Cyprinus carpio)

L-anemija infettiva tas-salamun (ISA): infezzjoni bil-ġenotip HPR imħassar tal-ġenus Isavirus (ISAV)

Trota qawsalla (Oncorhynchus mykiss), salamun tal-Atlantiku (Salmo salar), u trota tal-baħar (Salmo trutta)

Molluski

L-infezzjoni mill-Marteilia refringens

Gajdra tat-tajn tal-Awstralja (Ostrea angasi), gajdra ċatta taċ-Ċili (O. chilensis), gajdra ċatta Ewropea (O. edulis), gajdra tal-Arġentina (O. puelchana), mollusk blu (Mytilus edulis) u mollusk Mediterran (M. galloprovincialis)

L-infezzjoni mill-Bonamia ostreae

Gajdra tat-tajn tal-Awstralja (Ostrea angasi), gajdra ċatta taċ-Ċili (O. chilensis), gajdra ċatta tal-Paċifiku (O. conchaphila), gajdra asjatika (O. denselammellosa), gajdra ċatta Ewropea (O. edulis), gajdra tal-Arġentina (O. puelchana)

Krustaċji

Il-marda tal-ponot bojod

Il-krustaċji kollha dekapodi (ordni Decapoda)”