7.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 38/30


DIRETTIVA TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI 2014/19/UE

tas-6 ta’ Frar 2014

li temenda l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari l-punt (d) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 14 tagħha,

Billi:

(1)

Minn informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri, jidher li d-Diabrotica virgifera virgifera Le Conte diġà nfirxet u stabbilixxiet ruħha f’parti kbira mit-territorju tal-Unjoni. Minn valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea, ġie konkluż li l-ebda miżura mhi fattibbli biex teqridha jew tevita aktar tixrid tagħha b’mod effettiv.

(2)

Barra minn hekk, jeżistu mezzi ta’ kontroll effettivi u sostenibbli li jimminimizzaw l-impatt ta’ dan l-organiżmu fuq il-ħsad tal-qamħirrum, b’mod partikolari l-implimentazzjoni ta’ skema ta’ tinwib.

(3)

Għalhekk ma għandha tiġi stabbilita l-ebda miżura protettiva oħra skont id-Direttiva 2000/29/KE fir-rigward tad-Diabrotica virgifera virgifera Le Conte. Għaldaqstant, dak l-organiżmu ma għandux jitniżżel iktar bħala organiżmu ta’ ħsara skont dik id-Direttiva.

(4)

L-Anness I tad-Direttiva 2000/29/KE għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 2000/29/KE huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2014, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Ġunju 2014.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif issir tali referenza.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.


ANNESS

L-Anness I tad-Direttiva 2000/29/KE hu emendat kif ġej:

Fl-intestatura (a) tat-Taqsima II tal-Parti A, il-punt 0.1 huwa mħassar.