29.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 247/115


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-8 ta' Lulju 2014

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tas-Slovenja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tas-Slovenja, 2014

2014/C 247/22

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tinħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (3), li flimkien jiffurmaw il-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom.

(3)

Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri ddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għall-azzjoni fil-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro bl-użu tal-lievi, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, fejn b'mod partikolari esprimew impenn sħiħ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

(4)

Fid-9 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (4) dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tas-Slovenja għall-2013 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tas-Slovenja għall-perijodu 2012-2016. Fil-15 ta' Novembru 2013, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tas-Slovenja għall-2014.

(5)

Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew 2014 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih identifikat lis-Slovenja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom ser issir rieżami fil-fond.

(6)

Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet biex jiġu żgurati l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni biex jitrawwem it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li tkun segwita konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir, li l-kondizzjonijiet ta' self għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, li jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, li jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u li tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(7)

Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tar-rieżami fil-fond tagħha dwar is-Slovenja, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li s-Slovenja għadha qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, li jeħtieġu monitoraġġ u azzjoni politika b'saħħitha u kontinwa. Waqt li l-iżbilanċi kienu qed jevolvu matul l-2013 minħabba aġġustament makroekonomiku u xi azzjoni politika mis-Slovenja, id-daqs tal-korrezzjoni meħtieġa jfisser li riskji sostanzjali għadhom preżenti. B'mod iktar speċifiku, ir-riskji li joħorġu minn struttura ekonomika karatterizzata minn governanza korporattiva dgħajfa, livell għoli ta' involviment mill-Istat fl-ekonomija, telf fil-kompetittività tal-kost, piz żejjed tad-dejn tal-kumpanniji u żieda konsiderevoli fid-dejn tal-gvern jeżiġu attenzjoni mill-qrib ħafna. Waqt li sar progress konsiderevoli fit-tiswija tal-karti bilanċjali tal-banek, azzjoni determinata fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa ta' strateġija komprensiva għas-settur bankarju, inkluż ristrutturar, privatizzazzjoni u superviżjoni mtejba, għadha meħtieġa.

(8)

Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni indirizzat Rakkomandazzjoni Awtonoma lis-Slovenja fejn talbet lill-awtoritajiet biex jagħmlu aktar sforzi biex jiżguraw konformità sħiħa mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (PDE) u biex jirrappurtaw dwar miżuri addizzjonali f’sezzjoni dedikata tal-Programm ta’ Stabbiltà 2014.

(9)

Fil-15 ta' April 2014, is-Slovenja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tagħha u fl-24 ta' April 2014 il-Programm ta' Stabbiltà 2014 tagħha. Sabiex jittieħed kont tal-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew vvalutati fl-istess waqt.

(10)

L-objettiv tal-istrateġija baġitarja deskritta fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2014 huwa li d-defiċit eċċessiv jiġi kkoreġut sal-2015, u li l-objettiv tat-terminu medju jintlaħaq sal-2017. Il-Programm ta' Stabbiltà jikkonferma l-objettiv preċedenti fuq terminu medju ta' baġit ibbilanċjat, li huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, il-bilanċ strutturali (rikalkulat) mhux mistenni jilħaq l-objettiv fuq terminu medju sal-2017. Il-Programm ta' Stabbiltà jippjana li jnaqqas id-defiċit għal taħt it-3 % tal-PDG fl-2015, f'konformità mal-mira stabbilita fir-rakkomandazzjoni tal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Lil hinn mill-2015, il-Programm ta' Stabbiltà jipprevedi tnaqqis kontinwu fid-defiċit qabel ma jaqleb għal surplus ta' 0,3 % tal-PDG fl-2018. Il-Programm ta' Stabbiltà jipproġetta li d-dejn tal-gvern jilħaq l-ogħla punt tiegħu meta jilħaq il-81,1 % tal-PDG fl-2015 qabel ma jaqa' għal 76 % fl-2016. Kumplessivament, l-istrateġija baġitarja deskritta fil-Programm ta' Stabbiltà hija konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta' Stabbiltà, li ġie prodott minn korp indipendenti (l-Istitut għall-Analiżi Makroekonomika u l-Iżvilupp), huwa wieħed kawt. Il-Programm ta' Stabbiltà jidentifika xi miżuri addizzjonali li jassistu biex inaqqsu d-distakk bl-isforz fiskali meħtieġ. Abbażi ta' dan, huwa kkunsidrat li l-Programm ta' Stabbiltà rrisponda parzjalment għar-Rakkomandazzjoni Awtonoma tal-Kummissjoni. Madankollu, għad hemm riskji negattivi minħabba li l-miżuri li jirfdu l-Programm ta' Stabbiltà mhumiex iddettaljati biżżejjed, u ħafna minnhom għad iridu jiġu adottati.

Kull ħtieġa ta' rikapitalizzazzjoni addizzjonali tal-bank li tirriżulta mill-eżami tal-kwalità tal-assi u t-test tal-istress tal-2013 fis-Slovenja, iżżid il-proporzjonijiet tad-defiċit u tad-dejn waqt li kwalunkwe dħul mill-privatizzazzjoni b'suċċess tal-entitajiet jew banek proprjetà tal-istat li ma kienx inkorporat fil-proġettazzjonijiet tal-programm inaqqas il-piż tad-dejn. Abbażi tal-previżjoni tal-Kummissjoni, l-isforz fiskali matul il-perijodu 2013-2014 huwa 1,4 % inqas mill-PDG f'termini tal-bidla (ikkoreġuta) fil-bilanċ strutturali u 0,5 % inqas mill-PDG f'termini tal-ammont tal-miżuri meħtieġa stmati neċessarji meta saret ir-rakkomandazzjoni tal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Għall-2015, filwaqt li l-Programm ta' Stabbiltà jipproġetta defiċit skont ir-rakkomandazzjoni tal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv, il-previżjoni tar-Rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-2014 tistima defiċit ta' 3,1 % tal-PDG.

(11)

Barra minn hekk, abbażi tal-previżjoni tal-Kummissjoni, l-isforz fiskali mkejjel kemm mill-bidla (ikkoreġuta) fil-bilanċ strutturali kif ukoll mill-ammont sottostanti tal-miżuri diskrezzjonali li għandhom ikunu implimentati huwa mistenni li jkun inqas mill-livell rakkomandat mill-Kunsill għall-2015. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà u l-previżjoni tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li sforzi addizzjonali, fl-2014 u wara, huma meħtieġa sabiex tkun żgurata konformità sħiħa mar-rakkomandazzjoni tal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv, inkluż l-isforz strutturali meħtieġ.

(12)

Fir-rigward tar-regoli fiskali, fl-2013 il-Parlament approva bażi kostituzzjonali għall-istabbiliment ta' regola ta' bilanċ baġitarju/surplus tal-amministrazzjoni pubblika f'termini strutturali. Madankollu, il-leġislazzjoni ta' implimentazzjoni meħtieġa, jiġifieri l-Att tar-Regoli Fiskali, li kellu jidħol fis-seħħ sa Novembru 2013, għad irid jiġi adottat. B'mod partikolari, il-bażi ġuridika neċessarja jeħtieġ li tkun stabbilita sabiex ikunu definiti r-rwol, il-mandat u l-indipendenza ta' Kunsill Fiskali li jiffunzjona. It-tlestija f'waqtha ta' eżami komprensiv tan-nefqa tal-utenti baġitarji kollha fil-qasam ewlieni tas-saħħa jistgħu jidentifikaw miżuri li jirfdu l-konsolidazzjoni fiskali u jidentifikaw opzjonijiet għat-titjib tal-effiċjenza u l-kosteffikaċja.

(13)

Fl-2013, kien rakkomandat li s-Slovenja ssaħħaħ is-sostenibbiltà fuq medda twila ta' żmien tas-sistema tal-pensjonijiet u biex ittejjeb l-effiċjenza, il-kosteffettività u l-kwalità tas-settur tal-kura fit-tul. Is-Slovenja għamlet progress limitat fuq il-miżuri meħuda biex tkun indirizzata din ir-rakkomandazzjoni. Evalwazzjoni tar-riforma tal-pensjonijiet tal-2012 tlestiet f'April 2014 u l-ewwel sejbiet huma pożittivi. Waqt li ġie rrealizzat ċertu ffrankar fiskali, il-livell tal-pensjonijiet baqa' ma nbidilx. Is-Slovenja tiffaċċa riskji għolja ta' sostenibilità fiskali fuq terminu twil u medju prinċipalment minħabba żieda fin-nefqa relatata mat-tixjiħ implikata mid-demografija tas-Slovenja. Għaldaqstant is-sistemi tal-pensjonijiet u tal-kura fit-tul ser jeħtieġu li jiġu riformati fuq terminu medju biex in-nefqa kumplessiva tiġi stabbilizzata fuq it-terminu medju u twal filwaqt li tkun żgurata l-adegwatezza tal-pensjonijiet u l-aċċess għal servizzi tal-kura fit-tul. L-awtoritajiet qed jippjanaw li jħejju White Paper għal riforma komprensiva tal-pensjonijiet. Pjan ta' azzjoni għar-riforma tal-kura fit-tul kien adottat fi tmiem l-2013 u l-leġslazzjoni relatata hija mistennija sa tmiem l-2014. Madankollu, hemm ir-riskju li r-riforma tibqa' lura minħabba li r-riorganizzazzjoni tal-assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa li għadha qed issir waqgħet lura.

(14)

Is sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol marret għall-agħar. Il-qgħad laħaq l-10,3 % fl-2013 u l-qgħad fost iż-żgħażagħ tela' għal 21,6 % fl-2013 filwaqt li l-proporzjon ta' żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ żdied bi 2,1 punti perċentwali bejn l-2011 u l-2013. L-evalwazzjoni tar-riforma tas-suq tax-xogħol adottata fl-2013 tindika tnaqqis tas-segmentazzjoni bejn il-kuntratti permanenti u dawk b'terminu fiss, minkejja askapitu tal-użu akbar ta' forom oħra ta' kuntratti mhux permanenti, waqt li l-effett tal-inċentivi għall-impjieg ta' persuni ikbar u iżgħar għadu mhux ċar. Is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol qed tiġi indirizzata wkoll permezz ta' regolamentazzjoni aħjar tal-ħidma tal-istudenti. Waqt li att ġdid qed jistenna l-approvazzjoni, għad hemm tħassib dwar jekk dan hux ser jindirizza b'mod adgwat in-nuqqasijiet fir-regoli preċedenti. Il-Gvern għamel progress limitat fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tas-sena l-oħra dwar il-paga minima, li għadha qed tkun indiċjata biss mal-inflazzjoni, waqt li l-att dwar il-paga minima jippermetti indiċjar ma' kundizzjonijiet ekonomiċi oħra. Sar progress limitat fl-iżvilupp ta' miżuri effettivi mfassla apposta ta' politika attiva dwar is-suq tax-xogħol u fl-indirizzar tan-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet.

(15)

Il-Gvern għamel progress sostanzjali fl-indirizzar ta' rakkomandazzjonijiet dwar l-istabbilità fis-settur bankarju, li jwassal Analiżi tal-Kwalità tal-Assi u Stress Test kredibbli, rikapitalizzazzjoni f'waqtha, u t-trasferiment ta' self improduttiv lill-Kumpanija Maniġerjali tal-Assi tal-Bank. Madankollu, il-ħidma għadha 'l bogħod milli titlesta u azzjoni determinata biex tiġi ffinalizzata u implimentata strateġija bankarja komprensiva kif imħabbar f'Diċembru 2013, inkluż ir-ristrutturar, il-privatizzazzjoni u s-superviżjoni mtejba, hija meħtieġa. Il-livell ta' self improduttiv fis-sistema bankarja għadu għoli. Huwa għalhekk importanti li l-banek jibnu kapaċità interna biex iħaddmu self improduttiv inkluż it-tisħiħ tal-ġestjoni interna tal-assi u l-unitajiet ta' ristrutturar, biex jaċċelleraw l-ipproċessar ta' self improduttiv waqt li jimmassimizzaw l-valur ta' rkupru u jippreservaw in-negozji vijabbli. Kull trasferiment ulterjuri ta' self improduttiv lill-Kumpanija Maniġerjali tal-Assi tal-Bank jeħtieġ li jkun mfassal bir-reqqa sabiex jiffaċilità ristrutturar rapidu u effiċjenti ta' krediti korporattivi, b'mod partikolari fil-każ ta' self ta' gruppi kumplessi u interkonnessi. Pjan komprensiv għall-istrateġija tal-ġestjoni u għan-negozju li jissostanzja miri ta' ħlas lura għall-Kumpannija Maniġerjali tal-Assi tal-Bank huwa mistenni. Waqt li jibnu fuq il-lezzjonijiet meħuda mill-analiżi tal-kwalità tal-assi u mit-test tal-istress, miżuri deċiżivi ulterjuri biex jittejbu l-governanza u s-superviżjoni għall-banek kollha, u b'mod partikolari għal dawk li jibqgħu fi sjieda tal-Istat, huma meħtieġa għat-tisħiħ tal-ġestjoni tar-riskju, it-titjib ta' proċessi għall-approvazzjoni tal-krediti u t-titjib tal-kwalità u d-disponibbiltà tad-data, bl-objettiv li jitnaqqsu l-livelli tas-self improduttiv u biex ikunu limitati r-riskji futuri.

(16)

Il-Gvern għamel progress limitat fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar il-governanza korporattiva ta' intrapriżi tal-istat, li jkopru wieħed minn kull sitta tal-valur miżjud totali u jifformaw relazzjoni komplessa ta' banek domestiċi, grupp tal-assigurazzjoni u korporazzjonijiet mhux finanzjarji, b'parteċipazzjoni azzjonarja inkroċjata sinifikanti. Il-livell ta' influwenza mill-Istat joħloq riskji sinifikanti għall-finanzi pubbliċi kemm direttament kif ukoll indirettament permezz ta' obbligazzjonijiet mill-garanziji. Strateġija koerenti għall-ġestjoni tal-intrapriżi tal-istat flimkien ma' governanza korporattiva mtejba joħolqu ambjent aktar favorevoli biex jiġi attirat investiment dirett barrani. Minkejja li ttieħdu l-ewwel passi billi saret lista inizjali ta' 15-il kumpannija għall-privatizzazzjoni aċċelerata f'Mejju 2013, sal-lum il-progress kien wieħed imħallat u hemm riskju sinifikanti li l-iskadenzi ma jiġux sodisfatti. Wara xi dewmien, il-leġislazzjoni l-ġdida li tirfed l-Impriża Sovrana Slovena, mezz għall-konsolidazzjoni tal-ġestjoni tas-sjieda mill-Istat, ġiet introdotta f'April 2014. Strateġija komprensiva u klassifikazzjoni preċiża tal-assi ewlenin u dawk mhux ewlenin inkluż dawk indikati għall-privatizzazzjoni, huma mistennija. Hemm bżonn li jiġu identifikati u implimentati miżuri xierqa biex ikun żgurat il-proċess ta' ristrutturar u l-kisba tal-miri tiegħu inkluż, fost l-oħrajn, il-massimizzazzjoni tal-valur ta' rkupru għall-kredituri u l-istabbiliment ta' lista tal-każijiet l-iktar urġenti għar-ristrutturar għal soluzzjoni rapida.

(17)

Il-qafas ta' insolvenza ġie emendat fl-2013 sabiex tkun iffaċilitata r-riżoluzzjoni f'waqtha tas-self improduttiv iżda l-qafas il-ġdid fil-biċċa l-kbira tiegħu għadu ma ġiex ittestjat. Livell għoli ta' dejn u diffikultà finanzjarja llimitaw il-kapaċità tas-settur korporattiv li jinvesti fi proġetti futuri. Ir-ristrutturar finanzjarju u operattiv urġentament meħtieġ tas-settur korporattiv għad irid jibda fuq skala kbira. Ħarsa konsolidata tal-iskoperturi ta' kreditu varji fis-sistema bankarja hija meħtieġa biex tiġi aċċelerata s-soluzzjoni ta' self improduttiv u jiġu ffaċilitati n-negozjati ta' ristrutturar, b'mod partikolari fil-każ ta' self ta' gruppi kumplessi u interkonnessi. Task force ċentralizzata b'rappreżentanti esperjenzati tal-partijiet interessati kollha jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jappoġġaw u jaċċelleraw dan il-proċess. Sadanittant, għeluq rapidu u effiċjenti ta' bosta każijiet urġenti li għadhom għaddejjin bħalissa fil-Kumpanija Maniġerjali tal-Assi tal-Bank huwa kruċjali.

(18)

Minkejja l-potenzjal tagħha, is-Slovenja għandha wieħed mill-iktar stokks baxxi ta' investiment dirett barrani fl-Unjoni (34,1 % tal-PDG meta mqabbel mal-medja ta' 47,1 % tal-PDG fl-Unjoni fl-2012). Filwaqt li l-privatizzazzjoni u r-ristrutturar korporattiv joffru bosta possibilitajiet ġodda għall-investituri privati, hemm evidenza li l-kultura u l-ambjent tan-negozju insuffiċjentament żviluppati jfixklu lis-Slovenja milli tieħu vantaġġ sħiħ minnhom. Fl-2012 beda proċess ta' deregulazzjoni ta' professjonijiet irregolati u, sa issa, l-għadd ta' professjonijiet irregolati naqas minn 323 għal 262. Deregulazzjoni ulterjuri ta' professjonijiet irregolati tikkontribwixxi għaż-żieda tal-għadd ta' fornituri ta' servizzi domestiċi u barranin u għaldaqstant tikkontribwixxi għall-kompetittività miżjuda. Hemm potenzjal li tiżdied il-koerenza tal-miżuri maħsuba biex itejbu l-ambjent tan-negozju u l-attivitajiet imprenditorjali. F'dan il-kuntest, l-Istrateġija ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti taħt il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment għall-2014-20 ser tipprovdi opportunità biex issir enfasi fuq miżuri ewlenin bħall-ħolqien ta' prodotti kummerċjabbli u innovattivi.

(19)

Is-Slovenja qiegħda fl-istadji bikrija fit-tħejjija ta' proposti ta' riforma tas-settur pubbliku komprensivi (li ser jiġu adottati sa Jannar 2015). F'dan il-kuntest, is-Slovenja għandha tirkupra l-kredibbilità u l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika. Is-Slovenja għamlet xi progress fit-titjib tal-kwalità tas-sistema ġudizzjarja u naqqset l-għadd ta' każijiet pendenti. Riforma tal-ġestjoni ta' każijiet fil-ġustizzja kummerċjali u ċivili tejbet il-funzjonament tas-sistema tal-qorti. Inżammu x-xejriet pożittivi reċenti f'każijiet litiġużi ċivili u kummerċjali.

(20)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tas-Slovenja. Hija vvalutat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Stabbiltà. Mhux biss ħadet kont tar-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fis-Slovenja iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha taħt is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (8) hawn taħt.

(21)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt.

(22)

Fid-dawl tar-reviżjoni fil-fond tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (8) ta' hawn taħt.

(23)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika fiż-żona tal-euro bħala entità sħiħa. Abbażi ta' dan, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (7). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, is-Slovenja għandha wkoll tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovenja tieħu azzjoni fil-perijodu 2014-2015 biex:

1.

Issaħħaħ l-istrateġija baġitarja b'miżuri suffiċjentament speċifikati għas-sena 2014 u lil hinn biex tiżgura korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b'manjiera sostenibbli sal-2015 permezz tal-kisba tal-isforz tal-aġġustament strutturali speċifikat fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fil-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Korrezzjoni durabbli tal-iżbilanċi fiskali teħtieġ l-implimentazzjoni kredibbli ta' riformi strutturali ambizzjużi biex tiżdied il-kapaċità ta' aġġustament u jiġu xprunati t-tkabbir u l-impjiegi. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, tfittex li tikseb aġġustament strutturali ta' mill-inqas 0,5 % tal-PDG kull sena, u iktar f'kondizzjonijiet ekonomiċi tajba jew li tiżgura li r-regola tad-dejn tkun sodisfatta sabiex il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika jitqiegħed fit-triq tan-niżla. Ittejjeb il-kredibbiltà tal-politika fiskali, tlesti l-adozzjoni ta' regola ta' bilanċ/surplus baġitarju tal-amministrazzjoni pubblika f'termini strutturali, tagħmel il-qafas baġitarju fuq terminu medju vinkolanti, kumplessiv u trasparenti, u tistabilixxi l-bażi legali meħtieġa għal kunsill fiskali li jiffunzjona billi tiddefinixxi l-mandat tiegħu fil-proċess baġitarju u tintroduċi arranġamenti proċedurali ċari għall-monitoraġġ tar-riżultati baġitarji mill-aktar fis possibbli. Tniedi rieżami komprensiv tan-nefqa li tkopri l-livelli tal-istat u tal-gvern lokali, l-utenti diretti u indiretti tal-baġit u l-fornituri ta' utilitajiet u servizzi proprjetà tal-muniċipalità fil-qasam tal-kura tas-saħħa sal-aħħar tal-2014 bil-għan li jkun realizzat iffrankar baġitarju fl-2015 u lil hinn.

2.

Abbażi tal-konsultazzjoni pubblika, taqbel dwar miżuri biex jiżguraw is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet u l-adegwatezza tal-pensjonijiet wara l-2020, li jinkludu aġġustamenti ta' parametri ewlenin, bħall-irbit tal-età statutorja tal-irtirar maż-żieda fl-istennija tal-ħajja u tinkoraġġixxi kontribuzzjonijiet privati għat-tieni pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet. Tillimita n-nefqa relatata mal-età fuq il-kura fit-tul billi tindirizza l-benefiċċji lil dawk li l-aktar għandhom bżonn u tmexxi l-enfasi mill-provvediment tal-kura istituzzjonali għall-kura fid-dar.

3.

Wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u skont il-prattiki nazzjonali, tiżviluppa sa tmiem l-2014 Ftehim Soċjali komprensiv li jiżgura li l-iżviluppi fil-pagi, inkluża l-paga minima, jappoġġaw il-kompetittività, id-domanda domestika u l-ħolqien tax-xogħol. Tiddefinixxi mill-ġdid il-kompożizzjoni tal-paga minima u tirrieżamina s-sistema ta' indiċjar tagħha. Tieħu miżuri biex titnaqqas iktar is-segmentazzjoni, b'mod partikolari billi tindirizza l-effiċjenza tal-inċentivi għar-reklutaġġ ta' ħaddiema żgħażagħ u dawk iktar maturi u l-użu ta' kuntratti tad-dritt ċivili. Tadotta l-Att dwar ix-Xogħol tal-Istudenti. Tipprijoritizza l-attivitajiet biex jintlaħqu żgħażagħ mhux irreġistrati billi tiżgura kapaċitajiet tas-servizz pubbliku tal-impjiegi. Iżżid l-impjieg ta' ħaddiema bi ftit ħiliet u dawk iktar maturi, tadatta l-ambjent tax-xogħol għal ħajja tax-xogħol itwal u tiffoka r-riżorsi fuq miżuri ta' politika attiva mfassla apposta fis-suq tax-xogħol, waqt li ttejjeb l-effikaċja. Tindirizza n-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet billi ttejjeb l-attrazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u billi tiżviluppa aktar il-kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

4.

Kif ippjanat, tlesti l-privatizzazzjoni ta' NKBM fl-2014, tipprepara Abanka għall-privatizzazzjoni fl-2015, tkompli l-implimentazzjoni minnufih tal-pjanijiet ta' ristrutturar tal-banek li qed jirċievu għajnuna mill-Istat u l-konsolidazzjoni meħtieġa tas-settur bankarju. Abbażi tal-lezzjonijiet li ħarġu mill-analiżi tal-kwalità tal-assi u mit-test tal-istress, tiffinalizza l-pjan ta' azzjoni komprensiv għall-banek f'Awwissu 2014, inklużi miżuri speċifiċi biex ittejjeb il-governanza, is-superviżjoni, il-ġestjoni tar-riskji, il-proċess ta' approvazzjoni tal-krediti u l-kwalità u d-disponibbiltà tad-data. Issaħħaħ il-kapaċità tal-banek li jsolvu self improduttiv billi jsaħħu l-unitajiet interni tal-ġestjoni tal-assi u r-ristrutturar. Tikkjarifika l-mandat tal-Kumpannija Maniġerjali tal-Assi tal-Bank billi tippubblika pjan komprensiv għall-istrateġija tal-ġestjoni u għan-negozju sa Settembru 2014, li jispjega fid-dettall r-rwol tagħha fir-ristrutturar tal-assi tagħha, il-miri ta' tifdija, baġits, pjanijiet ta' ġestjoni tal-assi u redditu mistennija, waqt li tiżgura riżorsi adegwati.

5.

Tkompli timplimenta l-privatizzazzjonijiet imħabbra fl-2013 bl-oqfsa taż-żmien stabbiliti. Tadotta strateġija Għas-Slovenian Sovereign Holding bi klassifikazzjoni ċara tal-assi f'konformità mal-iskeda u d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Att tas-Slovenian Holding Act tal-2014. Sa Novembru 2014 timpenja ruħha għal skeda ta' divestiment fuq żmien qasir (orizzont ta' sena sa sentejn) għal għadd ta' assi mmirati sew bi skala ċara ta' żmien. Tagħmilha kompletament operattiva bħala vejikolu għall-ġestjoni tal-assi li jibqgħu sjieda tal-Istat u għad-divestiment tal-assi mmarkati skont l-atti ta' ġestjoni, fil-qafas ta' żmien stipulat bil-liġi. Sa Settembru 2014, tadotta u timplimenta kodiċi ta' governanza korporattiva għall-intrapriżi tal-Istat biex tiżgura ġestjoni professjonali, trasparenti u indipendenti.

6.

Tiffinalizza pjan regolatorju għar-ristrutturar korporattiv sa tmiem l-2014 skont prijoritajiet ċari u proċess ta' implimentazzjoni effettiva. Twaqqaf task force ċentrali u korporattiva għar-ristrutturar li timmonitorja u tikkoordina l-proċess kumplessiv ta' ristrutturar, waqt li tipprovdi l-kompetenza esperta, il-gwida u l-pariri meħtieġa u tiffaċilita l-proċess ta' negozjar bejn il-partijiet interessati kollha involuti. Tistabbilixxi lista tal-każijiet l-iktar urġenti ta' ristrutturar, waqt li timmassimizza l-valur ta' rkupru tal-kredituri. Tippromwovi l-użu tal-mekkaniżmi legali disponibbli u tal-aħjar prattiki internazzjonali lill-partijiet interessati kollha fil-proċess ta' ristrutturar. Tevalwa bidliet riċenti fil-leġislazzjoni dwar l-insolvenza sa Settembru 2014, waqt li tkun lesta li tintroduċi kull miżura addizzjonali meħtieġa. Tnaqqas aktar it-tul tal-proċedimenti ġudizzjarji fl-ewwel istanza f'kawżi litiġużi ċivili u kummerċjali inklużi kawżi skont il-leġislazzjoni dwar l-insolvenza, u l-għadd ta' kawżi pendenti, b'mod partikolari kawżi ta' infurzar u insolvenza.

7.

Tnaqqas l-ostakoli għan-negozju fis-Slovenja f'oqsma ewlenin għall-iżvilupp ekonomiku biex b'hekk tagħmel il-pajjiż iktar attraenti għall-investiment dirett barrani b'mod partikolari permezz ta' liberalizzazzjoni aċċellerata tal-professjonijiet irregolati, tnaqqis tal-piż amministrattiv inklużi skemi ta' awtorizzazzjoni inqas ingumbranti. Tiżgura awtonomija baġitarja suffiċjenti għall-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u żżid l-indipendenza istituzzjonali tagħha. Tissimplifika l-prijoritajiet u tiżgura konsistenza bejn l-Istrateġija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-2011 u dik tal-Politika Industrijali tal-2013, flimkien mal-istrateġiji li ġejjin dwar l-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti u t-Trasport u tiżgura l-implimentazzjoni minnufih u l-valutazzjoni tal-effikaċja tagħhom.

8.

Tieħu miżuri effettivi biex tiġġieled il-korruzzjoni, ittejjeb it-trasparenza u r-responsabbiltà, u tintroduċi evalwazzjoni esterna tal-prestazzjoni u proċeduri tal-kontroll ta' kwalità.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

P. C. PADOAN


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  Miżmuma għall-2014 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

(4)  ĠU C 217, 30.7.2013, p. 75.

(5)  Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).

(6)  Taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(7)  Ara paġna 141 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.