29.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 247/7


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-8 ta' Lulju 2014

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Bulgarija u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Bulgarija, 2014

2014/C 247/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (EU) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tinħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

(2)

Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi għall-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (3), li flimkien jiffurmaw il-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom.

(3)

Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri ddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni f'livell nazzjonali, tal-UE kif ukoll taż-żona tal-euro permezz tal-użu tal-lievi, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, fejn b'mod partikolari esprimew impenn sħiħ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(4)

Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (4) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Bulgarija għall-2013 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Konverġenza aġġornat tal-Bulgarija għall-perijodu 2012-2016.

(5)

Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew 2014 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih identifikat lill-Bulgarija bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom se ssir reviżjoni fil-fond.

(6)

Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà finanzjarja, konsolidament fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ it-tkabbir. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidament fiskali differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kundizzjonijiet ta' self għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu ttrattati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex l-amministrazzjoni pubblika tiġi mmodernizzata.

(7)

Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tal-eżami mill-ġdid fil-fond dwar il-Bulgarija, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslet biex jiġi konkluż li l-Bulgarija kienet għad għandha żbilanċi makroekonomiċi li jeħtieġu monitoraġġ u azzjoni politika. Partikolarment, l-aġġustament li qed jieħu fit-tul tas-suq tax-xogħol jiġġustifika azzjonijiet politiċi, filwaqt li qed isir progress tajjeb fil-korrezzjoni tal-pożizzjoni esterna u d-diżingranaġġ korporattiv.

(8)

Fis-17 ta' April 2014, il-Bulgarija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 u l-Programm ta' Konverġenza 2014 tagħha. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ Programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(9)

L-objettiv tal-istrateġija baġitarja spjegata fil-Programm ta' Konverġenza għall-2014 huwa li jintlaħaq l-objettiv fuq terminu medju ta' defiċit strutturali ta' -1 % tal-PDG sal-fl-2016. L-objettiv ta’ terminu medju huwa aktar strinġenti minn dak tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-Bulgarija bbenefikat minn possibbiltà ta' devjazzjoni temporanja mill-objettiv ta’ terminu medju b'0,6 % tal-PDG fl-2013 u b'0,1 % tal-PDG fl-2014 li ppermettew proġetti ffinanzjati b'mod konġunt. Il-Programm ta' Konverġenza jippjana deterjorazzjoni fil-bilanċ strutturali (rikalkulat) b'0,3 % tal-PDG fl-2014, li jwassal għal -1,3 % tal-PDG, u għal titjib b'0,3 % tal-PDG fl-2015, li jwassal għal -1,0 % tal-PDG, jiżguraw ir-ritorn lejn l-objettiv ta’ terminu medju. Ir-rata tat-tkabbir tan-nefqa tal-gvern ma taqbiżx il-parametru referenzjarju rilevanti tan-nefqa ta' terminu medju fl-2014-15. Għalhekk il-pjan baġitarji huma skont ir-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-proporzjon tad-dejn huwa inqas sew minn 60 % tal-PDG u, skont il-Programm tal-Gvern, huwa mistenni li jiżdied biss ftit għal 20,6 % tal-PDG sal-aħħar tal-perijodu tal-programm. Ix-xenarju makroekonomiku sottostanti l-previżjonijiet baġitarji fil-Programm ta' Konverġenza huwa ottimist għall-perijodu 2014-15, bi tkabbir annwali mistenni jilħaq 2,1 % fl-2014 u 2,6 % fl-2015 minflok 1,7 % fl-2014 u 2,0 % fl-2015 proġettati mit-tbassir tar-rebbiegħa 2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni, id-devjazzjoni tal-Bulgarija mill-objettiv ta’ terminu medju fl-2014 huwa akbar minn dak permess abbażi tad-devjazzjoni temporanja permessa mill-proġetti finanzjati b'mod konġunt, u r-redditu meħtieġ fuq l-objettiv ta' terminu medju mhux se jintlaħaq fl-2015. Abbażi tal-valutazzjoni tagħha tal-Programm ta' Konverġenza tal-2014 u t-tbassir tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li jeżisti riskju ta' devjazzjoni mill-objettiv ta’ terminu medju mill-2014-15.

(10)

Il-konformità tat-taxxa u l-kwalità tal-amministrazzjoni tat-taxxa għadhom ta' sfida ewlenija fil-Bulgarija. L-estimi disponibbli jindikaw li teżisti ekonomija moħbija mdaqqsa, u dan huwa kkonfermat mid-data dwar ix-xogħol mhux dikjarat fil-Bulgarija. Il-kostijiet amministrattivi tal-ġbir ta' dħul u l-kostijiet tal-konformità biex jitħallsu t-taxxi huma relattivament għoljin. Minkejja diversi miżuri meħuda b'reazzjoni għal dawn l-isfidi, il-Bulgarija xorta waħda għad ma għandhiex strateġija sħiħa għall-konformità tat-taxxa, li tkopri l-ħidma kollha tal-awtoritajiet tal-ġbir tat-taxxa u li tinkludi analiżi minn qabel tal-aktar riskji sinifikanti għall-ġbir tat-taxxa kif ukoll evalwazzjoni tal-miżuri diġà fis-seħħ, inklużi miżuri ta' simplifikazzjoni kif ukoll kontrolli aħjar.

(11)

Fl-2013, il-Bulgarija marret pass lura mill-impenji li ħadet qabel fil-qasam tar-riforma tal-pensjonijiet. L-Iskemi ta’ rtirar bikri ma tnaqqsux kif kien previst. Iż-żieda annwali ppjanata fl-età statutorja tal-irtirar ġiet posposta. Ma sar l-ebda progress fejn tidħol l-armonizzazzjoni tal-età tal-irtirar għall-irġiel u n-nisa u ma ttieħdu l-ebda passi biex jiġu ssikkati l-kriterji tal-eliġibbiltà u l-kontrolli biex jiġi limitat l-abbuż fl-allokazzjoni tal-pensjonijiet tal-invalidità. Il-Bulgarija hija wieħed mill-pajjiżi fejn il-popolazzjoni qed tixjieħ bl-aktar mod mgħaġġel fl-Unjoni, u dan għandu implikazzjonijiet negattivi fuq is-suq tax-xogħol, il-potenzjal għat-tkabbir fl-ekonomija u għall-finanzjament tas-sistema tal-pensjonijiet tagħha. Għalhekk il-Bulgarija teħtieġ tkompli r-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet tagħha. Il-Bulgarija qiegħda wkoll taffaċċa sfidi kbar fir-razzjonalizzazzjoni u l-immaniġġar tas-settur tal-isptarijiet, inkluż nuqqas ta' trasparenza fil-finanzjament tal-isptarijiet u servizzi tal-kura tal-pazjenti ta' barra mhux żviluppati biżżejjed. Barra minn hekk, il-livell għoli ta pagamenti formali u informali mġarrba mill-pazjenti effettivament teskludi ċerti segmenti tal-popolazzjoni mill-aċċess għall-kura tas-saħħa. L-indikaturi tal-istatus tal-qasam tas-saħħa huma dgħajfa ħdejn Stati Membri oħra, ħaġa li tindika li fil-futur tista' tkun meħtieġa nefqa strutturali pubblika ogħla fis-settur tas-saħħa.

(12)

Fl-aħħar snin is-suq tax-xogħol ma kellux prestazzjoni tajba, u b'hekk kien qed jillimita l-kapaċità ta' aġġustament tal-ekonomija u jhedded il-potenzjal tat-tkabbir tagħha. Il-qgħad stabbilizza ruħu fl-2013, iżda r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul komplew jiżdiedu. Il-Bulgarija taffaċċa waħda mill-ogħla proporzjonijiet ta' żgħażagħ li mhux jaħdmu, li mhux qed jistudjaw jew mhux qed jirċievu taħriġ, ħaġa li timplika sottoutilizzazzjoni u sottożvilupp gravi tal-kapital uman. Sar biss progress limitat ħafna fit-tisħiħ tal-kapaċità tal-Aġenzija tal-Impjiegi. Hemm ukoll il-ħtieġa li l-kopertura u l-effikaċja tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol jiġu estiżi. Il-Bulgarija ma għandhiex miżuri effettivi biex tilħaq liż-żgħażagħ mhux reġistrati, inklużi r-Rom, f'konformità mal-objettivi ta' garanzija għaż-żgħażagħ. Proporzjonijiet sinifikanti ta' dawk qiegħda mhumiex koperti minn protezzjoni soċjali standard (benefiċċji għal min ma jaħdimx u għajnuna soċjali) iżda jiddependu minflok fuq is-solidarjetà tal-familja jew xogħol informali. Il-Bulgari jinsabu f'wieħed mill-ogħla riskji tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-Unjoni. Livelli minimi għall-pagamenti tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali jistgħu jimpedixxu lil dawk bi ftit ħiliet milli jipparteċipaw bis-sħiħ l-ekonomija formali. Twettqu xi analiżijiet biex jiġi vvalutat l-impatt possibbli u dawn jeħtieġ li jiġu vvalutati u segwiti b'azzjoni politika xierqa. Ma hemmx linji gwida ċari għall-istipular trasparenti tal-paga minima fil-Bulgarija. Il-paga minima statutorja żdiedet sostanzjalment mill-2011 u dan seta' kellu impatt negattiv fuq l-impjiegi u għalhekk għandu jiġi mmonitorjat.

(13)

Il-Bulgarija għadha ma adottatx l-Att tal-Edukazzjoni fl-Iskejjel li jipprovdi qafas għall-implimentazzjoni tar-riformi komprensivi meħtieġa tas-sistema tal-iskola, fosthom il-modernizzazzjoni tal-kurrikula u taħriġ aħjar għall-għalliema. Hemm il-ħtieġa li titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-Bulgarija u li jiġu integrati aħjar fl-istrutturi edukattivi ġenerali sabiex isiru possibbli perkorsi flessibbli, jitnaqqas it-tluq kmieni mill-iskola u jitjieb l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja. Min-naħa tagħha, l-edukazzjoni għolja qed taffaċċa sfidi persistenti biex tirrispondi aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. L-istandard baxx tal-kwalità taċ-ċertifikati jikkontribwixxi għal prestazzjoni ħażina. Qiegħda tiġi diskussa strateġija ġdida għall-edukazzjoni għolja, li titlob ristrutturar tal-maniġment tal-universitajiet permezz tal-involviment dirett tal-partijiet interessati bħan-negozji u l-istudenti, il-konsolidazzjoni tal-universitajiet, u approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni biex l-outputs edukattivi jkunu allinjata aħjar mad-domandi tas-suq tax-xogħol. Sfida li tkompli tikkonċerna l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal żvantaġġati, partikolarment it-tfal Rom. Is-sentejn preskolastiċi obbligatorji hija miżura importanti fid-direzzjoni t-tajba u għandha tiġi implimentata b'mod strett, flimkien ma' miżuri li jipprevjenu t-tluq kmieni mill-iskola. Hemm il-ħtieġa li jiżdiedu l-inizjattivi eżistenti biex jitjieb it-taħriġ tal-għalliema u titnaqqas de facto s-segregazzjoni fl-iskejjel. Ir-regoli li jgħaqqdu l-allowance għat-tfal b’parteċipazzjoni fl-edukazzjoni huma fis-seħħ, iżda jista' jkun li l-miżuri għadhom ma tawx l-effetti mixtieqa.

(14)

Sforzi usa' biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika kellhom impatt limitat minħabba l-approċċ frammentat u l-impenn insuffiċjenti lejn riformi fil-fond. Il-Bulgarija teħtieġ strateġija kkoordinata għar-riforma fl-amministrazzjoni pubblika biex jissaħħu l-professjonaliżmu u l-indipendenza tal-amministrazzjoni pubblika u tal-aġenziji regolatorji tagħha, fosthom sistemi meritokratika għall-ħatriet u l-iżvilupp tal-karrieri tal-uffiċjali pubbliċi u strutturi effettivi biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni. Aktar sforzi huma meħtieġa biex jitjieb l-ambjent kummerċjali ġenerali. L-isfidi jinkludu l-proċeduri biex jinkisbu l-permessi u r-reġistrazzjoni ta' negozji. Ir-riżoluzzjoni tal-insolvenzi tieħu aktar minn medja ta' tliet snin u r-rata tal-irkupru hija baxxa. Ġew adottati regoli ġodda dwar il-pagamenti tard fl-2013 u jeħtieġ li jiġu implimentati. L-iżvilupp tal-gvern-e waqaf, u l-koordinazzjoni biex tkun żgurata l-interoperabbiltà tas-sistemi u l-ħolqien ta' punt uniku ta' kuntatt mhumiex biżżejjed, u b'hekk qed jiġu limitati l-isforzi biex tiżdied it-trasparenza u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi. Fil-qasam tal-akkwist pubbliku ma jeżistix qafas legali sempliċi u kodifikat, u dan iwassal għal sitwazzjoni legali u regolatorja kumplikata li toħloq ħafna inċertezzi għall-operaturi. L-indipendenza tal-ġudikatura wkoll għadha ta' tħassib ewlieni li jaffettwa l-ambjent kummerċjali fil-Bulgarija. Il-Bulgarija ħadet xi passi biex tindirizza l-korruzzjoni, iżda l-progress kumplessiv kien limitat u jibqa' fraġli u jirrikjedi kontrolli konsistenti u sanzjonijiet dissważivi għall-konflitti ta' interess. Hemm ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar fost l-istituzzjonijiet ta' kontra l-korruzzjoni u li jiġu protetti mill-influwenza politika.

(15)

Il-kompetizzjoni fis-setturi tal-elettriku u l-gass għadha limitata. Oqsma ta' tħassib partikolari għat-titjib tal-funzjonament tas-swieq tal-enerġija jinkludu n-nuqqas ta' skambji fl-elettriku u l-gass u n-nuqqas ta' suq tal-operaturi trasparenti. Is-suq ħieles fl-elettriku huwa ddominat minn fornitur wieħed u d-daqs limitat tiegħu jfisser li l-kompetizzjoni ma tistax taqdi l-funzjoni tagħha li tiżgura l-kosteffiċjenza. L-indipendenza u effikaċja tar-regolatur nazzjonali tibqa' limitata. Id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet minn għadd limitat ta' fornituri u n-nuqqas ta' żvilupp infrastrutturali joħolqu riskju ta' xokkijiet fil-provvista. Pakkett komprensiv ta' miżuri biex titjieb effiċjenza enerġetika kien propost biex jiġi ffinanzjat mill-UE fil-perijodu ta' programmar il-ġdid 2014-2020.

(16)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għamlet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Bulgarija. Hija vvalutat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Konverġenza. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Bulgarija iżda anki l-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew jidhru fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (6) hawn taħt.

(17)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza, u l-opinjoni tiegħu (5) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt.

(18)

Il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Konverġenza fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (3), (4) u (5) hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Bulgarija tieħu azzjoni fil-perijodu 2014-2015 sabiex:

1.

Issaħħaħ il-miżuri baġitarji għall-2014 fid-dawl tad-differenza emerġenti meta mqabbel mal-parti preventiva tar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fl-2015, issaħħaħ l-istrateġija baġitarja biex tiżgura li jintlaħaq l-objettiv fuq perijodu medju u jinżamm wara. Tiżgura l-kapaċità tal-kunsill fiskali l-ġdid biex ikun jista' jissodisfa l-mandat tiegħu. Timplimenta strateġija tat-taxxa komprensiva biex issaħħaħ il-ġbir tat-taxxa, tindirizza l-ekonomija moħbija u tnaqqas il-kostijiet tal-konformità.

2.

Tadotta strateġija fuq terminu twil għas-sistema tal-pensjonijiet, tkompli biż-żieda annwali pjanata fl-età statutorja tal-irtirar u tistabbilixxi mekkaniżmu biex torbot l-età statutorja tal-irtirar mal-istennija tal-għomor fuq terminu twil, filwaqt li gradwalment tneħħi l-għażliet tal-irtirar kmieni u tekwalizza l-età statutorja tal-irtirar għall-irġiel u n-nisa. Tissikka l-kriterji tal-eliġibbiltà u l-proċeduri għall-allokazzjoni tal-pensjonijiet tal-invalidità, pereżempju billi tqis aħjar il-kapaċità li l-applikanti jkun baqagħlhom biex jaħdmu. Tassigura l-għoti ta' kura tas-saħħa kosteffettiva inkluż billi ttejjeb il-prezz tas-servizzi tal-kura tas-saħħa filwaqt li torbot il-finanzjament tal-isptarijiet mal-eżiti, taċċellera l-ottimizzazzjoni tan-netwerk tal-isptarijiet u tiżviluppa l-kura tal-pazjenti esterni.

3.

Ittejjeb l-effiċjenza tal-Aġenzija tal-Impjiegi billi tiżviluppa sistema ta' monitoraġġ tal-prestazzjoni u timmira aħjar lejn dawk l-aktar vulnerabbli, bħall-ħaddiema bi ftit ħiliet u ixjaħ, dawk qiegħda fit-tul u r-Rom. Testendi l-kopertura u l-effikaċja tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol biex tqabbel il-profili ta' min qiegħed ifittex xogħol u tilħaq liż-żgħażagħ mhux reġistrati li mhux jaħdmu, li mhux qed jistudjaw jew mhux qed jirċievu taħriġ, f'konformità mal-objettivi ta' garanzija għaż-żgħażagħ. Ittejjeb il-kopertura effettiva tal-benefiċċji tal-qgħad u l-għajnuna soċjali u r-rabtiet tagħhom mal-miżuri ta' attivazzjoni. Tkompli r-rieżami komprensiv tal-limiti minimi għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ħalli tiżgura li s-sistema ma tagħmilhiex aktar vantaġġuża għal dawk bi ftit ħiliet li jibqgħu barra mis-suq tax-xogħol. Tistabbilixxi, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, linji gwida trasparenti għall-aġġustament tal-pagi minimi statutorji filwaqt li tqis l-impatt fuq l-impjiegi u l-kompetittività. Sabiex ittaffi l-faqar, ittejjeb aktar l-aċċessibbiltà u l-effikaċja tas-servizzi soċjali u t-trasferimenti għat-tfal u l-anzjani.

4.

Tadotta l-Att dwar l-Edukazzjoni fl-Iskejjel u twettaq riformi fl-edukazzjoni vokazzjonali u għolja sabiex iżżid il-livell u r-rilevanza tal-ħiliet miksuba fil-livelli kollha, filwaqt li trawwem sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u d-dinja kummerċjali bil-għan li tallinja aħjar ir-riżultati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Issaħħaħ il-kwalità tal-edukazzjoni vokazzjonali u l-istituzzjonijiet tat-taħriġ u ttejjeb l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja. Tħaffef l-isforzi biex ittejjeb l-aċċess għall-edukazzjoni preskolastika u skolastika ta' kwalità u inklużiva ta' tfal żvantaġġati, partikolarment ir-Rom u timplimenta b'mod strett ir-regoli li jorbtu l-pagament tal-benefiċċji tat-tfal mal-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni.

5.

Tkompli ttejjeb l-ambjent kummerċjali, partikolarment għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju, billi tnaqqas il-burokrazija, tippromwovi l-gvern-e, tirrazzjonalizza l-proċeduri ta' insolvenza u timplimenta leġiżlazzjoni dwar il-pagamenti tard. Ittejjeb is-sistema tal-akkwist pubbliku billi ttejjeb il-kapaċità amministrattiva, issaħħaħ il-kontrolli ex ante mwettqa mill-Aġenzija tal-Akkwist Pubbliku u tieħu passi konkreti għall-implimentazzjoni tal-akkwist-e. Ittejjeb il-kwalità u l-indipendenza tal-ġudikatura u żżid il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

6.

Iżżid ir-riformi tas-settur tal-enerġija sabiex iżżid il-kompetizzjoni, l-effiċjenza u t-trasparenza tas-suq u l-effiċjenza enerġetika, partikolarment billi tneħħi l-ostakli għas-suq, tnaqqas il-piż tas-segment regolat, iżżid l-isforzi biex toħloq suq tal-operaturi trasparenti għall-elettriku u l-gass, tneħħi l-kwoti gradwalment, u ssaħħaħ l-indipendenza u l-kapaċità amministrattiva tar-regolatur tal-enerġija. Taċċelera l-proġetti ta' interkonessjoni mal-Istati Membri ġirien u mal-pajjiżi kandidati, b'mod partikolari għall-gass, u ssaħħaħ il-kapaċità li tindirizza l-qtugħ.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

P. C. PADOAN


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  Miżmuma għall-2014 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

(4)  ĠU C 217, 30.7.2013, p. 10.

(5)  Taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.