11.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/79


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta' Ottubru 2014

dwar swieq rilevanti ta' prodotti u servizzi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li huma suxxettibbli għar-regolamentazzjoni ex ante f'konformità mad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/710/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (id-Direttiva Qafas) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat l-opinjonijiet tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Kumitat tal-Komunikazzjoni,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/21/KE tistabbilixxi qafas leġiżlattiv għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jfittex inter alia li jwieġeb għal xejriet ta' konverġenza billi jkopri n-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-ambitu tiegħu. F'konformità mad-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-iskop tal-qafas regolatorju huwa inter alia li jnaqqas ir-regolamentazzjoni speċifika għas-settur ex ante progressivament hekk kif il-kompetizzjoni fis-swieq tiżviluppa u finalment, sabiex il-komunikazzjonijiet elettroniċi jkunu regolati bil-liġi tal-kompetizzjoni biss.

(2)

F'konformità ma' dan l-għan, l-iskop ta' din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tidentifika dawk is-swieq tal-prodotti u s-servizzi li fihom ir-regolamentazzjoni ex ante jista' jiġi ġġustifikat f'konformità mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/21/KE. L-objettiv ta' kwalunkwe intervent regolatorju ex ante huwa finalment biex jipproduċi benefiċċji għall-utenti finali billi jagħmel is-swieq tal-imnut kompetittivi fuq bażi sostenibbli. Huwa probabbli li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali gradwalment ikunu jistgħu jsibu li s-swieq bl-imnut ikunu kompetittivi anke fin-nuqqas ta' regolamentazzjoni tas-suq bl-ingrossa, speċjalment meta jitqies it-titjib mistenni fl-innovazzjoni u l-kompetizzjoni.

(3)

Id-definizzjoni tas-swieq rilevanti tista' tinbidel maż-żmien minħabba li l-karatteristiċi tal-prodotti u s-servizzi jistgħu jevolvu u l-possibiltajiet tas-sostituzzjoni tad-domanda u l-provvista jistgħu jinbidlu. Issa li r-Rakkomandazzjoni 2007/879/KE (3) ilha fis-seħħ għal iktar minn sitt snin, huwa xieraq li din tiġi riveduta abbażi tal-iżviluppi tas-swieq li seħħew mill-adozzjoni tagħha. Għalhekk, din ir-Rakkomandazzjoni tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2007/879/KE u tipprovdi gwida lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali dwar ir-reviżjonijiet tas-suq fil-ġejjieni.

(4)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/21/KE jeħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika swieq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li l-karatteristiċi tagħhom jaf ikunu tali li jiġġustifikaw l-impożizzjoni tal-obbligi regolatorji f'konformità mal-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni. Il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni għalhekk jintużaw f'din ir-Rakkomandazzjoni sabiex jiddefinixxu s-swieq tal-prodotti fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2002/21/KE, huma l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jridu jiddefinixxu, f'konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni u filwaqt li jqisu bir-reqqa din ir-Rakkomandazzjoni, is-swieq rilevanti xierqa għaċ-ċirkostanzi nazzjonali, b'mod partikolari swieq ġeografiċi rilevanti fit-territorju.

(6)

F'konformità mal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2002/21/KE, l-obbligi regolatorji ex ante huma imposti biss fi swieq li mhumiex effettivament kompetittivi. Kif spjegat fil-premessa 27 tad-Direttiva, dawn huma swieq li fihom ikun hemm impriża waħda jew iktar b'saħħa sinifikanti fis-suq u fejn ir-rimedji tal-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali u tal-UE waħedhom mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw il-problema tal-kompetizzjoni identifikata. Barra minn hekk, analiżi ta' kompetizzjoni effettiva għandha tinkludi analiżi ta' jekk is-suq huwiex prospettivament kompetittiv u għalhekk jekk kwalunkwe nuqqas ta' kompetizzjoni effettiva jkunx wieħed dewwiemi.

(7)

Kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-bidu tal-identifikazzjoni tas-swieq bl-ingrossa li huma suxxettibbli għar-regolamentazzjoni ex ante huwa l-analiżi tas-swieq bl-imnut korrispondenti. Din l-analiżi tal-bejgħ issir billi titqies in-naħa tad-domanda u fejn xieraq, is-sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista minn perspettiva li tħares 'il quddiem fuq orizzont ta' żmien partikolari. Meta jiddefinixxu swieq rilevanti f'konformità mal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2002/21/KE, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jidentifikaw żona ġeografika fejn il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu simili jew omoġenji biżżejjed u li jistgħu jkunu distinti miż-żoni tal-madwar li fihom, il-kundizzjonijiet prevalenti tal-kompetizzjoni jkunu sostanzjalment differenti, billi jkollhom kunsiderazzjoni partikolari għall-kwistjoni jekk l-operatur SMP potenzjali jaġixxix b'mod uniformi madwar iż-żona tan-netwerk tiegħu jew jekk jaffaċċjax kundizzjonijiet ferm differenti sal-punt li l-attivitajiet tiegħu jkunu limitati f'xi oqsma, iżda mhux f'oħrajn.

(8)

Għandu jiġi vvalutat jekk is-swieq bl-imnut humiex effettivament kompetittivi minn perspettiva futura fin-nuqqas ta' regolamentazzjoni abbażi taċ-ċertezza ta' saħħa sinifikanti fis-suq. Min-naħa l-oħra, l-analiżi għandha tqis l-effetti ta' tipi ta' regolamentazzjoni oħra applikabbli għall-bejgħ rilevanti u suq/swieq bl-ingrossa relatati tul il-perjodu rilevanti.

(9)

Meta titwettaq analiżi tas-suq skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE, il-valutazzjoni ta' suq għandha ssir minn perspettiva li tħares 'il quddiem, billi tibda minn kundizzjonijiet tas-suq eżistenti. L-analiżi għandha tivvaluta jekk is-suq huwiex prospettivament kompetittiv u jekk kwalunkwe nuqqas ta' kompetizzjoni huwiex wieħed dewwiemi, billi tqis żviluppi tas-swieq mistennija jew prevedibbli. (4).

(10)

Jekk is-suq bl-imnut ikkonċernat ma jkunx effettivament kompetittiv minn perspettiva li tħares 'il quddiem fin-nuqqas ta' regolamentazzjoni ex ante, għandu jiġi vvalutat is-suq/swieq bl-ingrossa korrispondenti li huma suxxettibbli għar-regolamentazzjoni ex ante f'konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE. Meta jiġu analizzati l-konfini u s-saħħa f'suq/swieq bl-ingrossa rilevanti korrispondenti biex jiġi ddeterminat jekk huwiex/humiex effettivament kompetittivi, għandhom jitqiesu restrizzjonijiet kompetittivi diretti u indiretti, irrispettivament minn jekk dawn ir-restrizzjonijiet jirriżultawx minn netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi jew tipi oħra ta' servizzi jew applikazzjonijiet li huma komparabbli mill-perspettiva tal-utenti finali. (5). Min-naħa l-oħra, jekk is-suq bl-imnut ikun effettivament kompetittiv minn perspettiva li tħares 'il quddiem fin-nuqqas ta' regolamentazzjoni tas-suq ex ante dwar is-suq/swieq rilevanti korrispondenti, dan għandu jwassal lill-awtorità regolatorja nazzjonali biex tikkonkludi li r-regolamentazzjoni ma għadhiex iktar bżonnjuża fil-livell bl-ingrossa. F'dan il-każ, is-suq/swieq bl-ingrossa rilevanti korrispondenti għandhom jiġu vvalutati bil-għan li r-regolamentazzjoni ex ante tiġi rtirata. Meta s-swieq bl-ingrossa jkunu relatati vertikalment fil-katina tal-provvista, is-suq bl-ingrossa li għandu jiġi analizzat l-ewwel, ikun dak li jkun l-iktar upstream mis-suq bl-imnut inkwistjoni.

(11)

Is-swieq bl-ingrossa elenkati fl-Anness jista' jkollhom dawn il-karatteristiċi biex jiġġustifikaw ir-regolamentazzjoni ex ante għaliex globalment jissodisfaw it-tliet kriterji kumulattivi li ġejjin, li ntużaw ukoll biex jidentifikaw swieq li huma suxxettibbli għar-regolamentazzjoni ex ante fil-verżjonijiet preċedenti tar-Rakkomandazzjoni. L-ewwel kriterju huwa l-preżenza ta' ostakoli kbar u mhux tranżitorji għad-dħul. Madankollu, minħabba l-karattru dinamiku u l-funzjonament tas-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, meta titwettaq analiżi prospettiva biex jiġu identifikati s-swieq rilevanti għar-regolamentazzjoni ex ante possibbli, għandhom jitqiesu wkoll il-possibiltajiet biex jingħelbu l-barrieri għad-dħul fil-perjodu ta' żmien previst rilevanti. It-tieni kriterju jindirizza jekk struttura tas-suq ixxaqlibx lejn kompetizzjoni effettiva f'orizzont ta' żmien rilevanti. L-applikazzjoni ta' dan il-kriterju tinvolvi l-eżaminazzjoni tal-istat ta' kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura u kompetizzjonijiet oħrajn wara l-ostakoli għad-dħul. It-tielet kriterju huwa li l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni waħidha mhux se tindirizza kif xieraq in-nuqqas/ijiet tas-suq ikkonċernati. L-indikaturi prinċipali li għandhom jiġu kkunsidrati waqt il-valutazzjoni tal-ewwel u t-tieni kriterju huma simili għal dawk eżaminati bħala parti minn analiżi tas-suq li tħares 'il quddiem biex tiddetermina l-preżenza ta' saħħa sinifikanti fis-suq. B'mod partikolari, l-indikaturi tal-ostakoli għad-dħul fin-nuqqas tar-regolamentazzjoni (inkluż l-ammont tal-ispejjeż mitlufa), l-istruttura tas-suq, il-prestazzjoni tas-suq u d-dinamika tas-suq, inkluż indikaturi bħal ishma u xejriet tas-suq, prezzijiet u xejriet tas-suq u l-firxa u l-kopertura ta' netwerks jew infrastrutturi kompetituri.

(12)

Fir-rigward tal-ewwel kriterju, żewġ tipi ta' ostakoli għad-dħul huma rilevanti għall-iskop ta' din ir-Rakkomandazzjoni: ostakoli strutturali u ostakoli legali jew regolatorji. L-ostakoli strutturali għad-dħul jirriżultaw mill-kundizzjonijiet tal-ispejjeż jew tad-domanda oriġinali bejn operaturi stabbiliti u operaturi ġodda li jimpedixxu jew jipprevjenu d-dħul fis-suq ta' dawn tal-aħħar. Pereżempju, ostakoli strutturali kbar jistgħu jinstabu li jeżistu meta s-suq jiġi kkaratterizzat minn vantaġġi tal-ispejjeż assoluti, ekonomiji tal-kobor u/jew ekonomiji ta' firxa, restrizzjonijiet tal-kapaċità u spejjeż mitlufin għoljin. Ostakolu strutturali relatat jista' jeżisti wkoll meta l-għoti tas-servizz ikun jeħtieġ komponent ta' netwerk li ma jkunx jista' jiġi teknikament dupplikat jew ikun jista' jiġi ddupplikat biss bi prezz li jagħmlu mhux ekonomiku għall-kompetituri.

(13)

L-ostakoli legali jew regolatorji mhumiex ibbażati fuq kundizzjonijiet ekonomiċi, iżda jirriżultaw minn miżuri leġiżlattivi, amministrattivi jew oħrajn li għandhom effett dirett fuq il-kundizzjonijiet tad-dħul u/jew il-pożizzjonament tal-operaturi fis-suq rilevanti. Eżempju ta' ostakolu legali jew regolatorju li jimpedixxi jew jipprevjeni d-dħul f'suq huwa l-limitu fuq in-numru tal-impriżi li għandhom aċċess għall-firxa kollha għall-għoti ta' servizzi sottostanti. Eżempji oħra ta' ostakoli legali jew regolatorji huma l-kontrolli tal-prezzijiet jew miżuri oħrajn relatati mal-prezzijiet imposti fuq l-impriżi, li jaffetwaw mhux biss id-dħul iżda wkoll il-pożizzjonament tal-impriżi fis-suq. Ostakoli legali jew regolatorji li x'aktarx jitneħħew fil-perjodu ta' żmien rilevanti m'għandhomx normalment jitqiesu li jikkostitwixxu ostakoli għad-dħul sabiex jissodisfaw l-ewwel kriterju.

(14)

L-ostakoli għad-dħul jistgħu jsiru inqas rilevanti fir-rigward ta' swieq xprunati mill-innovazzjoni kkaratterizzati minn progress teknoloġiku kontinwu. Fi swieq bħal dawn, ir-restrizzjonijiet kompetittivi ta' spiss jiġu minn theddid innovattiv minn kompetitturi potenzjali li ma jkunux attwalment fis-suq. Fi swieq immexxija mill-innovazzjoni, il-kompetizzjoni dinamika jew fit-tul tista' ssir fost ditti li mhumiex bilfors kompetituri f'suq “statiku” eżistenti. Din ir-Rakkomandazzjoni tidentifika swieq fejn l-ostakoli għas-suq huma mistennija li jippersistu fuq perjodu prevedibbli. Fil-valutazzjoni ta' jekk l-ostakoli għad-dħul x'aktarx jippersistux fin-nuqqas ta' regolamentazzjoni, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-industrija esperjenzatx dħul frekwenti u ta' suċċess u jekk id-dħul kienx jew li x'aktarx fil-futur ikun immedjat u persistenti biżżejjed biex jillimita s-saħħa fis-suq. Ir-rilevanza tal-ostakoli għad-dħul se tiddependi inter alia fuq l-iskala minima ta' effiċjenza ta' produzzjoni u l-ispejjeż mitlufin.

(15)

Anke meta suq ikun ikkaratterizat minn ostakoli kbar għad-dħul, fatturi strutturali oħrajn f'dak is-suq jistgħu jinvolvu li s-suq xorta jibqalu t-tendenza li jsir effettivament kompetittiv f'perjodu ta' żmien previst rilevanti. Tendenza lejn kompetizzjoni effettiva timplika li s-suq jew ikun se jilħaq l-istatus ta' regolamentazzjoni ex ante assenti ta' kompetizzjoni effettiva fil-perjodu tar-reviżjoni, jew se jsir hekk wara dak il-perjodu, diment li jkun hemm disponibbli evidenza ċara ta' dinamiċi pożittivi fis-suq fil-perjodu tar-reviżjoni. Id-dinamika tas-suq tista' pereżempju tiġi kkawżata mill-iżviluppi teknoloġiċi jew mill-konverġenza tal-prodotti u s-swieq li tista' twassal sabiex jiġu eżerċitati restrizzjonijiet kompetittivi bejn l-operaturi attivi fi swieq ta' prodotti distinti. Dan jista' wkoll ikun il-każ fi swieq b'numru limitat, iżda biżżejjed, ta' impriżi li għandhom strutturi ta' spejjeż diverġenti u li jaffaċjaw domanda tas-suq b'elastiċità fil-prezzijiet. Jista' jkun hemm ukoll kapaċità eċċessiva f'suq li normalment tippermetti li ditti rivali jespandu l-produzzjoni malajr ħafna b'rispons għal kwalunkwe żieda fil-prezz. Fi swieq bħal dawn, l-ishma tas-swieq jistgħu jinbidlu maż-żmien u/jew jistgħu jiġu osservati prezzijiet li qed jonqsu.

(16)

It-tielet kriterju jservi biex jivvaluta l-adegwatezza tal-miżuri korrettivi li jistgħu jiġu imposti skont il-liġi tal-kompetizzjoni biex jiġu indirizzati l-falliment(i) tas-swieq persistenti, b'mod partikolari peress li l-obbligazzjonijiet regolatorji ex ante jistgħu effettivament jipprevjenu l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. L-interventi tal-liġi tal-kompetizzjoni x'aktarx ma jkunux biżżejjed meta pereżempju r-rekwiżiti tal-konformità ta' intervent biex jagħmlu tajjeb għall-falliment(i) tas-swieq persistenti jkunu estensivi jew meta intervent frekwenti u/jew f'waqtu jkun indispensabbli. Għalhekk, ir-regolamentazzjoni ex ante għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkumplimenta l-liġi tal-kompetizzjoni meta l-liġi tal-kompetizzjoni waħidha ma tindirizzax kif xieraq il-falliment(i) tas-swieq persistenti identifikati.

(17)

L-applikazzjoni ta' dawn it-tliet kriterji kumulattivi għandha tillimita n-numru ta' swieq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi meta l-obbligi regolatorji ex ante jkunu imposti u b'hekk jikkontribwixxu għal wieħed mill-għanijiet tal-qafas regolatorju, jiġifieri biex titnaqqas ir-regolamentazzjoni ex ante speċifika għas-settur progressivament hekk kif il-kompetizzjoni fis-swieq tiżviluppa. In-nuqqas milli jiġi issodisfat kwalunkwe wieħed mit-tliet kriterji jindika li suq m'għandux ikun identifikat bħala suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante.

(18)

Ir-regolamentazzjoni ex ante imposta fil-livell bl-ingrossa għandha tiġi ikkunsidrata biżżejjed biex tindirizza problemi potenzjali tal-kompetizzjoni dwar is-suq/swieq downstream relatati. Suq downstream għandu jkun soġġett biss għar-regolamentazzjoni ex ante jekk il-kompetizzjoni f'dak is-suq tkun għadha turi saħħa sinifikanti fis-suq, minkejja l-preżenza tar-regolamentazzjoni ex ante dwar is-suq/swieq upstream bl-ingrossa relatati. Bl-avvanzi fil-kompetizzjoni li nkisbu permezz tar-regolamentazzjoni, din ir-Rakkomandazzjoni tidentifika biss swieq rilevanti fil-livell bl-ingrossa. Huwa mifhum li r-regolamentazzjoni tagħhom tista' tindirizza n-nuqqas ta' kompetizzjoni effettiva fil-livell bl-ingrossa, li mbagħad huwa l-kawża tan-nuqqasijiet tas-suq identifikati fis-swieq bl-imnut relatati. Jekk awtorità regolatorja nazzjonali madankollu turi li l-interventi bl-ingrossa kienu mingħajr suċċess, is-suq bl-imnut rilevanti jista' jkun suxxettibbli għal regolamentazzjoni ex ante sakemm l-awtorità regolatorja nazzjonali tkun sabet li t-test tat-tliet kriterji preskritt f'din ir-Rakkomandazzjoni jkun ġie ssodisfat.

(19)

Is-swieq elenkati fl-Anness ġew identifikati abbażi tat-tliet kriterji kumulattivi msemmija hawn fuq. L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tibda minn preżunzjoni li, f'dawn is-swieq, it-tliet kriterji ġew issodisfati. Jekk, madankollu, awtorità regolatorja nazzjonali tikkonkludi li fin-nuqqas t' regolamentazzjoni fil-livell bl-ingrossa, is-suq(swieq) bl-imnut kif definit(i) juri(u) kompetizzjoni sostenibbli, din għandha tikkonkludi wkoll li r-regolamentazzjoni ex ante ma tkunx iktar meħtieġa fil-livell bl-ingrossa.

(20)

Għas-swieq elenkati fl-Anness, awtorità regolatorja nazzjonali tista' xorta tikkunsidra adegwat, abbażi ta' ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi, li twettaq it-test tat-tliet kriterji tagħha stess. Awtorità regolatorja nazzjonali (ARN) tista' tikkonkludi li t-test tat-tliet kriterji jiġi ssodisfat jew ma jiġix issodisfat fiċ-ċirkostanzi nazzjonali. Jekk it-test tat-tliet kriterji ma jiġix issodisfat għal suq speċifiku elenkat fir-Rakkomandazzjoni, l-ARN ma għandhiex timponi obbligi regolatorji fuq dak is-suq.

(21)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jidentifikaw swieq oħrajn minbarra dawk elenkati f'din ir-Rakkomandazzjoni u japplikaw it-test tat-tliet kriterji. B'mod partikolari, jekk l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, wara li jkunu kkonkludew li suq bl-imnut ma jkunx regolament ex ante effettivament assenti mill-kompetizzjoni, ikollhom l-intenzjoni li jirregolaw is-suq/swieq bl-ingrossa korrispondenti u li dan is-suq ma jkunx/dawn is-swieq ma jkunux elenkati fir-Rakkomandazzjoni, għandhom dejjem iwettqu t-test tat-tliet kriterji. F'dan il-każ, l-ewwel suq li għandu jiġi analizzat l-ewwel ikun dak li jkun l-iktar upstream mis-suq bl-imnut inkwistjoni fil-katina tal-provvista vertikali. Awtorità regolatorja nazzjonali għandha twettaq analiżi gradwali tas-swieq li jkunu downstream minn input upstream irregolat, biex tiddetermina jekk ikunux effettivament kompetittivi fil-preżenza ta' regolamentazzjoni upstream, sakemm tilħaq is-suq/swieq bl-imnut.

(22)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom japplikaw ukoll it-test tat-tliet kriterji għal dawk is-swieq elenkati fl-Annessi għar-Rakkomandazzjoni 2003/311/KE (6) u għar-Rakkomandazzjoni 2007/879/KE li ma għadhomx elenkati fl-Anness għal din ir-Rakkomandazzjoni jekk bħalissa huma regolati fid-dawl ta' ċirkostanzi nazzjonali, sabiex jiġi vvalutat jekk, abbażi ta' dawn iċ-ċirkostanzi nazzjonali, dawn is-swieq għadhomx suxxettibbli għar-regolamentazzjoni ex ante.

(23)

Swieq ġodda emerġenti ma għandhomx ikunu soġġetti għal obbligi regolatorji mhux adegwati ex ante, anke jekk ikun hemm vantaġġ tal-innovatur, f'konformità mad-Direttiva 2002/21/KE. Swieq ġodda emerġenti huma kkunsidrati li jinkludu prodotti jew servizzi, meta minħabba n-noveltà tagħhom ikun diffiċli ħafna li jitbassru l-kundizzjonijiet tad-domanda jew il-kundizzjonijiet tad-dħul u l-provvista tas-suq u konsegwentament ikun diffiċli biex jiġi applikat it-test tat-tliet kriterji. L-iskop li ma jiġux soġġetti swieq ġodda emerġenti għal obbligi regolatorji ex ante mhux xierqa, huwa biex tiġi promossal-innovazzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE; fl-istess ħin, fl-esklużjoni ta' dawn is-swieq mill-impriża ewlenija, għandu jiġi evitat, kif huwa wkoll indikat fil-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-suq u l-valutazzjoni ta' saħħa sinifikanti fis-suq skont il-qafas regolatorju tal-Komunità għan-netwerks u ta' komunikazzjoni u servizzi elettroniċi. (7). Aġġornamenti inkrimentali fl-infrastruttura tan-netwerk eżistenti rarament iwasslu għal suq ġdid jew emerġenti. In-nuqqas ta' sostitwibbiltà ta' prodott għandha tiġi stabbilita mill-perspettivi kemm tad-domanda kif ukoll tal-provvista qabel ikun jista' jiġi konkluż li ma jkunx diġà parti minn suq diġà eżistenti. Il-ħruġ ta' servizzi bl-imnut ġodda jista' jwassal għal suq bl-ingrossa derivat ġdid sal-punt li dawn is-servizzi tal-bejgħ ma jkunux jistgħu jiġu pprovduti bl-użu ta' prodotti bl-ingrossa eżistenti.

(24)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jagħmlu aċċessibbli r-riżultati tat-test tat-tliet kriterji mwettaq f'konformità ma' din ir-Rakkomandazzjoni u li jaqa' fl-ambitu tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21/KE għall-Kummissjoni, għal BEREC u għal awtoritajiet regolatorji nazzjonali oħra. Jekk wieħed jonqos milli jinnotifika abbozz ta' miżura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri kif deskritt fil-premessa 38 tad-Direttiva 2002/21/KE, dan jista' jirriżulta fi proċedimenti ta' ksur li jittieħdu kontra l-Istat Membru kkonċernat.

(25)

Is-swieq elenkati fl-Anness għar-Rakkomandazzjoni ma għadhomx jinkludi żewġt iswieq li kienu elenkati fir-Rakkomandazzjoni 2007/879/KE (swieq 1 u 2) għaliex ma għadhomx jissodisfaw it-test tat-tliet kriterji. Peress li jista' jkun hemm grad ta' varjazzjoni madwar l-Istati Membri fil-pass tal-iżviluppi mistennija jew prevedibbli tas-suq li fuqhom hija bbażata din is-sejba fil-livell tal-Unjoni, ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi jistgħu jiġġustifikaw li awtorità regolatorja nazzjonali tista' ssib li s-suq 1 tar-Rakkomandazzjoni 2007/879/KE jew swieq bl-imnut oħrajn relatati mas-suq 2 tar-Rakkomandazzjoni 2007/879/KE għadhom mhumiex effettivament kompetittivi minn perspettiva li tħares 'il quddiem għajr jekk ma jsirux rimedji bl-ingrossa adegwati u proporzjonati. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għalhekk jistgħu jiġġustifikaw l-intervent ta' regolamentazzjoni ex ante kontinwat fil-livell bl-ingrossa, sakemm it-test tat-tliet kriterji jkun issodisfat fiċ-ċirkostanzi nazzjonali għall-perjodu ta' reviżjoni sussegwenti. Is-swieq li jibqa' tar-Rakkomandazzjoni 2007/879/KE għadhom jiggarantixxu r-regolamentazzjoni ex ante, għalkemm il-konfini tas-swieq 4, 5 u 6 tar-Rakkomandazzjoni 2007/879/KE ġew definiti mill-ġdid. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom meta jiddelinejaw dawn is-swieq.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

Fid-definizzjoni tas-swieq rilevanti xierqa għaċ-ċirkostanzi nazzjonali f'konformità mal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2002/21/KE, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom janalizzaw is-swieq tal-prodotti u s-servizzi identifikati fl-Anness.

2.

Meta jiġu identifikati swieq oħra minbarra dawk stabbiliti fl-Anness, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom juru u l-Kummissjoni għandha tivverifika, jekk it-tliet kriterji li ġejjin jintlaħqux b'mod kumulattiv:

(a)

il-preżenza ta' ostakoli għad-dħul kbar u mhux tranżitorji, strutturali, legali jew regolatorji;

(b)

struttura tas-suq li ma xxaqlibx lejn kompetizzjoni effettiva fil-perjodu ta' żmien imbassar rilevanti, wara li jiġi kkunsidrat l-istat ta' kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura u kompetizzjonijiet oħrajn wara l-ostakoli għad-dħul;

(c)

il-liġi tal-kompetizzjoni waħidha mhijiex biżżejjed biex tindirizza adegwatament in-nuqqas/ijiet tas-suq identifikati.

3.

Meta tikkunsidra li xi wieħed mis-swieq stabbiliti fl-Anness ma jkunx suxxettibbli għar-regolamentazzjoni ex ante fiċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom juru u l-Kummissjoni għandha tivverifika li mill-inqas wieħed mit-tliet kriterji stabbiliti fil-punt 2 ma ġiex issodisfat.

4.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkunsidraw ir-restrizzjonijiet kompetittivi rilevanti kollha, irrispetivament minn jekk is-sorsi ta' dawn il-limiti humiex meqjusin bħala netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew tipi oħra ta' servizzi jew applikazzjonijiet li huma komparabbli mill-perspettiva tal-utent aħħari.

5.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-definizzjonijiet tas-suq, ir-riżultati tal-analiżi tas-suq u l-obbligi regolatorji adottati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali f'konformità mal-Artikoli 15(3) u 16 tad-Direttiva 2002/21/KE qabel id-data tal-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

6.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Viċi President


(1)   ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(2)  Id-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE (ĠU L 337, 18.12.2009, p. 37).

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2007/879/KE tas-17 ta' Diċembru 2007 dwar is-swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi fi ħdan is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li huma suxxettibli għal regolazzjoni ex ante skond id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU L 344, 28.12.2007, p. 65).

(4)  Il-Punt 20 tal-linji gwidi tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-swieq u l-valutazzjoni ta' saħħa sinifikanti fis-suq skont il-qafas regolatorju tal-Komunità għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (2002/C 165/03).

(5)  Bħal pereżempju, is-servizzi over-the-top (OTT) li għalkemm illum jaf mhumiex meqjusin bħala sostituti diretti għas-servizzi pprovduti mill-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, l-iżviluppi teknoloġiċi x'aktarx jirriżultaw fl-espansjoni kontinwa tagħhom fis-snin li ġejjin.

(6)   ĠU L 114, 8.5.2003, p. 45.

(7)  Linji gwida tal-Kummissjoni (ĠU C 165, 11.7.2002, p. 6).


ANNESS

Suq 1

:

Servizz ta' forniment bl-ingrossa ta' terminazzjoni tat-telefonati fuq netwerks pubbliċi tat-telefown individwali f'post fiss

Suq 2

:

Servizz ta' forniment bl-ingrossa ta' terminazzjoni tat-telefonati vokali fuq netwerks tal-mowbajl individwali

Suq 3

:

(a)

Aċċess lokali bl-ingrossa pprovdut f'post fiss

(b)

Aċċess ċentrali bl-ingrossa pprovdut f'post fiss għall-prodotti tas-suq tal-massa

Suq 4

:

Aċċess ta' kwalità għolja bl-ingrossa pprovdut f'post fiss