12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/96


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta' Settembru 2014

dwar prattiki tajba li jipprevenu u jnaqqsu l-preżenza ta' alkalojdi tal-oppju fiż-żerriegħa tal-peprin u fi prodotti taż-żerriegħa tal-peprin

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/662/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Iż-żerriegħa tal-peprin tinkiseb mix-xaħxieħa (Papaver somniferum L.) u tintuża fi prodotti tal-forn, titferra' fuq l-ikel, tiġi miżjuda mal-mili tal-kejkijiet u mad-deżerti u tintuża fil-produzzjoni ta' żejt alimentari. Il-pjanta tax-xaħxieħa fiha alkalojdi narkotiċi bħall-morfina u l-kodeina. Iż-żerriegħa tal-peprin ma fihiex l-alkalojdi tal-oppju jew fiha alkalojdi tal-oppju biss f'livelli baxxi ħafna, iżda tista' tiġi kkontaminata b'alkalojdi minħabba ħsara mill-insetti jew permezz ta' kontaminazzjoni esterna taż-żerriegħa waqt il-ħsad, meta maż-żerriegħa jeħlu xi bċejjeċ tat-tiben (inkluż ir-rita tal-kapsula).

(2)

Il-Bord Xjentifiku dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ta opinjoni xjentifika dwar ir-riskji għas-saħħa pubblika relatati mal-preżenza ta' alkalojdi tal-oppju fiż-żerriegħa tal-peprin maħsuba għall-konsum mill-bniedem (1).

(3)

Stimi tal-esponiment djetetiku għall-morfina minn ikel biż-żerriegħa tal-peprin juru li f'porzjon wieħed tista' tinqabeż id-Doża Akuta ta' Referenza (ARfD) għal xi konsumaturi, l-aktar għat-tfal, madwar l-Unjoni kollha.

(4)

Għaldaqstant jixraq li jiġu applikati prattiki tajba sabiex jipprevenu u jnaqqsu l-preżenza ta' alkalojdi tal-oppju fiż-żerriegħa tal-peprin u fi prodotti taż-żerriegħa tal-peprin,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Hu rakkomandat li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull operatur involut fil-produzzjoni u fl-ipproċessar taż-żerriegħa tal-peprin jimplimenta l-prattiki t-tajba li jipprevenu u jnaqqsu l-preżenza ta' alkalojdi tal-oppju fiż-żerriegħa tal-peprin u fi prodotti taż-żerriegħa tal-peprin, kif jissemma fl-Anness ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Settembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Il-Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (CONTAM); Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskji għas-saħħa pubblika relatati mal-preżenza ta' alkalojdi tal-oppju fiż-żerriegħa tal-peprin. EFSA Journal 2011;9(11):2405. [150 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2011.2405. Tinsab onlajn fuq: www.efsa.europa.eu/efsajournal


ANNESS

I.   Prattiki agrikoli tajba li jipprevenu l-preżenza tal-alkalojdi tal-oppju waqt it-tkabbir, il-ħsad u l-ħżin

Il-preżenza tal-morfina u ta' komposti oħra tal-alkalojdi tirriżulta l-aktar minħabba kontaminazzjoni esterna, speċjalment minħabba proċeduri mhux xierqa tal-protezzjoni tal-pjanti u tal-ħsad u t-tindif. Fatturi oħra li jaffettwaw il-kontaminazzjoni alkalojda taż-żerriegħa tal-peprin u ta' prodotti taż-żerriegħa tal-peprin huma ngħidu aħna l-varjetà ta' pjanti tal-peprin u l-kundizzjonijiet tat-tkabbir bħan-nixfa u l-fungi bħala fatturi ta' stress. Barra minn hekk, l-insetti għandhom sehem kbir fil-kontaminazzjoni taż-żerriegħa tal-peprin.

L-għażla tal-varjetà tal-pjanti tal-peprin

Il-varjetajiet tal-pjanti tal-peprin jistgħu jinġabru f'żewġ kategoriji:

(a)

varjetajiet tal-pjanti tal-peprin li jitkabbru għall-produzzjoni ta' żerriegħa tal-peprin li jintużaw biss għall-ikel. Dawn il-varjetajiet fihom livell baxx ta' alkalojdi tal-oppju.

(b)

varjetajiet tal-pjanti tal-peprin li jitkabbru għal skopijiet farmaċewtiċi iżda li ż-żrieragħ tagħhom, bħala prodott sekondarju, jintużaw għall-ikel. Imqabbla mal-imżiewed u t-tiben, iż-żerriegħa tal-peprin fihom livelli relattivament baxxi ta' alkalojdi tal-oppju.

Kontroll xieraq tal-pesti u tal-mard

Mhux kull pest u mard imsemmi f'din it-Taqsima jokkorri fir-reġjuni kollha tal-produzzjoni fl-Unjoni. Għaldaqstant il-miżuri ta' kontroll għal dawk il-pesti u l-mard huma rilevanti biss għar-reġjuni tal-produzzjoni fejn jokkorru.

Jeżistu żewġ mardiet importanti tal-pjanti tal-peprin: Peronospora arborescens (moffa żajbrija) u Pleospora papaveracea. Il-miċelju ta' dawk il-fungi jgħaddi minn ġol-kapsuli, u allura jagħti għelejjel ta' kwalità fqira li jkabbru żerriegħa skura jew sewdenija li tkun misjura kmieni. Il-mard idgħajjef ukoll il-kwalitajiet sensorjali tal-peprin, jiġifieri t-togħma u l-lewn u din iż-żerriegħa mmuffata ta' lewn differenti ma tkunx tista' tinfired għalkollox waqt it-tindif.

Il-kwalità tal-ikel tonqos ġmielha anki bil-pesti tal-peprin li jattakkaw it-tkabbir tal-peprin fl-istadji tal-iżvilupp aktar tard. Ħafna drabi din għandha x'taqsam mal-bumunqar tal-kapsula (Neoglycianus maculalba) u l-kironomu tal-kapsula (Dasineura papaveris). Il-bumunqar tal-kapsula jbid il-bajd fil-kapsuli l-ħodor il-ġodda. Il-larvi li jfaqqsu fi rjus il-peprin jgħixu minn fuq il-ġewwieni tal-kapsula (żerriegħa tal-peprin li tkun qed tiżviluppa), iħammġu l-ġewwieni tal-kapsula, jagħmlu ħsara liż-żerriegħa tal-peprina u fl-aħħar joħorġu mill-kapsula mit-toqob li jkunu għamlu huma stess. Din it-toqba jużaha l-kironomu tal-kapsula biex ibid il-bajd. Il-kapsula misjura jaf ikun fiha sa 50 larva oranġjo li fl-aħħar jirnexxilhom jeqirdu l-kapsula għalkollox. Iż-żerriegħa tkun sewda, sottożviluppata u ma tkunx tajba għall-ikel.

Fatt aktar rilevanti hu li minħabba l-penetrazzjoni tal-miċelju u tal-bumunqar inixxu “dmugħ il-peprin” u l-lattiċe ħalbija u dawn jikkontaminaw iż-żerriegħa. Dawn il-problemi jintirtu fil-produzzjoni kollha tal-pjanti tal-peprin.

Għalhekk hu rakkomandat li jsir kontroll xieraq ta' dak il-mard u l-pesti meta jokkorru.

Il-prevenzjoni ta' kundizzjonijiet ħżiena tal-ħsad ikkawżati mit-tgħattin tal-pjanti

It-tgħattin tal-pjanti jista' jiġi evitat sa ċertu punt jekk iż-żrigħ tal-pjanti tal-peprin isir b'densità xierqa.

Waqt il-perjodu tat-titwil, għall-peprin għall-ikel jistgħu jintużaw ir-regolaturi tat-tkabbir biex inaqqsu t-titwil taz-zokk. Ħafna drabi r-regolaturi tat-tkabbir ma jintużawx fil-produzzjoni tal-peprin għall-użu farmaċewtiku minħabba li l-użu tagħhom jibdel il-proċess bijosintetiku tal-alkalojdi. Ir-regolaturi tat-tkabbir ma jiżgurawx biss zokk qsajjar, iżda anki li tissaħħaħ il-bażi tiegħu. Pjanti qsajra u b'saħħithom jifilħu t-tgħattin, l-aktar meta l-kapsuli jiħdaru u meta jkunu misjurin.

Bit-tgħattin, il-maturazzjoni ma tkunx kullimkien l-istess u waqt il-ħsad issir kontaminazzjoni bl-alkalojdi. Ħafna drabi, il-pjanti mgħattna jerġgħu jarmu l-friegħi. Il-kapsuli f'dawn il-friegħi l-ġodda jimmaturaw aktar tard. Meta l-peprin jinħasdu, il-proċess ta' maturazzjoni għandu jiġi regolat għax il-kapsuli immaturi tal-peprin ikun fihom il-lattiċe. Meta jinħasdu, dawn il-kapsuli jinsaħqu u jnixxu l-lattiċe mit-tubi lattiferużi, u jikkawżaw kontaminazzjoni diretta ta' wiċċ iż-żerriegħa tal-peprin b'alkalojdi tal-oppju li aktar tard jinxfu fuq wiċċ iż-żerriegħa. Barra minn hekk, iż-żerriegħa minn kapsuli immaturi, li tkun lewn is-sadid, tnaqqas sew il-kwalità tal-peprin, id-dehra tiegħu u l-proprjetajiet sensorjali b'mod partikolari.

Jista' jiġi applikat dessikant skont ir-regoli nazzjonali dwar l-awtorizzazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom biex ikun żgurat li meta tinħasad, kull kapsula tkun immaturat sew.

Il-ħsad

Il-peprin li jintuża fl-ikel, jinħasad f'umdità li ma taqbiżx l-10 %. Waqt il-ħsad, l-umdità taż-żerriegħa normalment tvarja bejn is-6 % u l-10 %. Jekk għal raġunijiet klimatiċi, iż-żerriegħa tal-peprin ma tkunx tista' tinħasad fil-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, il-fjura tal-peprina għandha tinħasad bit-tiben tal-peprin b'kollox u titnixxef bl-arja minnufih bi sħana li ma taqbiżx l-40 °C. Madankollu f'dawn iċ-ċirkustanzi, kull dewmien jaf ikun ta' riskju li jista' jaffettwa ħażin il-kwalità taż-żerriegħa, kemm mil-lat ta' proprjetajiet sensorjali tagħha kif ukoll il-parametri fiżiċi, kimiċi u mikrobijoloġiċi taż-żerriegħa bħala ikel għall-konsum mill-bniedem.

Xi drabi l-peprin li jitkabbar għall-użu farmaċewtiku jinħasad f'livelli ogħla ta' umdità iżda mbagħad jitnixxef minnufih wara l-ħsad u, aktar importanti, jitkessaħ. Meta titnixxef u titkessaħ, iż-żerriegħa jkun fiha madwar 8–9 % umdità.

Il-peprin li jintuża fl-ikel jinħasad b'taħlita ta' makkinarju tal-ħsad li jiġi aġġustat biex jaħsad żerriegħa ċkejkna. Billi l-peprin hu dgħajjef ferm u jaf jiġrilu l-ħsara bil-makkinarju, dan jeħtieġ aġġustament speċjali ta' partijiet individwali ta' makkinarju. Iż-żerriegħa tal-peprin li tintuża fl-ikel ikun fiha 45–50 % żejt. Meta ż-żerriegħa tal-peprin jiġrilha l-ħsara, wiċċ iż-żerriegħa jittebba' biż-żejt li jattira t-trabijiet tal-kapsuli misħuqa. It-trab li jeħel iżid il-konċentrazzjoni tal-alkalojdi tal-oppju fuq iż-żerriegħa tal-peprin. Barra minn hekk, iż-żejt tal-peprin mhux durabbli u jossida malajr ħafna. B'hekk, iż-żerriegħa bil-ħsara titlef ferm kemm mill-kwalità sensorjali tal-peprin għall-ikel kif ukoll mid-durabbiltà tagħha filwaqt li toħloq kontaminazzjoni u żżid il-livelli tal-alkalojdi tal-oppju.

Għall-ħsad tal-peprin għal użu farmaċewtiku hu essenzjali li jinġabar biss il-miżwed u xi tiben. Għalhekk għandu jintuża makkinarju tal-ħsad b'aġġeġġ apposta li jaħsad biss il-parti ta' fuq tal-pjanta. L-użu tal-makkinarju tal-ħsad tal-foraġġ jiżgura li tinħasad biss il-parti meħtieġa mill-pjanta u allura tonqos il-possibbiltà ta' kontaminazzjoni.

Il-kundizzjonament ta' wara l-ħsad

Iż-żerriegħa tal-peprin ma fihiex jew ikun fiha biss livelli baxxi biss ta' alkalojdi tal-oppju. Meta ssir referenza għal-livelli tal-alkalojdi tal-oppju fiż-żerriegħa tal-peprin, din tkun qed jirreferi għal partikuli żgħar tat-trab mit-tiben (ir-rita tal-kapsula). Għalhekk hemm bżonn li jsir it-tindif jew l-ipproċessar ta' wara l-ħsad, irrispettivament minn jekk dan it-trab ikollux ħafna jew ftit alkalojdi tal-oppju.

Wara l-ħsad, u qabel l-użu taż-żerriegħa tal-peprin għall-ikel, iż-żerriegħa trid titnaddaf, jitneħħew il-partikuli tat-trab b'aspiratur u titneħħa wkoll kull impurità oħra biex tinkiseb purità aktar minn 99,8 %.

Il-ħżin

Meta ż-żerriegħa tal-peprin tkun trid tinħażen qabel l-aħħar kundizzjonament, din għandha tinħasad bit-tiben tal-peprin b'kollox u għandha titqiegħed imperrċa għall-arja fuq gradilji bil-ventilazzjoni għaddejja biex ikun żgurat li l-kontenut tal-umdità ma jaqbiżx it-8 % u l-10 %.

Għal ħażna fit-tul b'ventilazzjoni għandha tintuża arja mhux trattata, jiġifieri arja li ma tissaħħanx minn qabel.Iż-żerriegħa tal-peprin li ġiet trattata hekk, tista' tinħażen faċilment għal 12-il xahar mingħajr ebda bidla sostanzjali fil-kwalità.

Meta ż-żerriegħa tal-peprin titnaddaf, din għandha tintrefa' f'kontenituri bil-ventilazzjoni, f'boroż kbar jew boroż iċċertifikati għall-ippakkjar ta' oġġetti tal-ikel bl-ingrossa, mingħajr ma tmiss mal-art tal-maħżen.

It-tikkettar

Meta ż-żerriegħa tal-peprin tkun teħtieġ trattament ieħor biex tonqos il-preżenza tal-alkalojdi tal-oppju qabel jikkonsmaha l-bniedem jew qabel tintuża bħala ingredjent fl-ikel, din iż-żerriegħa tal-peprin għandu jsirilha tikkettar xieraq li juri l-ħtieġa li ż-żerriegħa tkun soġġetta għal trattament fiżiku biex jonqos il-kontenut tal-alkalojdi tal-oppju qabel jikkonsmaha l-bniedem jew qabel tintuża bħala ingredjent fl-ikel.

II.   Prattiki tajba li jipprevenu l-preżenza tal-alkalojdi tal-oppju waqt l-ipproċessar

Il-kontenut tal-alkalojdi tal-oppju taż-żerriegħa tal-peprin jista' jitnaqqas b'diversi mezzi ta' trattament minn qabel u pproċessar tal-ikel. Ħareġ fid-dieher li waqt l-ipproċessar tal-ikel, il-kontenut tal-alkalojdi jaf jonqos b'madwar 90 % u bi proċessi f'daqqa ta' trattament minn qabel u ta' tisħin, dan il-kontenut jaf jixxejjen għalkollox.

L-aktar metodi effettivi jinkludu l-ħasil u t-tixrib, it-trattamenti bis-sħana f'temperaturi li għallinqas jaqbżu l-135 °C iżda l-aħjar li jaqbżu l-200 °C, temperaturi aktar baxxi (eż 100 °C), flimkien ma' umdità jew ħasil u tħin, u taħlita ta' għadd ta' trattamenti.

Ħafna drabi, l-ikel biż-żerriegħa tal-peprin isirulu bosta proċessi qabel jiġi servut.

Fejn jidħlu l-ħobż u l-bziezen, iż-żerriegħa tal-peprin mhux trattata, u ħafna drabi sħiħa, tintuża l-aktar bħala tiżjin u ma jsir l-ebda trattament ieħor ħlief il-ħami.

F'ikel ieħor, iż-żerriegħa tal-peprin ħafna drabi tintaħan qabel titferra' fuq l-ikel jew qabel tintuża fil-prodotti tal-forn. Iż-żerriegħa tal-peprin tintuża wkoll bħala mili taż-żerriegħa tal-peprin, li jkun taħlita ta' żerriegħa tal-peprin mitħuna, zokkor, likwidu (ilma jew ħalib) u xi ingredjenti oħra u ħwawar. Normalment, il-mili taż-żerriegħa tal-peprin jiġi trattat bis-sħana qabel jintuża fit-tħejjija tal-ikel. U f' xi tradizzjonijiet tal-ikel tintuża żerriegħa tal-peprin nejja, sħiħa jew mitħuna, mingħajr trattament bis-sħana bħala parti importanti mill-ikla.

B'hekk, ħafna drabi ż-żerriegħa tal-peprin fl-ikel tgħaddi minn taħlita ta' stadji differenti tal-ipproċessar fosthom it-tħin, it-taħlit mal-likwidu u t-trattament bis-sħana, li xi kultant ikun jinkludi bosta stadji. Għalkemm stadju wieħed tal-ipproċessar jaf ma jaffettwax bi kbir lill-kontenut tal-alkalojdi taż-żerriegħa tal-peprin, taħlita ta' trattament minn qabel (eż. ipproċessar tal-mili taż-żerriegħa tal-peprin) u wara trattament bis-sħana (eż. ħami) jaf ixejjen il-kontenut tal-alkalojdi taż-żerriegħa tal-peprin tant li ma jkunx jista' jitkejjel. B'taħlita ta' ħasil u tnixxif fuq skala teknika, il-konċentrazzjonijiet tal-morfina tnaqqsu wkoll f'lottijiet kontaminati ħafna ta' żerriegħa tal-peprin nejja (il-konċentrazzjoni oriġinali tkun tvarja bejn 50 u 220 mg ta' morfina/kg) għal konċentrazzjonijiet inqas minn 4 mg morfina/kg mingħajr ma ntilfu l-kwalità u l-proprjetajiet organolettiċi.

F'din it-Tabella jidru l-metodi rakkomandati ta' trattament minn qabel u ta' pproċessar li jnaqqsu l-kontenut tal-alkalojdi taż-żerriegħa tal-peprin u tal-prodotti taż-żerriegħa tal-peprin.

Iżda jeħtieġ isiru dawn l-osservazzjonijiet:

Ma għandux ikun rakkomandat li jsir trattament bis-sħana qabel l-aħħar ipproċessar tal-ikel għax dan jgħin biex jinqerdu x-xaħmijiet u jista' jikkawża tisniħ u tintilef it-togħma tipika taż-żerriegħa tal-peprin,

Jekk ikun hemm bżonn isir ħasil jew tixrib bl-ilma biex jonqos il-kontenut tal-alkalojdi taż-żerriegħa tal-peprin, dan għandu jsir minnufih wara l-ħsad. Iżda għandu jitqies li dan jaf inaqqas il-kwalità u/jew il-ħajja taż-żerriegħa tal-peprin.

Tabella

Il-metodi rakkomandati ta' trattament minn qabel u ta' pproċessar li jnaqqsu l-kontenut tal-alkalojdi taż-żerriegħa tal-peprin u tal-prodotti taż-żerriegħa tal-peprin

Il-metodi ta' trattament minn qabel u ta' pproċessar

Kundizzjonijiet oħra

Effett

Kwantità tal-effett

Ħasil jew tixrib bl-ilma

Ħin (5 min)

Żdiedu l-ħin u t-temperatura (30 s — 2 min — 30 min) fl-ilma ta'

Tnaqqis fil-kontenut tal-alkalojdi

46 % ↓

15 °C

60 °C

100 °C

60 %-75 % ↓

80 %-95 % ↓

80 %-100 % ↓

Ħasil darba, kundizzjonijiet daqsxejn aċidużi

40 % ↓

Temperatura/trattament bis-sħana

Il-ħami tal-ħobż

135 °C

220 °C

200 °C + tħin

Tnaqqis fil-kontenut tal-alkalojdi

~10-50 % ↓

~30 % ↓

~80-90 % ↓

~90 % ↓

It-tħin

Ossiġenu (uċuħ kbar attivi)

pH miżjud

Rata mgħaġġla ta' degradazzjoni tal-morfina, il-formazzjoni ta' psewdomorfina, aroma aħjar tal-prodott

~25-34 % ↓

Id-dawl

 

Effett żgħir fuq ir-rata ta' degradazzjoni

 

Taħlita ta' trattament minn qabel

Ħasil, 100 °C, 1 min + xiwi 200 °C, 20 min

Tnaqqis fil-kontenut tal-alkalojdi

98 %-100 % ↓

Ħasil, 100 °C, 1 min + tnixxif (90 °C, 120 min)

99 % ↓

Umdità bil-fwar 100 °C, 10 min + tnixxif (90 °C, 120 min)

50-75 % ↓

Umdità 100 °C, 10 min + tħin + tnixxif (90 °C, 120 min)

90-98 % ↓

Trattament minn qabel + ħami

Tħin + ħami

Tnaqqis kbir fil-kontenut tal-alkalojdi b'taħlita ta' umdità u trattament bis-sħana minn qabel u wara trattament bi sħana niexfa

80-95 % ↓

Taħlita ta' trattament bil-fwar minn qabel + tħin + ħami

90-95 % ↓

Taħlita ta' trattament bil-ħasil minn qabel + tħin + ħami

100 % ↓