|
29.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 95/64 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-27 ta’ Marzu 2014
dwar pjan ta’ kontroll ikkoordinat bil-ħsieb li jistabbilixxi l-prevalenza tal-prattiċi frawdolenti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti oġġetti tal-ikel
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2014/180/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tirrakkomanda pjanijiet ta’ kontroll ikkoordinati fejn tqis li huma meħtieġa, organizzati fuq bażi ad hoc, b’mod partikolari bil-ħsieb li tistabbilixxi l-prevalenza tal-perikli fl-għalf, fl-ikel u fl-annimali. |
|
(2) |
Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi r-regoli tal-Unjoni dwar it-tikkettar tal-ikel applikabbli għall-oġġetti kollha tal-ikel. |
|
(3) |
Skont id-Direttiva 2000/13/KE, it-tikkettar u l-metodi użati ma għandhomx iqarrqu bil-konsumatur, b’mod partikolari fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ikel, inkluż in-natura proprja u l-identità tiegħu. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ regoli nazzjonali jew speċifiċi tal-Unjoni, l-isem li taħtu qed jinbiegħ l-oġġett tal-ikel għandu jkun l-isem li normalment jinbiegħ taħtu fl-Istat Membru, jew deskrizzjoni tal-oġġett tal-ikel li hija ċara biżżejjed biex ix-xerrej ikun jaf in-natura proprja tiegħu. |
|
(4) |
L-ingredjenti kollha jridu jissemmew fuq it-tikketta tal-oġġetti tal-ikel imballaġġati minn qabel maħsuba għall-konsumatur aħħari jew il-kejterers tal-massa. B’mod partikolari, l-oġġetti tal-ikel li fihom il-laħam bħala ingredjent, meta jkunu maħsuba għall-konsumatur aħħari jew għall-kejterers tal-massa, għandhom jindikaw l-ispeċi tal-annimal li minnu joriġina l-laħam direttament fuq l-imballaġġ jew fuq tikketta mwaħħla miegħu. Jekk ingredjent jissemma fl-isem tal-oġġett tal-ikel, trid tingħata wkoll il-kwantità tiegħu espressa bħala persentaġġ fil-lista tal-ingredjenti sabiex ikun evitat li l-konsumatur jiġi mqarraq fir-rigward tal-identità u l-kompożizzjoni tal-oġġett tal-ikel. |
|
(5) |
Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi rekwiżiti ta’ ttikkettar addizzjonali applikabbli għal oġġetti tal-ikel speċifiċi li joriġinaw mill-annimali. B’mod partikolari, dan jistipula li l-imballaġġi maħsuba għall-provvista lill-konsumatur aħħari li fihom il-laħam ikkapuljat, fost l-oħrajn, mis-solipedi għandu jkollhom avviż li jindika li prodotti bħal dawn għandhom jissajru qabel jittieklu, jekk, u sa fejn, dan jintalab mir-regoli fl-Istat Membru fit-territorju li fih jitqiegħed il-prodott fis-suq. |
|
(6) |
B’segwitu għall-kontrolli uffiċjali li ilhom jitwettqu f’għadd ta’ Stati Membri minn Diċembru 2012, il-Kummissjoni ġiet informata li ċerti prodotti li huma imballaġġati minn qabel kien fihom il-laħam taż-żiemel, li ma kienx iddikjarat fil-lista tal-ingredjenti li tidher direttament fuq l-imballaġġ jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu. Minflok, l-isem ta’ ċerti oġġetti tal-ikel bħal dawn u/jew il-lista tal-ingredjenti li takkumpanjahom irreferew biss, b’mod qarrieqi, għall-preżenza taċ-ċanga. |
|
(7) |
B’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-operaturi tan-negozju tal-ikel f’kull stadju tal-produzzjoni, ipproċessar, u tqassim fin-negozji taħt il-kontroll tagħhom għandhom jiżguraw li l-ikel ikun jissodisfa l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel li huma relevanti għall-attivitajiet tagħhom u għandhom jivverifikaw li dawk il-ħtiġijiet jitħarsu. |
|
(8) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/99/UE (5) irrakkomandat li l-Istati Membri jimplimentaw pjan ta’ kontroll ikkoordinat bil-ħsieb li tiġi stabbilita l-prevalenza tal-prattiċi frawdolenti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti oġġetti tal-ikel għal perjodu ta’ xahar. Il-pjan ta’ kontroll ikkoordinat rakkomandat kien jikkonsisti f’żewġ azzjonijiet. L-ewwel azzjoni kienet tikkonsisti f’kontrolli xierqa mwettqa fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u fi stabbilimenti oħra biex jiġi ddeterminat jekk il-prodotti tal-ikel imballaġġati minn qabel u l-prodotti tal-ikel mhux imballaġġati minn qabel kienx fihom laħam taż-żiemel li ma kienx ittikkettjat kif jixraq fuq l-imballaġġ jew, fil-każ ta’ oġġetti tal-ikel mhux imballaġġati minn qabel, l-informazzjoni dwar il-preżenza tiegħu ma kinitx disponibbli għall-konsumatur jew għall-kejterers tal-massa. It-tieni azzjoni kienet tikkonsisti f’kontrolli xierqa mwettqa fl-istabbilimenti li jitrattaw il-laħam taż-żiemel maħsub għall-konsum mill-bniedem, inkluż l-ikel li joriġina minn pajjiżi terzi, għad-detezzjoni tar-residwi tal-fenilbutażon. |
|
(9) |
Ir-riżultati tal-pjan ta’ kontroll ikkoordinat ikkonfermaw in-nuqqas ta’ konformità rikorrenti mal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ittikkettar tal-prodotti tal-laħam fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Għaldaqstant, jeħtieġ li jingħata segwitu għall-pjan ta’ kontroll ikkoordinat permezz tat-tieni sensiela ta’ kontrolli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u fi stabbilimenti oħra, biex jiġi ddeterminat jekk għadhomx jeżistu l-prattiki identifikati matul l-ewwel pjan ta’ kontroll ikkoordinat. |
|
(10) |
Min-naħa l-oħra, il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi vverifikata l-preżenza ta’ residwi ta’ fenilbutażon ma wrew l-ebda nuqqas ta’ konformità rikorrenti u mifrux; jidher għalhekk li f’dan l-istadju ma hemmx bżonn jiġi rrakkomandat it-tieni sett ta’ kontrolli kkoordinati dwar din il-kwistjoni. |
|
(11) |
Matul l-ewwel pjan ta’ kontroll ikkoordinat, il-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-Proteini tal-Annimali fl-Għalf ta parir dwar l-użu ta’ metodi biex tiġi individwata l-preżenza ta’ proteini ta’ speċijiet mhux iddikjarati fil-kampjuni. Għad ma hemm l-ebda metodu vvalidat għal din l-analiżi, iżda wara konsultazzjoni mal-esperti, il-parir dwar l-użu ta’ protokoll armonizzat ġie aġġornat mil-laboratorju msemmi hawn fuq u huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku tiegħu. |
|
(12) |
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw il-metodi użati, ir-riżultati tal-kontrolli u l-miżuri meħuda f’każ ta’ sejbiet pożittivi lill-Kummissjoni fi żmien perjodu stabbilit u b’format armonizzat. |
|
(13) |
Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
|
1. |
L-Istati Membri għandhom jimplimentaw pjan ta’ kontroll ikkoordinat għal perjodu ta’ 4 ġimgħat konsekuttivi fil-perjodu bejn il-21 ta’ April u s-16 ta’ Ġunju 2014, skont l-Anness I ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. |
|
2. |
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw ir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali li twettqu skont il-punt 1 u kull miżura ta’ infurzar rilevanti meħuda, sat-22 ta’ Lulju 2014 bil-format mogħti fl-Anness II ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. |
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2014.
Għall-Kummissjoni
Tonio BORG
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.
(2) Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel. (ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/99/UE tad-19 ta’ Frar 2013 dwar pjan ta’ kontroll koordinat bil-ħsieb li tistabbilixxi l-prevalenza tal-prattiċi frawdolenti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti oġġetti tal-ikel (ĠU L 48, 21.2.2013, p. 28).
ANNESS I
It-tieni pjan ta’ kontroll ikkoordinat bil-ħsieb li tiġi stabbilita l-prevalenza ta’ prattiċi frawdolenti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti oġġetti tal-ikel
AZZJONIJIET U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-PJAN TA’ KONTROLL IKKOORDINAT
A. L-ambitu tal-prodott
|
1. |
L-oġġetti tal-ikel kummerċjalizzati u/jew b’tikketta li turi li fihom iċ-ċanga (eż laħam ikkapuljat, preparati tal-laħam u prodotti tal-laħam) bħala ingredjent tal-laħam dominanti li jaqa’ fil-kategoriji li ġejjin:
|
|
2. |
Għall-finijiet ta’ dan il-pjan ta’ kontroll ikkoordinat, għandha tapplika d-definizzjoni ta’ “oġġetti tal-ikel li diġà huma imballaġġati” fl-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/13/KE. |
|
3. |
Għall-fini ta’ dan il-pjan ta’ kontroll ikkoordinat, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta’ “ikkapuljat”, “preparati tal-laħam” u “prodotti tal-laħam” fil-punti 1.13, 1.15 u 7.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004. |
B. Objettiv
L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali sabiex jistabbilixxu jekk il-prodotti msemmija fil-punt A fihomx laħam taż-żiemel li mhuwiex ittikkettat kif xieraq fuq l-imballaġġ jew, fil-każ ta’ oġġetti tal-ikel mhux imballaġġati minn qabel, jekk l-informazzjoni dwar il-preżenza tiegħu mhix disponibbli għall-konsumatur jew għall-kejterers tal-massa, skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni u, fejn xieraq, dawk nazzjonali.
C. Il-punti u l-proċedura tat-teħid ta’ kampjuni
|
1. |
Il-kampjun għandu jkun rappreżentattiv tal-prodotti kkonċernati fl-Istat Membru u jkopri varjetà ta’ prodotti. |
|
2. |
It-teħid ta’ kampjuni tal-prodotti għandu jitwettaq fil-livell tal-bejgħ bl-imnut (eż. supermarkits, ħwienet iżgħar, ħwienet tal-laħam lokali) u jista’ jiġi estiż ukoll għal stabbilimenti oħra (eż. imħażen tal-friża). |
D. Għadd u modalitajiet tal-kampjuni
It-tabella ta’ hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali lejn l-għadd rakkomandat indikattiv ta’ kampjuni li għandhom jittieħdu fi żmien il-perjodu pprovdut fil-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni. Id-distribuzzjoni tal-kampjuni għal kull Stat Membru hija msejsa fuq iċ-ċifri tal-popolazzjoni b’minimu ta’ 10 kampjuni tal-prodotti kkonċernati għal kull Stat Membru għal kull 30 jum.
|
Oġġetti tal-ikel kummerċjalizzati bħala li fihom iċ-ċanga |
|
|
Pajjiż tal-bejgħ |
Għadd ta’ kampjuni rrakkomandat |
|
Franza, il-Ġermanja, l-Italja, ir-Renju Unit, Spanja, il-Polonja |
150 |
|
Ir-Rumanija il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, il-Greċja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, l-Isvezja, l-Awstrija, il-Bulgarija |
100 |
|
Il-Litwanja, is-Slovakkja, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Finlandja, il-Latvja, il-Kroazja |
50 |
|
Is-Slovenja, l-Estonja, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta |
10 |
E. Metodu
Għandu jintuża l-protokoll li ġej:
|
1. |
Il-kampjuni kollha għandhom jiġu sottomessi għal test ta’ skrining inizjali bil-għan li tiġi individwata l-preżenza tal-laħam taż-żiemel fil-laħam (bħala proporzjon tal-frazzjoni ta’ massa w/w) fil-livell ta’ 0,5 % jew aktar. L-għażla tal-metodu ta’ skrining hija f’idejn l-Istat Membru. |
|
2. |
Il-kampjuni li jkunu pożittivi għat-test ta’ skrining skont il-paragrafu 1 biss għandhom ikunu suġġetti għal test konfermatorju li juża l-RT-PCR u li jimmira lejn id-DNA mitokondrijali bl-għan li tiġi individwata l-preżenza tal-laħam taż-żiemel fil-laħam (bħala proporzjon tal-frazzjoni ta’ massa w/w) fil-livell ta’ 1 % jew aktar. Il-metodu użat għall-konferma għandu jiġi kkalibrat għal kampjun ta’ kontroll standardizzat tal-laħam frisk li jasal mil-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-Proteini tal-Annimali fl-Għalf. |
|
3. |
Fi Stat Membru, it-testijiet konfermatorji kollha skont il-paragrafu 2, għandhom jitwettqu f’laboratorju nominat għal dak l-iskop mill-Awtorità Kompetenti. Il-laboratorju nominat jista’ jkun fi Stat Membru ieħor wara ftehim mal-Awtorità Kompetenti f’dak l-Istat Membru. Il-laboratorju nominat għandu bħala minimu jkun iċċertifikat bħala ISO 17025 għal testijiet komparabbli. Il-laboratorju nominat jista’ jkun ħa sehem ukoll fir-rawnd ta’ skrining inizjali. L-isem u l-indirizz tal-laboratorji nominati li jieħdu sehem fit-testijiet konfermatorji għandhom jintbagħtu lil-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-Proteini tal-Annimali fl-Għalf li jippubblika din l-informazzjoni fuq is-sit elettroniku tagħhom. Gwida aktar dettaljata dwar il-metodu konfermatorju hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-Proteini tal-Annimali fl-Għalf, fuq http://eurl.craw.eu/en/164/legal-sources-and-sops |
ANNESS II
Il-format tar-rapport għar-riżultati msemmija fil-punt 2
|
Il-kategorija tal-prodott |
L-għadd ta’ kampjuni |
Il-metodu tat-test użat (it-tip ta’ test u l-isem tad-ditta) fl-ewwel rawnd ta’ skrining |
In-numru ta’ riżultati pożittivi wara l-ewwel rawnd ta’ skrining (=/> 0,5 %) |
Il-metodu tat-test użat fir-rawnd konfermatorju |
In-numru ta’ riżultati pożittivi wara t-tieni rawnd fil-laboratorju nominat (=/> 1 %) |
Kummenti |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
In-numru totali ta’ kampjuni |
|
|
It-total ta’ kampjuni pożittivi wara l-ewwel rawnd ta’ skrining |
|
|
It-total ta’ kampjuni pożittivi wara l-konferma tat-tieni rawnd fil-laboratorju nominat |
|
Il-format tar-rapport għall-miżuri ta’ infurzar imsemmija fil-punt 2
|
In-numru ta’ sejbiet pożittivi fejn sal-lum ġew imposti l-miżuri ta’ infurzar |
|
|
Jekk possibbli, niżżel fid-dettall l-aktar miżuri ta’ infurzar komuni użati (massimu ta’ tliet punti) |
|
|
In-numru ta’ sejbiet pożittivi fejn sal-lum ma ġiet imposta l-ebda miżura ta’ infurzar |
|
|
Jekk possibbli, niżżel fid-dettall l-aktar raġunijiet komuni għan-nuqqas ta’ miżuri ta’ infurzar (massimu ta’ tliet punti) |
|