|
30.12.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 370/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-4 ta' Diċembru 2014
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja, tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Energija Atomika u l-Konfederazzjoni Svizzera li jassoċja l-Konfederazzjoni Svizzera mal-Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u mal-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika li jikkumplimenta l-Orizzont 2020, u li jirregola l-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-attivitajiet tal-ITER imwettqa mill-Fużjoni għall-Enerġija
(2014/953/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 186, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fil-15 ta' Novembru 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati, f'isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, mal-Konfederazzjoni Svizzera, bil-għan li jiġi konkluż ftehim komprensiv għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Energija Atomika u l-Konfederazzjoni Svizzera li jassoċja l-Konfederazzjoni Svizzera mal-Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u mal-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2014-2018) li jikkumplimenta l-Orizzont 2020; u li jirregola l-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-proġett tal-ITER fis-snin 2014-2020. |
|
(2) |
Dawk in-negozjati tlestew b'suċċess, u l-Ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni Ewropea,.il-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Energija Atomika u l-Konfederazzjoni Svizzera li jassoċja l-Konfederazzjoni Svizzera mal-Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u mal-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika li jikkumplimenta l-Orizzont 2020, u li jirregola l-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-attivitajiet tal-ITER imwettqa mill-Fużjoni għall-Enerġija (“il-Ftehim”) għandu jiġi ffirmat u applikat fuq bażi proviżjorja, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu. |
|
(3) |
Il-konklużjoni tal-Ftehim hija suġġetta għal proċedura separata fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. |
|
(4) |
Sabiex l-entitajiet legali Svizzeri jkunu jistgħu jiġu ttrattati bħala entitajiet minn Pajjiż Assoċjat f'azzjonijiet taħt l-Orizzont 2020 li għandhom skadenza fl-aħħar trimestru tal-2014, b'mod partikolari sejħiet skont l-objettiv speċifiku “It-tixrid tal-eċċellenza u ż-żieda fil-parteċipazzjoni”, il-Ftehim għandu jkun applikat fuq bażi proviżorja b'effett mill-15 ta' Settembru 2014, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Energija Atomika u l-Konfederazzjoni Svizzera li jassoċja l-Konfederazzjoni Svizzera mal-Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u mal-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika li jikkumplimenta l-Orizzont 2020, u li jirregola l-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-attivitajiet tal-ITER imwettqa mill-Fużjoni għall-Enerġija b'dan qed jiġi awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-15 ta' Settembru 2014, skont l-Artikolu 15 tal-Ftehim, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Diċembru 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
S. GOZI