19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 365/147


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/932/PESK

tat-18 ta' Diċembru 2014

rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Frar 2014, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2140 (2014), waqt li fakkar fir-Riżoluzzjoni tiegħu 2014 (2011), 2051 (2012) u d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-15 ta' Frar 2013 u waqt li afferma mill-ġdid l-impenn qawwi tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għall-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen.

(2)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2140 (2014) tirrikjedi li jiġu applikati restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fuq persuni li għandhom jiġu nominati mill-Kumitat stabbilit permezz tal-paragrafu 19 tal-UNSCR 2140 (2014) (“il-Kumitat”) u li jiġu ffriżati l-fondi u l-assi tal-persuni jew l-entitajiet li għandhom jiġu nominati mill-Kumitat.

(3)

Fis-7 ta' Novembru 2014, il-Kumitat innomina tliet individwi abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 17 tal-UNSCR 2140 (2014).

(4)

Hija meħtieġa azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fi, jew it-tranżitu minn, it-territorji tagħhom tal-persuni nominati mill-Kumitat li huma involuti jew li jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Jemen, inkluż iżda mhux limitat għal:

(a)

atti li jxekklu jew ifixklu it-tlestija b'suċċess tat-transizzjoni politika, kif deskritt fil-Ftehim dwar l-Inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) u l-Mekkaniżmu ta' Implimentazzjoni;

(b)

atti li jimpedixxu l-implimentazzjoni tal-eżiti tar-rapport finali tal-Konferenza għad-Djalogu Nazzjonali Komprensiv permezz tal-vjolenza, jew attakki fuq infrastruttura essenzjali; jew

(c)

l-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali applikabbli tad-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, jew atti li jikkostitwixxu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, fil-Jemen.

Il-persuni imsemmijin f'dan il-paragrafu huma elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

2.   Il-paragrafu 1 m'għandux jobbliga Stat Membru li jiċħad id-dħul fit-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.

3.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika fejn id-dħul jew it-tranżitu huwa neċessarju għall-parteċipazzjoni fi proċedimenti ġudizzjarji.

4.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika fejn Stat Membru jiddetermina fuq bażi ta' każ b'każ li dħul jew tranżitu huwa meħtieġ biex javvanzaw il-paċi u l-istabbiltà fil-Jemen u l-Istat Membru jinnotifika sussegwentement lill-Kumitat fi żmien tmienja u erbgħin siegħa wara li tkun saret tali determinazzjoni.

5.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn il-Kumitat jiddetermina, każ b'każ, li:

(a)

id-dħul jew it-tranżitu jkun meħtieġ għal raġunijiet ta' ħtieġa umanitarja, inklużi obbligi reliġjużi; jew

(b)

eżenzjoni tiffaċilita l-objettivi ta' paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali fil-Jemen.

6.   F'każijiet fejn, skont il-paragrafi 3, 4 jew 5, Stat Membru jawtorizza d-dħul jew tranżitu fit-territorju tiegħu ta' persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih tiġi mogħtija u għall-persuni kkonċernati mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta', miżmuma jew ikkontrollati minn persuni jew entitajiet identifikati mill-Kumitat bħala li huma involuti jew li jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Jemen, inkluż iżda mhux limitat għal:

(a)

atti li jxekklu jew jimminaw it-tlestija b'suċċess tat-transizzjoni politika, kif deskritt fil-Ftehim dwar l-Inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) u l-Mekkaniżmu ta' Implimentazzjoni;

(b)

atti li jimpedixxu l-implimentazzjoni tal-eżiti tar-rapport finali tal-Konferenza għad-Djalogu Nazzjonali Komprensiv permezz tal-vjolenza, jew attakki fuq infrastruttura essenzjali; jew

(c)

l-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali applikabbli tad-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, jew atti li jikkostitwixxu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, fil-Jemen.

jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew taħt it-tmexxija tagħhom, jew entitajiet li huma proprjetà ta' jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.

Il-persuni u l-entitajiet imsemmija f'dan il-paragrafu huma elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

2.   L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir direttament jew indirettament disponibbli, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni jew l-entitajiet elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu eżenzjonijiet mill-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fir-rigward ta' fondi u riżorsi ekonomiċi li huma:

(a)

neċessarji għal spejjeż bażiċi, inkluż ħlasijiet għal prodotti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, primjums ta' assigurazzjoni, u ħlasijiet tal-użu ta' servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta' onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali;

(c)

maħsuba esklussivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti ta' servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni regolari ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

wara li ssir notifika lill-Kumitat mill-Istat Membru kkonċernat dwar il-ħsieb tal-awtorizzazzjoni, fejn ikun il-każ, tal-aċċess għal tali fondi jew riżorsi ekonomiċi, u fin-nuqqas ta' deċiżjoni negattiva mill-Kumitat fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn tali notifika.

4.   Stat Membru jista' jippermetti wkoll għal eżenzjonijiet mill-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fir-rigward ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi li huma:

(a)

neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm tali determinazzjoni tkun ġiet notifikata mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat u tkun ġiet approvata mill-Kumitat; jew

(b)

is-suġġett ta' privileġġ jew ta' sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, li f'dak il-każ il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jistgħu jintużaw sabiex jissodisfaw dak il-privileġġ jew dik is-sentenza sakemm il-privileġġ ikun ġie konkluż jew is-sentenza tkun ingħatat qabel id-data li fiha l-persuna jew l-entità kienet inkluża fl-Anness, il-privileġġ jew is-sentenza ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna jew entità msemmija fl-Artikolu 1, u tkun ġiet notifikata mill-Istat Membru kkonċernat;

(5)   Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni persuna jew entità indikata milli tagħmel pagament dovut skont kuntratt magħmul qabel ma tali persuna jew entità ġiet elenkata, dment li l-Istat Membru rilevanti jkun iddetermina li l-pagament mhuwiex irċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità msemmija fl-Artikolu 2(1) u wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat dwar l-intenzjoni li jsiru jew li jiġu rċevuti tali pagamenti jew li jiġi awtorizzat, fejn adatt, ir-rilaxx ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati għal dan il-għan, għaxart ijiem ta' xogħol qabel tali awtorizzazzjoni.

6.   Il-paragrafu 2 m'għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħaxijiet jew dħul ieħor dovut fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għal miżuri restrittivi taħt din id-Deċiżjoni;

sakemm tali imgħax, dħul u pagamenti oħrajn jibqgħu soġġetti għall-paragrafu 1.

Artikolu 3

Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-lista fl-Anness u għandu jemendaha f'konformità mad-deċiżjonijiet meħudin mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat.

Artikolu 4

1.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat jinnomina persuna jew entità, il-Kunsill għandu jinkludi lil tali persuna jew entità fl-Anness. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna kkonċernata, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' notifika, li tipprovdi lil tali persuna b'opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.

2.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi preżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna kkonċernata b'dan.

Artikolu 5

1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni u l-entitajiet kif ipprovduti mill-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat.

2.   L-Anness għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat li hija neċessarja għall-identifikazzjoni tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post ta' twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi emendata jew imħassra kif adatt, skont id-deċiżjonijiet meħudin mill-Kunsill tas-Sigurtà.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


ANNESS

Lista ta' persuni u entitajiet imsemmijin fl-Artikoli 1(1) u 2(1) u (2)

PERSUNI

1.

Abdullah Yahya Al Hakim (magħruf ukoll bħala: a) Abu Ali al Hakim; b) Abu-Ali al- Hakim; c) Abdallah al-Hakim; d) Abu Ali Alhakim; e) Abdallah al-Mu'ayyad).

Kitba oriġinali: Image

Deżinjazzjoni: Grupp Huthi t-tieni fil-kmand. Indirizz: Dahyan, Sa'dah Governorate, Jemen. Data tat-twelid: a) Bejn wieħed u ieħor fl-1985; b) Bejn l-1984 u l-1986. Post tat-twelid: a) Dahyan, Jemen; b) Sa'dah Governorate, Jemen. Ċittadinanza: Jemen. Informazzjoni oħra: Sess: raġel. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 7.11.2014.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

 

Abdullah Yahya Al Hakim ġie nominat għas-sanzjonijiet fis-7 ta' Novembru 2014 skont il-paragrafi 11 u 15 tal-UNSCR 2140 (2014), minħabba li jissodisfa l-kriterji tad-deżinjazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 17 u 18 tar-Riżoluzzjoni.

 

Abdullah Yahya Al Hakim kien involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Jemen, bħal atti li jxekklu l-implimentazzjoni tal-ftehim tat-23 ta' Novembru 2011, bejn il-Gvern tal-Jemen u dawk fl-oppożizzjoni, li jipprevedi transizzjoni paċifika tal-poter fil-Jemen, u li jxekklu l-proċess politiku fil-Jemen.

 

F'Ġunju 2014, Abdullah Yahya Al Hakim skont ir-rapporti kellu laqgħa sabiex jippjana kolp ta' stat kontra l-President tal-Jemen Abdrabuh Mansour Hadi. Al Hakim iltaqa' ma' militari u kmandanti tas-sigurtà, u mexxejja tribali; figuri partiġjani ewlenin leali lejn l-ex President tal-Jemen Ali Abdullah Saleh attendew ukoll il-laqgħa, li kienet timmira li tikkoordina l-isforzi militari biex jieħdu f'idejhom Sana'a, il-belt kapitali tal-Jemen.

 

F'dikjarazzjoni pubblika fid-29 ta' Awwissu 2014, il-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddikjara li l-Kunsill ikkundanna l-azzjonijiet tal-forzi kkmandati minn Abdullah Yahya Al Hakim li invadew Amran, il-Jemen, inklużi l-kwartieri ġenerali tal-Brigata tal-Armata tal-Jemen fit-8 ta' Lulju 2014. Al Hakim mexxa l-ħakma vjolenti ta' Lulju 2014 tal-Governorat ta' Amran u kien il-kmandant militari responsabbli li jieħu deċiżjonijiet rigward il-konflitti kurrenti fil-Governorat ta' Amran u f'Hamdan, il-Jemen.

 

Minn kmieni f'Settembru 2014, Abdullah Yahya Al Hakim baqa' f'Sana'a biex jissorvelja operazzjonijiet ta' ġlied fil-każ li kien jibda l-ġlied. Ir-rwol tiegħu kien li jorganizza operazzjonijiet militari sabiex ikunu jistgħu jwaqqgħu l-Gvern tal-Jemen, u huwa kien ukoll responsabbli biex jiżgura u jikkontrolla r-rotot kollha lejn u barra Sana'a.

2.

Abd Al-Khaliq Al-Huthi (magħruf ukoll bħala: a) Abd-al-Khaliq al-Huthi; b) Abd-al-Khaliq Badr-al-Din al Huthi; c) 'Abd al-Khaliq Badr al-Din al-Huthi; d) Abu-Yunus).

Kitba oriġinali: Image

Deżinjazzjoni: Kmandant militari Huthi. Data tat-Twelid: 1984. Ċittadinanza: Jemen. Informazzjoni oħra: Sess: Raġel. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 7.11.2014.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

 

Abd al-Khaliq al-Huthi ġie nominat għas-sanzjonijiet fis-7 ta' Novembru 2014 skont il-paragrafi 11 u 15 tal-UNSCR 2140 (2014), bħala li jissodisfa l-kriterji tad-deżinjazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 17 u 18 tar-Riżoluzzjoni.

 

Abd al-Khaliq al-Huthi kien involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Jemen, bħal atti li jxekklu l-implimentazzjoni tal-ftehim tat-23 ta' Novembru 2011 bejn il-Gvern tal-Jemen u dawk fl-oppożizzjoni, li jipprevedi transizzjoni paċifika tal-poter fil-Jemen, u atti li jxekklu l-proċess politiku fil-Jemen.

 

Lejn l-aħħar ta' Ottubru 2013, Abd Al-Khaliq al-Huthi mexxa grupp ta' ġellieda mlibbsin uniformijiet militari tal-Jemen f'attakk fuq postijiet f'Dimaj, il-Jemen. Il-ġlied sussegwenti rriżulta f'diversi mwiet.

 

Lejn l-aħħar ta' Settembru 2014, numru mhux magħruf ta' ajruplani mhux identifikati allegatament kienu lesti biex jattakkaw faċilitajiet diplomatiċi f'Sana'a, il-Jemen, malli jirċievu ordnijiet minn Abd Al-Khaliq al-Huthi. Fit-30 ta' Awwissu 2014, al-Huthi kkoordina biex iċaqilqu l-armi minn Amran għal kamp ta' protesta f'Sana'a.

3.

Ali Abdullah Saleh (magħruf ukoll bħala: Ali Abdallah Salih).

Kitba oriġinali: Image

Deżinjazzjoni: a) President tal-partit tal-Kungress tal-Poplu Ġenerali tal-Jemen; b) President tal-Ex-Repubblika tal-Jemen. Data tat-twelid: a)21.3.1945; b)21.3.1946; c)21.3.1942; d) 21.3.1947. Post tat-twelid: a) Bayt al-Ahmar, Sana'a Governorate, il-Jemen; b) Sana'a, il-Jemen; c) Sana'a, Sanhan, Al-Rib' al-Sharqi. Ċittadinanza: Jemen. Nru tal-Passaport: 00016161 (Jemen). Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: 01010744444. Informazzjoni oħra: Sess: Raġel. Data tal-għażla min-NU: 7.11.2014.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

 

Ali Abdullah Saleh ġie nominat għas-sanzjonijiet fis-7 ta' Novembru 2014 skont il-paragrafi 11 u 15 tar-Riżoluzzjoni 2140 (2014), minħabba li jissodisfa l-kriterji tal-għażla stabbiliti fil-paragrafi 17 u 18 tar-Riżoluzzjoni.

 

Ali Abdullah Saleh kien involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Jemen, bħal atti li jxekklu l-implimentazzjoni tal-ftehim tat-23 ta' Novembru 2011 bejn il-Gvern tal-Jemen u dawk fl-oppożizzjoni, li jipprevedi transizzjoni paċifika tal-poter fil-Jemen, u atti li jxekklu l-proċess politiku fil-Jemen.

 

Skont il-Ftehim tat-23 ta' Novembru 2011 appoġġat mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, Ali Abdullah Saleh irriżenja minn President tal-Jemen wara aktar minn 30 snin.

 

Mill-ħarifa tal-2012, Ali Abdullah Saleh kien allegatament sar wieħed mis-sostenituri primarji tal-azzjonijiet vjolenti ta' Huthi fit-Tramuntana tal-Jemen.

 

Ġlied fin-Nofsinhar tal-Jemen fi Frar 2013 kien ir-riżultat ta' sforzi magħquda ta' Saleh, l-AQAP u s-seċessjonista tan-Nofsinhar Ali Salim al-Bayd sabiex jaqilgħu l-inkwiet qabel il-Konferenza ta' Djalogu Nazzjonali fil-Jemen tat-18 ta' Frar 2013. Aktar reċentement, f'Settembru 2014, Saleh kien qed jiddestabbilizza l-Jemen billi juża persuni oħrajn biex jimminaw lill-gvern ċentrali u joħolqu biżżejjed instabbiltà biex jheddu b'kolp ta' stat. Skont rapport ta' Settembru 2014 minn Bord ta' Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jemen, interlokuturi allegaw li Saleh jappoġġa azzjonijiet vjolenti ta' xi Jemeniti billi jipprovdilhom fondi u appoġġ politiku, kif ukoll billi jiżgura li l-Membri tal-GPC jibqgħu jikkontribwixxu għad-destabbilizzazzjoni tal-Jemen permezz ta' diversi mezzi.