19.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 365/145


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-16 ta' Diċembru 2014

li testendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/181/UE li tawtorizza lir-Rumanija ddaħħal miżura ta' deroga speċjali mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

(2014/931/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

F'ittri rreġistrati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-28 ta' April 2014 u t-22 ta' Awwissu 2014, ir-Rumanija talbet awtorizzazzjoni għal miżura ta' deroga mill-punt (18) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tkompli teżenta lil persuni taxxabbli mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali għal EUR 65 000 bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni (“il-miżura”). Il-miżura għandha tibqa' tirrilaxxa dawk il-persuni taxxabbli minn ċerti obbligazzjonijiet jew mill-obbligazzjonijiet kollha fir-rigward tal-VAT imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

(2)

B'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta' ittra ddatata l-1 ta' Settembru 2014 bit-talba tar-Rumanija. Permezz ta' ittra ddatata t-3 ta' Settembru 2014, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(3)

L-Istati Membri diġà għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar skont it-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE. Skont il-punt (18) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Rumanija tista' tagħti eżenzjoni mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali għal EUR 35 000 bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/181/UE (2), ir-Rumanija kienet awtorizzata, sal-31 ta' Diċembru 2014 u bħala miżura ta' deroga, li teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali għal EUR 65 000 bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha. Peress li dan il-limitu ogħla rriżulta f'obbligazzjonijiet tal-VAT imnaqqsa għan-negozji iżgħar, filwaqt li tali negozji għadhom jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Rumanija għandha tiġi awtorizzata testendi l-miżura għal perjodu limitat ieħor.

(5)

Skont l-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija, il-miżura se jkollha biss impatt negliġibbli fuq il-VAT miġbura fl-istadju tal-konsum finali.

(6)

Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tal-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/181/UE, id-data “31 ta' Diċembru 2014” hija sostitwita bi “31 ta' Diċembru 2017”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/181/UE tas-26 ta' Marzu 2012 li tawtorizza lir-Rumanija ddaħħal miżura ta' deroga speċjali mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 92, 30.3.2012, p. 26).