18.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 363/183


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta' Diċembru 2014

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/770/UE sabiex “L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Konsumaturi, is-Saħħa u l-Ikel” tiġi ttrasformata f'“L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel”

(2014/927/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/770/UE (2), il-Kummissjoni ħolqot l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Konsumaturi, is-Saħħa u l-Ikel (iktar' il quddiem “l-Aġenzija”) u inkarigatha bil-ġestjoni ta' programmi tal-Unjoni fl-oqsma tal-konsumatur u s-saħħa għall-perjodu 2014 sa 2020 u bil-ġestjoni tal-miżuri ta' taħriġ dwar is-sikurezza tal-ikel koperti bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (3) u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-Aġenzija wriet l-effikaċja u l-effiċjenza tagħha.

(2)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-29 ta' Ġunju 2011“Baġit għall-Ewropa 2020” (5), il-Kummissjoni pproponiet l-użu aktar estensiv tal-għażla ta' rikors għall-aġenziji eżekuttivi eżistenti għall-implimentazzjoni ta' programmi tal-Unjoni fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

(3)

Il-ġestjoni tat-twassil ta' informazzjoni u tal-miżuri ta' promozzjoni dwar il-prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) tinvolvi l-implimentazzjoni ta' proġetti tekniċi li ma jinvolvux it-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u li jeħtieġu livell għoli ta' kompetenza teknika u finanzjarja matul iċ-ċiklu tal-proġett.

(4)

L-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji (CBA) (7) imwettqa skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 bil-għan li jiġu evalwati l-ispejjeż u l-benefiċċji tad-delega lill-aġenziji eżekuttivi ta' partijiet mill-programmi ta' infiq tal-Unjoni 2014-2020, kopriet il-ġestjoni tal-kompiti skont ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014. Is-CBA ġiet aġġustata mill-Kummissjoni sabiex trendi aktar titjib fl-effiċjenza, u ġiet ikkumplimentata bi tnaqqis addizzjonali tal-persunal fil-livell tal-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata newtralità globali fil-baġit. Dan intlaħaq permezz tat-tpaċija taż-żieda fin-nefqa fuq riżorsi umani addizzjonali fl-aġenziji eżekuttivi mat-tnaqqis tal-livell korrispondenti ta' riżorsi mill-Kummissjoni. Dan l-eżerċizzju diġà inkorpora r-riżorsi marbuta mad-delegazzjoni ta' dan il-programm. Is-CBA wriet li jekk l-Aġenzija tiġi fdata b'ċertu kompiti ta' implimentazzjoni marbuta mat-twassil ta' informazzjoni u tal-miżuri ta' promozzjoni għal prodotti agrikoli, dan ikun jinvolvi benefiċċji kwalitattivi u kwantitattivi sinifikanti meta mqabbla max-xenarju li l-aspetti kollha tal-programmi l-ġodda jkunu se jiġu ġestiti skontu, internament, fi ħdan il-Kummissjoni. Dawk il-kompiti tematikament huma f'konformità mal-mandat u mal-missjoni tal-Aġenzija. L-Aġenzija diġà bniet kompetenzi, ħiliet u kapaċitajiet li huma direttament rilevanti għal dawk il-kompiti. Minħabba d-daqs relattivament żgħir tagħha, l-Aġenzija tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex terfa' r-responsabbiltà ta' kompiti marbuta ma' programm li għandu mod simili ta' ġestjoni. Barra minn hekk, il-ġestjoni permezz tal-Aġenzija se ttejjeb il-viżibbiltà tal-intervent tal-Unjoni f'dan il-qasam. Il-kompiti l-ġodda jistgħu jikkapitalizzaw fuq il-mezzi ta' komunikazzjoni li diġà jeżistu fl-Aġenzija. Barra minn hekk, billi terfa' r-responsabbiltà ta' kompiti ġodda, l-Aġenzija se timmaniġġja baġits akbar u se tikber sa livell fejn jistgħu jinstabu aktar sinerġiji.

(5)

Minħabba fiż-żmien li ntagħżel għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, il-mandat tal-Aġenzija kif prevvist fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/770/UE ma kopriex id-delegazzjoni ta' dan il-programm il-ġdid.

(6)

Sabiex jiġu riflessi dawn il-kompiti addizzjonali, l-Aġenzija għandha tiġi trasformata fl-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel.

(7)

U għaldaqstant id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/770/UE għandha tiġi emendata skont dan.

(8)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Aġenziji Eżekuttivi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu uniku

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/770/UE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 1

L-Istabbiliment

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel (‘l-Aġenzija’) hija b'dan stabbilita u għandha tissostitwixxi u tissupera l-aġenzija eżekuttiva mwaqqfa permezz tad-Deċiżjoni 2004/858/KE mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2024, li l-istatut tagħha huwa regolat mir-Regolament (KE) Nru 58/2003.”

,

(2)

Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1), għandu jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

it-twassil ta' informazzjoni u tal-miżuri ta' promozzjoni għal prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi.”

.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/770/UE tas-17 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Konsumaturi, is-Saħħa u l-Ikel u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/858/KE (ĠU L 341, 18.12.2013, p. 69).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Baġit għall-Ewropa 2020, COM(2011) 500 finali.

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar it-twassil ta' informazzjoni u tal-miżuri ta' promozzjoni dwar il-prodotti agrikoli fis-suq intern u f'pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 56).

(7)  L-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji għad-delega ta' ċerti kompiti marbutin mal-implimentazzjoni ta' Programmi tal-Unjoni 2014-2020 lill-Aġenziji Eżekuttivi (Ir-Rapport Finali tad-19 ta' Awwissu 2013).