18.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 363/156


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta' Diċembru 2014

dwar it-twaqqif tal-Istitut Konġunt għall-Interferometrija b'Bażi Twila Ħafna bħala Konsorzju tal-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (JIV-ERIC)

(2014/923/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Iżvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq talbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-Istitut Konġunt għall-Interferometrija b'Bażi Twila Ħafna bħala Konsorzju tal-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (JIV-ERIC).

(2)

Dawk l-Istati Membri qablu li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi se jkun l-Istat Membru Ospitanti tal-JIV-ERIC.

(3)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Istitut Konġunt għall-Interferometrija b'Bażi Twila Ħafna bħala Konsorzju tal-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka (JIV-ERIC) huwa b'dan imwaqqaf.

2.   L-Istatuti tal-JIV-ERIC huma stabbiliti fl-Anness. L-Istatuti għandhom jinżammu aġġornati u jkunu magħmula disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-JIV-ERIC u fis-sede statutorja tiegħu.

3.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti li l-emendi għalihom għandhom jeħtieġu l-approvazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 huma stipulati fl-Artikoli 1, 2, 18, 20-25, 27 u 28.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.


ANNESS

PREAMBOLU

RIKONOXXUTA l-organizzazzjoni, li ilha mwaqqfa, tal-Istitut Konġunt għall-Interferometrija b'Bażi Twila Ħafna fl-Ewropa u l-importanza ta' dan għaż-Żona Ewropea ta' Riċerka, ġie maqbul mill-partijiet li jittrasferixxu l-attivitajiet operattivi kollha mill-entità legali nazzjonali Olandiża “Stichting JIVE” lejn entità legali skont ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 li għandha tibda tissejjaħ “JIV-ERIC”.

Billi:

In-Netwerk Ewropew tal-VLBI (EVN) huwa konsorzju li ilu jeżistu u li għandu struttura li tista' tespandi b'mod flessibli, li joffri faċilità tal-osservazzjoni astronomika permezz ta' osservazzjonijiet konġunti ta' radjuteleskopji madwar l-Ewropa u kontinenti oħra u li jintuża minn komunità xjentifika vitali mferrxa madwar id-dinja. Għal aktar minn għoxrin sena, l-ENV żamm standards għoljin għall-aħħar u netwerk stabbli ħafna.

Fi ħdan l-EVN, l-Istitut Konġunt għall-VLBI fl-Ewropa (JIVE) twaqqaf fl-1993 bħala entità legali nazzjonali Olandiża(Stichting/Fondazzjoni) biex jimplimenta servizzi ċentrali u b'mod partikolari l-ipproċessar tad-dejta (korrelazzjoni) miġbura bit-teleskopju. Dan joffri lill-utenti tal-EVN appoġġ meta jiġu biex jipproponu, jipproċessaw u jinterpretaw l-osservazzjonijiet tal-EVN. Dan jagħti wkoll feedback dwar il-kwalità tad-dejta mogħtija mit-teleskopji. Il-JIVE jipprovdi l-infrastruttura essenzjali għall-osservazzjonijiet konġunti tal-EVN u netwerks oħra. Il-JIVE għandu rwol attiv fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-EVN permezz tal-iżvilupp ta' tekniki ġodda, notevolment fir-rigward tal-ipproċessar ċentrali u s-servizzi lill-utenti.

F'din l-attività u f'attivitajiet oħra, il-JIVE aġixxa bħala r-rappreżentant tal-EVN, b'mod partikolari fit-twettiq ta' programmi tal-KE. Ir-relazzjoni tal-infrastruttura tal-JIVE u l-EVN hija indirizzata fil-Memorandum ta' Qbil (MtQ) tal-Konsorzju tal-EVN konkluż f'Berlin fit-22 ta' Novembru 2002.

Bħalissa, legalment il-JIVE jinsab f'qafas ta' Fondazzjoni Olandiża. L-ERIC hija entità legali adattata għall-missjoni u l-ambizzjonijiet tax-xjenza tal-JIVE. Il-qafas legali ta' Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) huwa inkorporat fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

It-twaqqif tal-JIV-ERIC se jagħti aktar sostenibbiltà lill-kollaborazzjoni li ilha għaddejja ta' istituti tar-riċerka stabbiliti fuq bażi nazzjonali fil-qasam tal-Interferometrija b'Bażi Twila Ħafna. In-netwerks tal-VLBI huma teknoloġija kritika u ewlenija għall-infrastrutturi tar-riċerka ewlenin u futuri fl-astronomija bir-radju.

Il-korrelatur tal-JIVE huwa l-qalba tal-infrastruttura tal-JIV-ERIC. Dan huwa komponent ċentrali essenzjali biex tiġi ffurmata Infrastruttura tar-Riċerka tal-VLBI. Il-JIV-ERIC għandu jissokta bil-kollaborazzjoni eżistenti u l-obbligi kuntrattwali mal-imsieħba kollha tal-EVN u jistruttura u jallinea dan fi ħdan il-missjoni tal-JIV-ERIC. Il-JIV-ERIC se jikkorrelata kull proġett tal-EVN. Barra minn hekk, il-JIV-ERIC se jippromwovi u jimplimenta l-użu tal-VLBI u tekniki oħra tal-astronomija bir-radju.

KIEN HEMM QBIL fost il-Membri fundaturi li jwaqqfu u jimplimentaw il-JIV-ERIC f'konformità mad-dispożizzjonijiet li ġejjin.

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Isem, Sede u Lingwa ta' Ħidma

1.   Għandu jkun hemm Konsorzju għall-Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka msejjaħ l-Istitut Konġunt għall-VLBI (Very Long Base Interferometry — Interferometrija b'Bażi Twila ħafna), minn hawn 'il quddiem imsejjaħ JIV-ERIC.

2.   Il-JIV-ERIC għandu jkun infrastruttura tar-riċerka attiva fil-pajjiżi membri tal-JIV-ERIC, kif ukoll f'pajjiżi osservaturi u pajjiżi oħra fejn il-JIV-ERIC ikun waqqaf ftehimiet f'konformità mal-Artikolu 8(1) tal-Istatuti.

3.   Il-JIV-ERIC għandu jkollu l-forma ġuridika ta' Konsorzju għall-Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) inkorporat fid-dispożizzjoni tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u għandu jibda jissejjaħ “JIV-ERIC”.

4.   Il-JIV-ERIC għandu jkollha s-sede statutorju f'Dwingeloo, fl-Olanda.

5.   Il-lingwa tal-ħidma tal-JIV-ERIC hija l-Ingliż.

Artikolu 2

Kompiti u Attivitajiet

1.   Il-JIV-ERIC għandu jippromwovi u jimplimenta l-użu tal-VLBI u tekniki oħra tal-astronomija bir-radju. B'mod partikolari, JIV-ERIC għandu jopera u jiżviluppa l-proċessur tad-dejta, li ta' spiss jissejjaħ korrelatur, u jaqdi lix-xjentisti li jużaw il-faċilitajiet tal-EVN. Il-JIV-ERIC għandu jikkorrelata l-proġetti EVN kollha, li huma approvati mill-Kumitat tal-Programm tal-EVN u skedat mill-Iskedatur tal-EVN u indikat għall-korrelazzjoni fil-JIV-ERIC fuq il-Block Schedule tal-EVN.

2.   Il-JIV-ERIC għandu jmexxi 'l quddiem l-Interferometrija b'Bażi Twila Ħafna bejn it-teleskopji tal-imsieħba tal-EVN u netwerks oħra. Il-JIV-ERIC għandu jorganizza u jħaffef l-appoġġ għat-tħaddim tal-EVN u ta' netwerks oħrajn u ta' attivitajiet oħra relatati fil-qasam tal-astronomija bir-radju meħtieġa għall-ksib tal-għan tiegħu.

3.   Il-JIV-ERIC għandu jopera fuq bażi mhux ekonomika. Sabiex jippromwovi aktar l-innovazzjoni kif ukoll it-trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija, jistgħu jitwettqu attivitajiet ekonomiċi limitati sakemm dawn ma jipperikolawx l-attivitajiet ewlenin.

KAPITOLU 2

SĦUBIJA

Artikolu 3

Sħubija u Rappreżentanti

1.   L-entitajiet li ġejjin jistgħu jsiru Membru tal-JIV-ERIC jew Osservatur mingħajr id-dritt li jivvutaw:

(a)

L-Istati Membri;

(b)

Pajjiżi assoċjati;

(c)

Pajjiżi terzi għajr għall-pajjiżi assoċjati;

(d)

Organizzazzjonijiet intergovernattivi.

2.   Kwalunkwe Membru jew Osservatur jista' jkun rappreżentat minn entità pubblika waħda jew entità privata waħda b'missjoni ta' servizz pubbliku, li jagħżel huwa stess skont ir-regoli u proċeduri tiegħu.

3.   Il-Membri u l-Osservaturi attwali tal-JIV-ERIC u rappreżentanti tagħhom huma elenkati fl-Anness 1. L-Anness 1 għandu jiġi aġġornat mid-Direttur Eżekuttiv. Il-Membri, fil-waqt tat-tressiq tal-applikazzjoni tal-ERIC, għandhom jissemmew bħala Membri fundaturi.

Artikolu 4

Id-dħul ta' Membri

1.   It-termini għad-dħul ta' Membri ġodda huma dawn:

(a)

id-dħul ta' Membri ġodda għandu jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Kunsill;

(b)

l-applikanti għandhom iressqu applikazzjoni bil-miktub lill-President tal-Kunsill;

(c)

l-applikazzjoni għandha tiddeskrivi kif l-applikant se jikkontribwixxi għall-għanijiet u l-attivitajiet tal-JIV-ERIC, jissodisfa l-obbligi tiegħu u jinnomina entità legalment intitolata mogħtija s-setgħa bħala rappreżentant.

2.   Il-perjodu inizjali għas-sħubija huwa ta' ħames snin.

Artikolu 5

L-Irtirar ta' Membru, it- Terminazzjoni tas-Sħubija

1.   L-ebda Membru ma għandu jirtira fl-ewwel ħames snin tat-twaqqif tal-JIV-ERIC, sakemm is-sħubija ma tkunx saret għal perjodu iqsar speċifikat. Wara l-ewwel ħames snin tat-twaqqif tal-JIV-ERIC, membru jista' jirtira mat-tmiem ta' sena finanzjarja, wara talba li trid tiġi magħmula minn tal-inqas tnax-il xahar qabel l-irtirar.

2.   Membru jista' jirtira f'każ li l-Kunsill jiddeċiedi li jżid l-kontribuzzjoni annwali kif speċifikat fl-Anness 2. Minkejja l-Artikolu 5(1), membru li jkun jixtieq jirtira jista' jagħmel dan fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta proposta għal żieda fil-kontribuzzjoni.

3.   L-irtirar jista' jsir effettiv biss fi tmien is-sena finanzjarja bil-kundizzjoni li l-membru li jkun qed jirtira jkun issodisfa l-obbligi tiegħu.

4.   Il-Kunsill għandu jkollu s-setgħa jtemm is-sħubija ta' membru jekk jintlaħqu dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

il-membru jkun kiser b'mod serju wieħed jew aktar mill-obbligi skont dawn l-Istatuti;

(b)

il-membru jkun naqas milli jirregola tali ksur f'perjodu ta' sitt xhur minn meta jiġi notifikat.

Il-membru għandu jingħata l-opportunità li jikkontesta d-deċiżjoni tat-terminazzjoni u li jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill.

KAPITOLU 3

OSSERVATURI U ISTITUTI TAR-RIĊERKA PARTEĊIPANTI

Artikolu 6

Dħul ta' Osservaturi

1.   L-organizzazzjonijiet statali u integovernattivi li għandhom r-rieda li jikkontribwixxu lejn il-JIV-ERIC u għandhom l-intenzjoni li jkunu membri, jistgħu japplikaw għal status ta' osservatur.

2.   It-termini għad-dħul ta' osservaturi huma dawn:

(a)

l-osservaturi għandhom jiddaħħlu għal perjodu inizjali ta' tliet snin;

(b)

id-dħul ta' osservaturi għandu jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Kunsill; kif ukoll

(c)

l-applikazzjonijiet għandhom isiru bil-miktub lill-President tal-Kunsill, u għandhom jiddeskrivu kif l-applikant għandu jikkollabora għall-għanijiet u l-attivitajiet tal-JIV-ERIC u jinnominaw entità legalment intitolata mogħtija s-setgħa bħala rappreżentant.

3.   L-osservatur jista' japplika għas-sħubija fi kwalunkwe żmien.

Artikolu 7

L-Irtirar ta' Osservatur, it-Terminazzjoni ta' status ta' osservatur

1.   It-terminu inizjali għal status ta' osservatur huwa ta' tliet snin.

2.   L-irtirar ta' osservatur għandu jsir effettiv fi tmien is-sena finanzjarja sakemm l-osservatur li jkun qed jirtira jkun issodisfa l-obbligi tiegħu.

3.   Il-Kunsill għandu jkollu s-setgħa li jtemm l-Istatus ta' osservatur jekk jintlaħqu dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

l-osservatur ikun kiser b'mod serju waħda jew aktar mill-obbligi skont dawn l-Istatuti; kif ukoll

(b)

l-osservatur ikun naqas milli jirregola tali ksur f'perjodu ta' sitt xhur minn meta jiġi notifikat.

L-osservatur għandu jingħata l-opportunità li jikkontesta d-deċiżjoni tat-terminazzjoni u li jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill.

Artikolu 8

Parteċipazzjoni tal-Istituti tar-Riċerka fil-JIV-ERIC

1.   Il-JIV-ERIC jista' jidħol fi Ftehim ta' Kollaborazzjoni ma' istituti tar-riċerka li joperaw element tal-VLBI jew li jirrappreżentaw l-interess nazzjonali fil-kollaborazzjoni tal-VLBI u li mhumiex f'pajjiżi li huma membri jew osservaturi. Il-Ftehim ta' Kollaborazzjoni għandu jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet li skonthom l-istituti nazzjonali tar-riċerka jistgħu jingħaqdu mal-infrastruttura tal-JIV-ERIC u jimpenjaw ruħhom għall-kompiti u l-attivitajiet stabbiliti fl-Artikolu 2.

2.   Il-Ftehim ta' Kollaborazzjoni għandu jinkludi l-kontribuzzjoni miftiehma, id-dritt ta' kontribut għad-dejta għall-ipproċessar fil-faċilitajiet ċentrali tal-JIV-ERIC u d-dritt tal-attendenza għal-laqgħat tal-Kunsill, id-dritt tal-għoti tal-aġenda u d-dokumenti mehmużau li tiġi espressa fehma dwar l-attivitajiet operattivi tal-JIV-ERIC fil-laqgħat tal-Kunsill.

3.   Il-Ftehim ta' Kollaborazzjoni għandu jiġi konkluż mid-Direttur Eżekuttiv tal-JIV-ERIC.

4.   Biex jitħallas l-ammont tal-kontribuzzjoni annwali tal-istituti ta' riċerka l-istess prinċipji kif deskritt fl-Anness 2 għandhom jittieħdu bħala prinċipju ta' gwida. Speċifikament, dan iqis l-isforz operazzjonali annwali favur l-element lokali li jieħu sehem fl-infrastruttura tal-VLBI.

KAPITOLU 4

DRITTIJIET U OBBLIGI

Artikolu 9

Drittijiet u Obbligi tal-Membri

1.   Id-drittijiet tal-membri jinkludu:

(a)

id-dritt li jattendu u jivvutaw fil-Kunsill;

(b)

id-dritt li jieħdu sehem fl-iżvilupp ta' strateġiji fit-tul u politiki u fil-proċeduri dwar teħid ta' deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-JIV-ERIC;

Benefiċċji addizzjonali tal-Membri jinkludu:

(c)

il-benefiċċju li l-komunità ta' riċerka tagħhom tkun tista' tipparteċipa f'avvenimenti tal-JIV-ERIC, bħall-iskejjel tas-sajf, sessjonijiet ta' ħidma, konferenzi, korsijiet tat-taħriġ b'rati preferenzjali, jekk jippermetti l-ispazju;

(d)

il-benefiċċju li l-komunità ta' riċerka tagħhom ikollha aċċess għall-appoġġ tal-JIV-ERIC fl-iżvilupp ta' sistemi, proċessi u servizzi rilevanti;

(e)

id-dritt li jikkontribwixxu dejta għall-ipproċessar fil-faċilitajiet ċentrali tal-JIV-ERIC u li jirċievu appoġġ mill-JIV-ERIC.

2.   Kull Membru għandu jinnomina żewġ rappreżentanti; mill-inqas wieħed mir-rappreżentanti għandu jkollu għarfien espert xjentifiku u jirrappreżenta l-istituti ta' riċerka li qed jipprovdu riżorsi għall-JIV-ERIC.

3.   Kull Membru:

(a)

għandu jħallas kontribuzzjonijiet deċiżi mill-Kunsill u deskritti fl-Anness 2;

(b)

għandu jagħti s-setgħa lil wieħed mir-rappreżentanti li jivvota dwar is-suġġetti kollha diskussi waqt il-laqgħat tal-Kunsill;

(c)

jista' jaħtar jew jagħti s-setgħa lil stitut lokali jew konsorzju tal-infrastruttura biex iwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn dawn l-Istatuti.

4.   Minbarra l-kontribuzzjoni miftehma msemmija fl-Artikolu 9(3)(a), jistgħu jsiru kontribuzzjonijiet oħra mill-Membri, individwalment jew b'mod konġunt — f'kooperazzjoni ma' membri, osservaturi jew partijiet terzi. Tali kontribuzzjonijiet, fi flus jew in natura, ikunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kunsill.

Artikolu 10

Drittijiet u Obbligi tal-Osservaturi

1.   Id-drittijiet tal-Osservaturi għandhom jinkludu:

(a)

id-dritt li jattendu l-laqgħa tal-Kunsill mingħajr dritt għall-vot;

(b)

id-dritt li jesprimu l-fehma tagħhom dwar l-aġenda tal-Kunsill;

(c)

id-dritt li jirċievu l-aġenda, inklużi d-dokumenti mehmuża;

(d)

id-dritt li l-komunità xjentifika u teknika relevanti tipparteċipa f'avvenimenti tal-JIV-ERIC.

2.   Kull Osservatur:

(a)

għandu jaħtar żewġ rappreżentanti, mill-anqas wieħed mir-rappreżentanti għandu jirrappreżenta l-istituti stabbilit b'mod nazzjonali li jipprovdu r-riżorsi lill-JIV-ERIC;

(b)

għandu jistabbilixxi l-attivitajiet fil-qafas tal-kollaborazzjoni tagħhom bi tkomplija tal-għanijiet tal-JIV-ERIC imsemmija fl- Artikolu 2;

(c)

għandu jissottometi dikjarazzjoni annwali lill-Kunsill biex jevalwa l-kollaborazzjoni tiegħu lejn l-għanijiet tal-JIV-ERIC;

(d)

jista' jagħti s-setgħa lir-rappreżentant tiegħu biex iwettaq l-obbligi msemmija fl- Artikolu 10(2)(b).

3.   Minbarra l-kontribuzzjoni miftehma lejn l-għanijiet tal-JIV-ERIC imsemmija fl-Artikolu 10(2)(b), jistgħu jiġu magħmula kontribuzzjonijiet oħra mill-Osservaturi, individwalment jew b'mod konġunt f'kooperazzjoni ma' membri, osservaturi jew partijiet terzi. Tali kontribuzzjonijiet, fi flus jew in natura, ikunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kunsill.

KAPITOLU 5

GOVERNANZA

Artikolu 11

Tmexxija u Ġestjoni

L-istruttura tal-governanza tal-JIV-ERIC għandha tinkludi l-organi li ġejjin:

(a)

il-Kunsill;

(b)

id-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 12

Il-Kunsill

1.   Il-Kunsill għandu jkun il-korp ta' tmexxija tal-JIV-ERIC u għandu jkun magħmula minn rappreżentanti tal-Membri u l-Osservaturi tal-JIV-ERIC. Kull Membru għandu jkollu vot wieħed. Kull Membru għandu jaħtar rappreżentant bi dritt għal vot wieħed. Kull delegazzjoni ta' Membri u Osservaturi tista' tkun magħmula minn massimu ta' żewġ persuni li tal-anqas wieħed minnhom għandu jkollu għarfien espert xjentifiku relevanti għall-JIV-ERIC (kif imsemmi fl-Artikoli 9(2) u 10(2)). L-Istitut ospitanti għandu jkun rappreżentata fid-Delegazzjoni tal-Membru Ospitanti.

2.   Il-Kunsill għandu jipprovdi stediniet permanenti għal korpi jew rappreżentanti tal-EVN u l-istituti ta' riċerka parteċipanti (kif imsemmi fl- Artikolu 8(1)) u fejn il-Kunsill jiddeċiedi li huwa rilevanti.

3.   Il-Kunsill għandu jadotta Regoli ta' Proċedura fi żmien perjodu ta' żmien li hu raġonevolment prattiku wara li jkun twaqqaf il-JIV-ERIC, inklużi r-Regoli ta' Proċedura msemmija fl-Artikoli 23(1), 25(1) u 26(1).

4.   Il-Kunsill għandu jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena, u għandu jkun responsabbli skont id-dispożizzjonijiet ta' dawn l-Istatuti għad-direzzjoni u s-sorveljanza ġenerali tal-JIV-ERIC.

5.   Il-Kunsill għandu jimmira għall-eċċellenza xjentifika tal-infrastruttura tal-VLBI kif ukoll għall-konsistenza, il-koerenza u l-istabbilità tas-servizzi tal-istituti ta' riċerka relevanti li jipprovdu riżorsi lill-JIV-ERIC.

6.   Il-Kunsill għandu mill-inqas jkollu l-awtorità li:

(a)

jiddeċiedi dwar l-istrateġiji għall-iżvilupp tal-JIV-ERIC;

(b)

jadotta l-programm ta' ħidma annwali kif propost mid-Direttur Eżekuttiv li jinkludi l-baġit annwali, bl-approprjazzjonijiet għall-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni u Appoġġ tal-JIV-ERIC u servizzi komuni, u deskrizzjoni qasira dwar l-istrateġija fuq terminu twil;

(c)

jiddeċiedi, għall-inqas kull ħames snin, il-kontribuzzjoni tal-Membri u l-Osservaturi, skont il-prinċipji ta' kalkolu kif stabbilit fl-Anness 2;

(d)

jadotta r-rapport annwali tal-JIV-ERIC, u japprova l-kontijiet finanzjarji awditjati;

(e)

jiddeċiedi dwar id-dħul ta' Membri jew Osservaturi ġodda;

(f)

jiddeċiedi dwar it-terminazzjoni ta' Sħubija jew status ta' Osservatur;

(g)

jiddeċiedi dwar il-proposti għal emendi fl-Istatuti;

(h)

jaħtar, jissospendi jew ikeċċi lid-Direttur Eżekuttiv;

(i)

jistabbilixxi Korpi Sussidjarji;

(j)

jiddeskrivi l-mandat u l-attivitajiet speċifiċi tad-Direttur Eżekuttiv u jagħti linji gwida għad-Direttur Eżekuttiv biex jikkonkludi Ftehim ta' Kollaborazzjoni kif imsemmi fl- Artikolu 8(3).

7.   Il-Kunsill għandu jitlaqqa' mill-President b'avviż ta' mill-inqas erba' ġimgħat minn qabel, u l-aġenda għandha tkun iċċirkulata mill-inqas erbatax-il jum qabel il-laqgħa. Il-membri għandu jkollhom id-dritt li jissuġġerixxu materji għall-aġenda sa ħamest ijiem qabel il-laqgħa. Laqgħa tal-Kunsill tista' ssir fuq talba ta' mill-inqas 50 % tal-Membri.

8.   Il-Kunsill għandu jeleġġi President b'maġġoranza ta' 75 % tal-voti. Il-President għandu jiġi elett għal perjodu ta' sentejn, li jista' jiġġedded darba.

9.   Il-Kunsill għandu jeleġġi Viċi President b'maġġoranza ta' 75 % tal-voti. Il-Viċi President għandu jieħu post il-President fin-nuqqas tiegħu/tagħha u fil-każ ta' kunflitt ta' interess. Il-Viċi President għandu jiġi elett għal perjodu ta' sentejn, li jista' jiġġedded darba.

Artikolu 13

It-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill

1.   Il-Kunsill ma għandux jiddelibera u jiddeċiedi b'mod validu sakemm kworum ta' żewġ terzi tal-Membri ma jkunx rappreżentat u preżenti fil-laqgħa

2.   Dwar id-deċiżjonijiet kollha, il-Kunsill għandu jagħmel kull sforz biex jikseb kunsens.

3.   Jekk ma jintlaħaqx kunsens, maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa għandha tkun biżżejjed biex tittieħed deċiżjoni, għajr għad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 12(8), 12(9), 13(4) u 13(5).

4.   Deċiżjonijiet li jeħtieġu maġġoranza ta' mill-inqas żewġ terzi tal-voti mitfugħa, huma deċiżjonijiet dwar:

(a)

l-addozzjoni jew bdil tal-istrateġiji għall-iżvilupp tal-JIV-ERIC;

(b)

it-terminazzjoni ta' sħubija jew ta' status ta' osservatur;

(c)

il-ħatra, is-sospensjoni jew t-tkeċċija tad-Direttur Eżekuttiv;

(d)

it-twaqqif ta' Korpi Sussidjarji;

(e)

l-adozzjoni jew il-bdil ta' Regoli ta' Proċedura;

(f)

l-adozzjoni u l-emenda tal-programm ta' ħidma annwali u l-baġit annwali.

5.   Deċiżjonijiet li jeħtieġu l-unanimità tal-membri preżenti kollha tal-JIV-ERIC huma deċiżjonijiet dwar:

(a)

is-sottomissjoni ta' proposta lill-Kummissjoni biex jiġu emendati l-Istatuti;

(b)

l-adozzjoni u l-emenda tal-prinċipji għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni kif imsemmija fl-Anness 2;

(c)

deċiżjonijiet dwar il-kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu mill-membri u l-osservaturi;

(d)

it-terminazzjoni tal-JIV-ERIC.

6.   Deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 13(4) u 13(5) jistgħu jittieħdu biss jekk il-membri kollha jiġu infurmati bid-deċiżjonijiet proposti mill-inqas ġimgħatejn qabel il-laqgħa. Emendi għall-Istatuti u għall-Anness 2, kif imsemmija fl-Artikolu 13(5) (a) u (b), jistgħu jittieħdu biss jekk il-membri kollha jiġu infurmati dwar il-kliem eżatt tal-emenda mill-inqas xahrejn qabel il-laqgħa.

7.   Kull emenda tal-Istatuti għandha tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

Artikolu 14

Direttur Eżekuttiv

1.   Il-Kunsill għandu jaħtar id-Direttur Eżekuttiv tal-JIV-ERIC għal terminu ta' ħames snin, li jista' jiġġedded. Id-Direttur Eżekuttiv tal-JIV-ERIC għandu jkun responsabbli għall-iżvilupp xjentifiku tal-JIV-ERIC. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill u l-ġestjoni ta' kuljum tal-attivitajiet operattivi kollha tal-JIV-ERIC, inkluż l-uffiċċju ta' Koordinazzjoni u Appoġġ u l-iżvilupp tal-korrelatur.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-JIV-ERIC.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiżviluppa u jissottometti għall-adozzjoni mill-Kunsill il-programm ta' ħidma annwali kif imsemmi fl-Artikolu 12(6) (b).

4.   Ladarba jiġi adottat il-programm ta' ħidma annwali mill-Kunsill, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun reponsabbli mill-eżekuzzjoni tal-programm ta' ħidma annwali, kif imsemmi fl-Artikolu 12(6) (b).

5.   Id-Direttur Eżekuttiv jista' jwaqqaf Kumitat jew Kumitati biex jassistih jew jassistuh fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-JIV-ERIC.

Artikolu 15

L-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni u Appoġġ ta' JIV-ERIC

L-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni u Appoġġ tal-JIV-ERIC għandu jkun l-uffiċċju tal-ġestjoni ċentrali għall-operazzjonijiet ta' kuljum tal-JIV-ERIC. Dan jappoġġa l-ġestjoni ta' kuljum tal-JIV-ERIC, inkluża l-assistenza lill-Kunsill. Dan għandu jitwaqqaf u jiġi ġestit mid-Direttur Eżekuttiv.

KAPITOLU 6

FINANZJAMENT U RAPPURTAR LILL-KUMMISSJONI EWROPEA

Artikolu 16

Prinċipji baġitarji u kontijiet

1.   Il-fondi tal-JIV-ERIC jistgħu jintużaw biss għall-iskopijiet stipulati f'dawn l-Istatuti.

2.   Il-JIV-ERIC għandu jamministra l-assi tiegħu stess f'konformità mar-regolamenti tat-taxxa. Biex jilħaq l-għanijiet tiegħu, il-JIV-ERIC jista' jakkwista, juża u jamministra fondi ta' partijiet terzi.

3.   Is-sena finanzjarja tal-JIV-ERIC għandha tibda fl-1 ta' Jannar u tintemm fil-31 ta' Diċembru ta' kull sena.

4.   L-elementi kollha ta' dħul u ta' infiq tal-JIV-ERIC għandhom ikunu inklużi fl-istimi mfassla għal kull sena finanzjarja u għandhom jintwerew fil-baġit annwali. Il-baġit annwali għandu jkun konformi mal-prinċipji komunament aċċettati ta' trasparenza.

5.   Il-kontijiet tal-JIV-ERIC għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tas-sena finanzjarja.

6.   Il-JIV-ERI għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti tal-liġi applikabbli fir-rigward tat-tħejjija, l-iffajljar, l-awditjar u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet.

7.   Il-JIV-ERIC għandu jiżgura li l-approprjazzjonijiet jiġu użati skont il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba.

8.   Il-JIV-ERIC għandu jirreġistra l-infiq u d-dħul tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu b'mod separat.

9.   L-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni u Appoġġ tal-JIV-ERIC għandu jkun responsabbli biex iżomm kont preċiż tad-dħul u l-ħruġ kollu.

Artikolu 17

Rappurtar

1.   Il-JIV-ERIC għandu jipproduċi rapport annwali tal-attività, li jinkludi fih, b'mod partikolari, l-aspetti xjentifiċi, operazzjonali u finanzjarji tal-attivitajiet tiegħu. Ir-rapport għandu jkun approvat mill-Kunsill u jkun trażmess lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja korrispondenti. Dan ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

2.   Il-JIV-ERIC għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe ċirkostanza li thedded li tipperikola serjament il-kisba tal-kompiti tal-JIV-ERIC jew li tfixkel lill-JIV-ERIC milli jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 723/2009.

Artikolu 18

Ir-responsabbiltà

1.   Il-JIV-ERIC għandu jkun responsabbli għad-dejn tiegħu.

2.   Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Membri għad-dejn tal-JIV-ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjoni annwali ta' kull Membru individwali kif speċifikat fl-Anness 2.

3.   Il-JIV-ERIC għandu jkollu assigurazzjoni xierqa li tkopri r-riskji speċifiċi għall-bini u t-tħaddim tal-JIV-ERIC.

KAPITOLU 7

POLITIKI

Artikolu 19

Ftehimiet ta' Kollaborazzjoni ma' Partijiet Terzi

F'każijiet fejn il-JIV-ERIC iqis li jkun ta' benefiċċju, dan jista' jidħol fi Ftehim ta' Kollaborazzjoni ma' partijiet terzi, pereżempju istituti tar-riċerka minn pajjiżi li mhumiex membri jew osservaturi ta' JIV-ERIC.

Artikolu 20

Politiki ta' Aċċess għall-Utenti

1.   Il-JIV-ERIC għandu jħabrek biex jiftaħ l-aċċess tal-infrastruttura fil-limiti u l-kundizzjonijiet tal-politiki tal-aċċess ikkonċernati.

2.   Skont l-awtorizzazzjoni tal-provdituri tal-kontenut u permezz ta' awtentikazzjoni approvata mill-JIV-ERIC, id-dejta, l-għodod u s-servizzi offruti mill-JIV-ERIC għandhom ikunu miftuħa għall-komunità xjentifika.

3.   Il-JIV-ERIC għandha tiżgura li l-utenti jiftiehmu dwar it-termini u kundizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess u li arranġamenti xierqa dwar is-sigurtà jkunu fis-seħħ fir-rigward tal-ħżin u l-ġestjoni tad-dejta tar-riċerka interni.

4.   Il-JIV-ERIC għandu jkollu fis-seħħ arranġamenti definiti sew għall-investigazzjoni ta' allegazzjonijiet ta' ksur tas-sigurtà u tal-kunfidenzjalità fir-rigward tad-dejta tar-riċerka.

Artikolu 21

Politika ta' evalwazzjoni xjentifika

1.   Sabiex tkun faċilitata r-riċerka xjentifika, il-JIV-ERIC għandu jissodisfa l-prinċipji ta' trasparenza u jappoġġa kultura tal-'aħjar prattiki' kif maqbul u stabbilit permezz tal-kollaborazzjoni mal-EVN.

2.   L-aċċess għall-faċilitajiet ta' riċerka tal-JIV-ERIC, l-osservazzjoni u l-ħin tal-korrelatur, għandhom ikunu bbażati fuq l-eċċellenza xjentifika u l-vijabbiltà teknika tal-proposti ta' proġetti, li għandhom jiġu ġġudikati f'reviżjonijiet bejn il-pari minn esperti indipendenti, skont il-kriterji u l-prattiki stabbiliti fl-EVN. L-aċċess għall-ħin tal-korrelatur għandu jsegwi l-allokazzjoni u l-iskedar tal-ħin ta' osservazzjoni.

Artikolu 22

Politika ta' disseminazzjoni

1.   Il-JIV-ERIC għandu jieħu l-azzjonijiet kollha xierqa biex jippromwovi l-infrastruttura u l-użu tiegħu fir-riċerka u l-edukazzjoni.

2.   Il-JIV-ERIC għandu jħeġġeġ lill-utenti tiegħu biex jippubblikaw ir-riżultati tar-riċerka tagħhom u jagħmlu r-riżultati tagħhom disponibbli permezz tal-JIV-ERIC.

3.   Il-JIV-ERIC għandu jistabbilixxi politika ta' disseminazzjoni.

Artikolu 23

Politika tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali

1.   Fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali meħtieġa u ġġenerata bir-riċerka u l-iżvilupp tal-korrelatur tal-JIV-ERIC, il-prinċipju tas-sjieda huwa rikonoxxut, iżda jista' jkun kondiviż mill-partijiet parteċipanti attivi kollha li jikkontribwixxu għar-riċerka għall-benefiċċju tal-korrelatur tal-JIV-ERIC. Fi ħdan il-JIV-ERIC għandu jiġi adottat approċċ integrat ta' linji gwida u kuntratti għall-proprjetà intellettwali fir-rigward tad-drittijiet ta' istituti nazzjonali tar-riċerka li jiddedikaw l-infrastruttura lill-JIV-ERIC li tkopri it-trasferiment teknoloġiku u l-qsim tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, li għalih id-Direttur Eżekuttiv għanu jipproponi Regoli ta' Proċedura lill-Kunsill.

2.   Il-JIV-ERIC għandu jipprovdi gwida (pereżempju permezz ta' sit elettroniku) lir-riċerkaturi biex jiżgura li r-riċerka li tuża materjal magħmul aċċessibbli permezz tal-JIV-ERIC titwettaq fi ħdan qafas li jirrikonoxxi d-drittijiet tal-proprjetà tas-sidien tad-dejta.

Artikolu 24

Politika dwar l-impjiegi, inklużi l-opportunitajiet indaqs

Il-JIV-ERIC huwa impjegatur li joffri opportunitajiet indaqs u għandu jagħżel l-aħjar kandidat, irrispettivament mill-isfond, in-nazzjonalità, ir-reliġjon jew il-ġeneru. Il-kuntratti tal-impjieg għandhom isegwu l-liġijiet nazzjonali tal-pajjiż li fih il-persunal ikun impjegat.

Artikolu 25

Politika dwar l-Akkwist u l-Eżenzjoni mit-Taxxa

1.   Il-JIV-ERIC għandu jitratta lill-kandidati u l-persuni li jitfgħu offerta għall-akkwist pubbliku b'mod ugwali u mhux diskriminatorju, indipendentament jekk humiex ibbażati fl-Unjoni Ewropea jew le. Il-politika tal-akkwist tal-JIV-ERIC għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u l-kompetizzjoni. Il-Kunsill għandu jadotta Regoli ta' Proċedura li jiddefinixxu d-dettalji kollha meħtieġa dwar il-proċeduri u kriterji eżatti tal-akkwist.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-akkwist tal-JIV-ERIC. L-offerti għandhom ikunu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-JIV-ERIC u fit-territorji tal-membri u l-osservaturi. Id-deċiżjoni li tagħti d-dritt tal-akkwist għandha tkun ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-JIV-ERIC u tinkludi ġustifikazzjoni.

3.   L-akkwist mill-membri u l-osservaturi fir-rigward tal-attivitajiet tal-JIV-ERIC għandhom isiru b'tali mod li jitqiesu l-ħtiġijiet, ir-rekwiżiti tekniċi u l-ispeċifikazzjoniet tal-JIV-ERIC, maħruġa mill-korpi rilevanti u għandhom isegwu r-regolamenti nazzjonali applikabbli.

4.   L-eżenzjonijiet mit-taxxa ibbażati fuq l-Artikolu 143(1)(g) u 151(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1) u f'konformità mal-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 282/2011 (2) għandha tkun limitata għat-taxxa fuq il-valur miżjud għal prodotti u servizzi li huma għall-użu uffiċjali tal-JIV-ERIC, li jaqbżu l-valur ta' EUR 225, u li jiġu mħallsa u akkwistati kompletament mill-JIV-ERIC. L-akkwist li jsir mill-membri individwali ma għandux jibbenefika minn dawn l-eżenzjonijiet. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25(5) u (6), ma għandu japplika l-ebda limitu ieħor.

5.   L-eżenzjonijiet tat-taxxa għandhom japplikaw fuq attivitajiet mhux ekonomiċi, u mhux fuq attivitajiet ekonomiċi.

6.   L-eżenzjoni mill-VAT għandha tapplika għall-prodotti u s-servizzi użati għal operazzjonijiet xjentifiċi, tekniċi u amministrattivi mwettqin mill-JIV-ERIC f'konformità mal-kompiti prinċipali tiegħu. Dawn jinkludu spejjeż għall-konferenzi, is-sessjonijiet ta' ħidma u l-laqgħat marbuta direttament mal-attivitajiet uffiċjali tal-JIV-ERIC li iżda jeskludu l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni.

Artikolu 26

Politika dwar id-dejta

1.   B'mod ġenerali, għandhom jiġu preferuti l-prinċipji ta' Sors Miftuħ u ta' Aċċess Miftuħ.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jipproponi lill-Kunsill għall-approvazzjoni Regoli ta' Proċedura dwar il-politika tad-dejta b'rabta mal-utenti tal-infrastruttura tal-JIV-ERIC, f'konformità mal-politiki tal-EVN.

2.   Il-JIV-ERIC għandu jagħmel l-għodod kollha aċċessibbli għall-pubbliku u jipprovdi dokumentazzjoni xierqa.

KAPITOLU 8

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IT-TUL TA' ŻMIEN, L-ISTRALĊ, IT-TILWIM, U T-TWAQQIF

Artikolu 27

Tul ta' żmien

Il-JIV-ERIC għandu jitwaqqaf għal perjodu ta' żmien indefinit.

Artikolu 28

Stralċ

1.   L-istralċ tal-JIV-ERIC għandu jsir wara li tittieħed deċiżjoni mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 13(5)(d).

2.   Mingħajr dewmien bla bżonn, u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem kalendarji minn meta tiġi adottata d-deċiżjoni ta' stralċ tal-JIV-ERIC, il-JIV-ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni.

3.   L-assi li jibqgħu wara l-ħlas tad-dejn tal-JIV-ERIC għandhom jitqassmu bejn il-Membri skont il-kontribuzzjoni annwali akkumulata tagħhom lill-JIV-ERIC kif speċifikat fl-Anness 2.

4.   Mingħajr dewmien bla bżonn, u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem mill-għeluq tal-proċedura ta' stralċ, il-JIV-ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan.

5.   Il-JIV-ERIC għandha tieqaf teżisti fil-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika n-notifika korrispondenti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 29

Liġi applikabbli

Il-JIV-ERIC għandha tkun irregolata, b'din il-preċedenza:

(a)

mil-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 723/2009;

(b)

mill-liġi tal-Olanda fil-każ ta' materja li ma tkunx koperta jew li tkun koperta parzjalment biss mil-liġi tal-UE;

(c)

minn dawn l-istatuti;

(d)

mir-Regoli ta' Proċedura.

Artikolu 30

Tilwim

1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġurisdizzjoni fuq il-litigazzjoni fost il-membri fir-rigward tal-JIV-ERIC, bejn il-membri u l-JIV-ERIC u fuq kwalunkwe litigazzjoni li l-Unjoni hija parti minnha.

2.   Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjoni għandha tapplika għat-tilwim bejn il-JIV-ERIC u partijiet terzi. Fil-każijiet mhux koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE, il-liġi tal-Olanda għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni kompetenti għar-riżoluzzjoni ta' tali tilwim.

Artikolu 31

Disponibbiltà tal-Istatuti

1.   Fi kwalunkwe waqt, il-verżjoni valida tal-Istatuti għandha tkun disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-JIV-ERIC u fis-sede statutorja.

2.   Dawn l-Istatuti għandhom jitqiesu awtentiċi f'kull verżjoni lingwistika uffiċjali tal-Membri elenkati fl-Anness 1. Dawn l-Istatuti għandhom jitqiesu awtentiċi wkoll fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali tal-Membri tal-UE li mhumiex elenkati fl-Anness 1. L-ebda verżjoni lingwistika ma għandha tipprevali.

3.   It-traduzzjoni tal-verżjoni oriġinali tal-Istatuti u ta' emendi li huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali għandha tkun il-prerogattiva tal-Kummissjoni Ewropea. Meta t-traduzzjonijiet ma jiġux provduti mill-Kummissjoni Ewropea, dawn għandhom jiġu pprovduti mill-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni u Appoġġ tal-JIV-ERIC.

Artikolu 32

Dispożizzjonijiet Tranżitorji u tat-Twaqqif

1.   Il-pajjiż ospitanti għandu jsejjaħ laqgħa kostituzzjonali tal-Kunsill kemm jista' jkun malajr iżda mhux aktar tard minn 45 jum kalendarju minn meta tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-istabbiliment tal-JIV-ERIC.

2.   Il-pajjiż ospitanti għandu jinnotifika lill-membri fundaturi bi kwalunkwe azzjoni legali urġenti speċifika li teħtieġ li tittieħed għan-nom tal-JIV-ERIC qabel ma ssir il-laqgħa kostituzzjonali. Sakemm membru fundatur ma joġġezzjonax fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara li jiġi nnotifikat, l-azzjoni legali għandha titwettaq minn persuna awtorizzata mill-istat ospitanti.

3.   Sakemm jiġi stabbilit il-JIV-ERIC, il-Bord tal-JIVE u d-direttur tal-JIVE preżenti għandhom jibqgħu jaġixxu bħala r-rappreżentanti legali tal-Fondazzjoni Olandiża. Id-Direttur Eżekuttiv tal-JIV-ERIC għandu jingħata mandat kemm mill-Bord tal-JIVE kif ukoll mill-Kunsill tal-JIV-ERIC biex jiddeċidi dwar it-triq li għandha tinqabad waqt il-fażi tranżizzjonali tal-JIVE minn Fondazzjoni Olandiża għall-JIV-ERIC.

ANNESS 1

LISTA TA' MEMBRI U OSSERVATURI U ENTITAJIET RAPPREŻENTANTI

MEMBRI

Pajjiż jew organizzazzjoni Intergovernattiva

Entità rappreżentanti

(jiġifieri ministeru, kunsill ta' riċerka)

Ir-Repubblika Franċiża

Iċ-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka Xjentifika (CNRS)

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

Nederlandse Organisatie voor Wetenschappelijk Onderzoek (NWO)

Ir-Renju tal-Iżvezja

Il-Kunsill Żvediż għar-Riċerka (VR)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

Il-Kunsill għall-Faċilitajiet tax-Xjenza u t-Teknoloġija (STFC)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

OSSERVATURI

Pajjiż jew organizzazzjoni Intergovernattiva

Entità rappreżentanti

(jiġifieri ministeru, kunsill ta' riċerka)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

ANNESS 2

KONTRIBUZZJONIJIET

Il-Kunsill tal-JIV-ERIC għandu juża l-Prinċipji ta' Gwida li ġejjin biex jiddetermina l-kontribuzzjonijiet lejn il-JIV-ERIC, minn tal-anqas kull ħames snin:

(1)

Il-Kontribuzzjoni tas-sħubija:

Il-kontribuzzjoni tas-sħubija għandha tkun fi skala mal-ispejjeż tal-operazzjonijiet lokali wara li tkun ġiet applikat kontribuzzjoni tad-dħul b'rata fissa. B'hekk, membri li ma għandhomx teleskopju jikkontribwixxu biss fil-livell minimu, filwaqt li membri oħra jħallsu fi proporzjon mal-ispejjeż tal-operazzjonijiet lokali tagħhom.

(2)

Primjum tal-Pajjiż Ospitanti:

Huwa mifhum li l-pajjiż ospitanti għandu jkun lest iħallas kontribuzzjoni sostanzjali għall-JIV-ERIC bħala primjum tal-pajjiż ospitanti, li ma għandux jaqbeż nofs it-total tal-baġit bażi tal-JIVE.

(3)

Kontribuzzjonijiet maqbula għall-perjodu 2015-2019

Il-membri tal-JIV-ERIC laħqu ftehim [… data…] dwar il-kontribuzzjonijiet fit-tabella ta' hawn taħt.

(in Eur)

 

2015

2016

2017

2018

2019

L-Olanda

970 000

970 000

970 000

970 000

970 000

Ir-Renju Unit

200 000

200 000

200 000

200 000

200 000

L-Iżvezja

110 000

110 000

110 000

110 000

110 000

Franza

50 000

50 000

50 000

50 000

50 000

L-Italja

210 000

210 000

210 000

210 000

210 000

Spanja

140 000

140 000

140 000

140 000

140 000

L-Afrika t'Isfel

65 000

65 000

65 000

65 000

65 000

Ta' min jinnota li l-Italja, Spanja u l-Afrika t'Isfel qed iħejju għas-Sħubija u li l-kontribuzzjonijiet tagħhom huma mniżżla bil-korsiv għall-kompletezza.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta' 28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(2)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).