18.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 363/150


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-16 ta' Diċembru 2014

li tawtorizza lill-Kroazja biex tapplika eżenzjoni mit-taxxa fuq nafta użata biex jitħaddem makkinarju għat-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji b'konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

(2014/921/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta' ittra tat-8 ta' April 2014, l-awtoritajiet Kroati talbu deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni li tippermetti lill-Kroazja tapplika eżenzjoni mit-taxxa fuq nafta użata biex jitħaddem makkinarju għat-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji f'konformità mal-Artikolu 19 tad- Direttiva 2003/96/KE.

(2)

Bl-eżenzjoni mit-taxxa li hija għandha l-ħsieb li tapplika, il-Kroazja għandha l-għan li tħaffef it-tneħħija tal-mini fiż-żoni kkontaminati li fadal f'diversi reġjuni. Il-miżura b'hekk ikollha effetti pożittivi immedjati fuq il-ħajja u s-saħħa tal-bniedem f'dawn ir-reġjuni.

(3)

Il-miżura hija limitata għal magni għal użu speċifiku, akkreditati, li huma mfassla u mibnija speċifikament għat-tindif ta' żoni fejn tqiegħdu l-mini.

(4)

Il-miżura għandha tkun limitata għal żoni kkontaminati bil-mini fit-territorju tal-Kroazja.

(5)

Il-miżura għandha tapplika għall-operaturi kollha involuti fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji fil-Kroazja, u b'hekk ebda vantaġġ ekonomiku m'hu ser jingħata lil kwalunkwe operatur partikolari involut.

(6)

Konsegwentement, il-miżura hija aċċettabbli għall-funzjonament korrett tas-suq intern u fir-rigward tal-ħtieġa li tkun żgurata l-kompetizzjoni ġusta. Il-miżura hija kompatibbli mal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

(7)

Fl-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE huwa stipulat li kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dak l-Artikolu għandha tkun għal żmien strettament limitat. Sabiex l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jiġu pprovduti b'livell suffiċjenti ta' ċertezza u biżżejjed żmien biex jikkonkludu l-proċess ta' tneħħija tal-mini miz-zoni kkontaminati, l-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal perjodu ta' sitt snin.

(8)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kroazja hija b'dan awtorizzata li teżenta mit-tassazzjoni nafta użata sabiex jitħaddem makkinarju speċjalizzat użat fit-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji fit-territorju tiegħu. Il-miżura għandha tkun limitata għal magni għal użu speċifiku, akkreditati, li huma mfassla u mibnija speċifikament għat-tindif ta' żoni fejn tqiegħdu l-mini.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Hija għandha tiskadi sitt snin minn tali data.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.