18.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 363/145


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta' Diċembru 2014

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/463/UE li tapprova l-programm ta' aġġustament makroekonomiku għal Ċipru

(2014/919/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(2) u (5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 japplika għal Stati Membri li diġà qed jirċievu assistenza finanzjarja, inklużi dawk mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxi r-regoli għall-approvazzjoni ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku għall-Istati Membri li jirċievu għajnuna finanzjarja. Dawk ir-regoli jeħtieġ li jkunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (TMES).

(3)

Wara t-talba minn Ċipru fil-25 ta' Ġunju 2012 għal assistenza finanzjarja mill-MES, fil-25 ta' April 2013 il-Kunsill iddeċieda permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236/UE (2) li Ċipru kellu jimplimenta b'mod rigoruż programm ta' aġġustament makroekonomiku.

(4)

Fl-24 ta' April 2013 il-Bord tal-Gvernaturi tal-MES iddeċieda li jagħti, fil-prinċipju, sostenn ta' stabbiltà lil Ċipru u approva l-Memorandum ta' Qbil dwar il-Kundizzjonalità Speċifika tal-Politika Ekonomika u l-iffirmar tiegħu mill-Kummissjoni f'isem il-MES.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2013/236/UE, il-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u fejn meħtieġ, mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), għamlet il-ħames rieżami biex tevalwa l-progress tal-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula, kif ukoll l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom. Bħala konsegwenza ta' dan ir-rieżami, sar aġġornament tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku attwali, li jirrifletti l-passi li ħadu l-awtoritajiet Ċiprijotti sat-tieni kwart tal-2014.

(6)

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 472/2013, il-programm ta' aġġustament makroekonomiku ġie adottat fil-forma ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. Għal raġunijiet ta' ċarezza u ċertezza legali, il-programm ġie adottat mill-ġdid abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013. Is-sustanza tal-programm baqgħet identika għal dik approvata bid-Deċiżjoni 2013/236/UE, iżda l-programm inkorpora wkoll ir-riżultati tar-rieżami mwettaq skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2013/236/UE. Fl-istess ħin, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236/UE ġiet irrevokata.

(7)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/463/UE (3) diġà ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/169/UE (4). Fid-dawl tal-aħħar żviluppi, għandha tiġi emendata mill-ġdid.

(8)

Il-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE u mal-FMI, għamlet il-ħames rieżami biex tevalwa l-progress tal-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula kif ukoll l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom. B'riżultat ta' dan, għandu jsir tibdil fl-oqsma tar-riforma tas-settur finanzjarju, il-politika fiskali u r-riformi strutturali, b'mod partikolari rigward: (i) il-provvediment ta' pjan aġġornat għar-rilassament gradwali tar-restrizzjonijiet esterni, li l-awtoritajiet jimpenjaw ruħhom li ma jibdewhx qabel it-tlestija b'suċċess tal-valutazzjoni komprensiva u wara li tkun saret transizzjoni mingħajr xkiel għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU); (ii) aktar miżuri biex jissaħħaħ il-maniġment tal-banek ta' self improduttiv; (iii) rekwiżit biex jiġi konkluż is-segwitu tal-awditu tal-2013 dwar istituzzjonijiet finanzjarji individwali, li jimponi sanzjonijiet jekk applikabbli, u li jagħmel pubblika d-deċiżjoni finali; (iv) id-dispożizzjoni għal aktar miżuri biex titjieb il-kapaċità operattiva tal-Grupp Kooperattiv; (v) l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Ministri tal-qafas komprensiv ġdid li jistabbilixxi proċeduri ta' insolvenza korporattivi u personali xierqa kif ukoll l-adozzjoni mill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-emendi għall-qafas legali fir-rigward proċeduri ta' esekuzzjoni furzata fuq proprjetà immobbli ipotekata, (dawk huma żewġ azzjonijiet minn qabel), b'dettalji dwar l-elementi meħtieġa ta' dawk iż-żewġ oqfsa ġodda; (vi) reviżjoni tal-mira primarja tad-defiċit fiskali tal-2014 ta' mhux iktar minn EUR 210 miljun (1,3 % tal-PDG) biex tkun riflessa l-prestazzjoni fiskali fl-ewwel nofs tal-2014, is-sottomissjoni ta' proposta li tiżgura n-newtralità fiskali tar-riforma tas-sistema tal-protezzjoni soċjali u l-kisba tal-mira tad-defiċit fiskali għall-2015, filwaqt li l-mira ta' eċċess primarju għall-2017 ġiet riveduta 'l isfel għal 2,5 % tal-PDG biex jitħaffef l-aġġustament fiskali matul l-2017–18; (vii) l-issettjar ta' passi ulterjuri biex jitħaddem il-proċess tal-privatizzazzjoni fl-Awtorità Ċiprijotta tal-Portijiet u fl-Awtorità tal-Elettriku ta' Ċipru; (viii) il-ħatra tal-Kummissarji l-ġodda u ż-żewġ Assistenti Kummissarji tad-dipartiment tat-taxxa l-ġdid, l-istabbiliment ta' bażi tad-dejta komuni tal-kontribwenti, u l-adozzjoni ta' regolamenti meħtieġa biex jagħmlu l-poteri tal-ġbir imsaħħa operattivi; (ix) ir-riforma tal-proprjetà immobbli se tiġi implimentata fl-2015; (x) l-inklużjoni ta' rekwiżiti ulterjuri biex jiġi mħaffef il-ħruġ ta' titoli tal-proprjetà fis-suq tad-djar; (xi) il-provvediment ta' abbozz ta' pjan ta' azzjoni għall-eliminazzjoni ta' kawżi b'lura tal-qrati, statistika ddettaljata dwar kawżi b'lura tal-qrati u t-tul tal-proċedimenti, kif ukoll l-istabbiliment ta' Qorti amministrattiva. (xii) il-valutazzjoni tal-artikoli fil-liġi preżenti tal-Organizzazzjoni tat-Turiżmu ta' Ċipru li jistgħu jxekklu l-kompetizzjoni; u (xiii) valutazzjoni preliminari tal-potenzjal tekniku u ekonomiku għal aktar żieda fil-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli u tal-prezz ta' sorsi differenti ta' enerġija rinnovabbli meta mqabbla ma' sorsi ta' enerġija primarja konvenzjonali, flimkien mal-inklużjoni ta' miżuri biex titjieb il-kapaċità u l-indipendenza tal-Aġenzija Regolatorja għall-Enerġija ta' Ċipru.

(9)

Matul l-implimentazzjoni tal-pakkett komprensiv ta' politika ta' Ċipru, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza politika addizzjonali kif ukoll assistenza teknika f'oqsma speċifiċi. Stat Membru soġġett għal programm ta' aġġustament makroekonomiku li jesperjenza kapaċità amministrattiva insuffiċjenti għandu jfittex assistenza teknika mill-Kummissjoni, li tista' tikkostitwixxi, għal dak l-iskop, gruppi ta' esperti.

(10)

L-awtoritajiet Ċiprijotti jfittxu l-opinjonijiet, skont ir-regoli u l-prattika nazzjonali attwali, tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/463/UE hija emendata kif ġej:

(1)

Il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Bil-għan li tinkiseb lura l-istabbiltà tas-settur finanzjarju tiegħu, Ċipru għandu (i) ikompli jimplimenta r-ristrutturar tas-settur bankarju u s-setturi tal-istituzzjoni ta' kreditu kooperattiv, ikompli jsaħħaħ is-sorveljanza u r-regolamentazzjoni fil-kuntest tat-transizzjoni li għaddejja għall-MSU, ikompli r-riforma tal-qafas ta' ristrutturazzjoni tad-dejn u gradwalment ineħħi restrizzjonijiet kapitali skont il-pjan ta' direzzjoni tiegħu, filwaqt li jħares l-istabbiltà finanzjarja.

Il-programm għandu jipprovdi għall-miżuri u r-riżultati li ġejjin:

(a)

li jiġi żgurat li s-sitwazzjoni tal-likwidità tas-settur bankarju tiġi ssorveljata mill-qrib. Ir-restrizzjonijiet temporanji fuq il-moviment ħieles tal-kapital (fost l-oħrajn, limiti fuq il-ġbid ta' flus kontanti, fuq il-pagamenti u fuq it-trasferimenti) għandhom jiġu ssorveljati mill-qrib. Ir-rilassament gradwali tal-miżuri restrittivi esterni jkun konsistenti mal-istabbiltà tas-settur finanzjarju u jippreserva r-riżervi ta' likwidità komdi. Il-Bank Ċentrali ta' Ċipru (CBC) se jwettaq spezzjonijiet fuq il-post tal-implimentazzjoni tar-restrizzjonijiet, u jieħu azzjonijiet superviżorji xierqa, kif meħtieġ. Aktar liberalizzazzjoni ta' miżuri restrittivi esterni se tiġi kkunsidrata biss mill-awtoritajiet wara t-tlestija b'suċċess tal-valutazzjoni komprensiva u tranżizzjoni bla xkiel għall-MSU. L-għan huwa li l-kontrolli għandhom jibqgħu fis-seħħ biss sakemm ikunu strettament meħtieġa sabiex jipprevjenu riskji serji u immedjati għall-istabbiltà finanzjarja. Wara r-riżultat tal-valutazzjoni komprensiva, il-pjan direzzjonali għar-rilassament gradwali ta' miżuri restrittivi se jiġi aġġornat u ppubblikat. Il-pjanijiet rigward il-finanzjament u l-kapital, tal-banek lokali li jiddependu fuq il-finanzjament mingħand il-banek ċentrali jew li jirċievu għajnuna mill-Istat għandhom jirriflettu b'mod realistiku t-tnaqqis antiċipat fl-ingranaġġ finanzjarju fis-settur bankarju, u jnaqqsu d-dipendenza fuq is-self mill-banek ċentrali, filwaqt li jiġi evitat bejgħ b'emerġenza ta' assi u kriżi tal-kreditu;

(b)

l-adattament tar-rekwiżiti ta' kapital minimu, filwaqt li jittieħed kont tal-parametri ta' valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ u tal-ittestjar tal-istress madwar l-Unjoni;

(c)

jiġi żgurat li kwalunkwe pjan ta' ristrutturar għandu jiġi formalment approvat taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, qabel tiġi pprovduta xi għajnuna mill-Istat. Banek b'defiċit ta' kapital jistgħu, jekk miżuri oħrajn ma jkunux biżejjed, jitolbu għajnuna għar-rikapitalizzazzjoni mill-Istat skont il-proċeduri ta' għajnuna mill-Istat. Banek bi pjanijiet ta' ristrutturazzjoni jirrapportaw dwar il-progress fl-implimentazzjoni tagħhom tal-pjanijiet;

(d)

jiġi żgurat il-ħolqien ta' reġistru ta' kreditu u l-operat tiegħu;

(e)

jittieħed kont tat-tranżizzjoni għall-MSU, l-iżgurar tal-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas regolatorju fir-rigward tal-bidu tas-self, l-indeboliment tal-assi u forniment;

(f)

jiġu introdotti rekwiżiti obbligatorji ta' divulgazzjoni biex jiġi żgurat li l-banek jikkomunikaw regolarment lill-awtoritajiet u lis-swieq dwar il-progress fir-ristrutturar tal-operazzjonijiet tagħhom;

(g)

tiġi żgurata reviżjoni tad-direttiva għall-governanza, li tispeċifika, fost l-oħrajn, l-interazzjoni bejn l-unitajiet ta' verifika interna tal-banek u s-superviżuri tal-bank;

(h)

it-tisħiħ tal-governanza tal-banek, inkluż billi jiġi pprojbit is-self lil membri indipendenti tal-bord jew lil partijiet relatati magħhom;

(i)

l-iżgurar tal-persunal u l-emendi meħtieġa fid-dawl tar-responsabbiltà l-ġdida meħuda mis-CBC, inkluż billi tiġi żgurata separazzjoni bejn il-funzjonijiet superviżorji u ta' riżoluzzjoni, it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tas-Sett Uniku tar-Regoli, inkluż id-Direttiva2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, id-Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek u d-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*)  (**);

(j)

it-tisħiħ tal-ġestjoni ta' self improduttiv, b'kont meħud tal-iżviluppi u l-iskedi tal-MSU. Dan jinkludi fuq kollox: reviżjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta u tal-politiki ta' ġestjoni u prattiċi tal-arretrati; il-monitoraġġ tal-miri ta' ristrutturar stabbiliti mis-CBC; miżuri li jippermettu lill-mutwanti jiksbu informazzjoni finanzjarja adegwata dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-mutwatarji, u jitolbu, jiksbu u jwettqu t-tqegħid ta' assi finanzjarji u l-qligħ ta' mutwatarji delinkwenti; miżuri li jippermettu u jiffaċilitaw it-trasferiment mingħand il-mutwanti għal partijiet terzi ta' self individwali eżistenti, flimkien mal-kollateral u s-sigurtajiet kollha, mingħajr ma wieħed ikollu jikseb kunsens mingħand il-mutwatarju.

(k)

it-tħaffif tal-limitazzjonijiet fuq il-qbid ta' kollateral. Dan għandu jinkludi tħejjija ta' leġislazzjoni abbażi ta' qafas tar-riforma komprensiva li jistabbilixxi proċeduri ta' insolvenza korporattiva u personali, kif ukoll jiżgura t-tħaddim korrett u effettiv tal-oqfsa ta' esekuzzjoni furzata riveduta u ta' insolvenza. Barra minn hekk, ladarba riformat, il-qafas ġuridiku ġdid għar-ristrutturar tad-dejn tas-settur privat jiġi rieżaminat u jiġu mfassla miżuri addizzjonali skont kif meħtieġ;

(l)

li tiġi kkompletata l-armonizzazzjoni tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet koperattivi ta' kreditu ma' dawk tal-banek kummerċjali;

(m)

l-iżgurar li l-Grupp Kooperattiv jipprovdi għal implimentazzjoni sħiħa u fil-ħin tal-pjan ta' ristrutturar maqbul u jieħu aktar miżuri biex itejjeb il-kapaċità operazzjonali tiegħu b'mod partikolari fl-oqsma tal-ġestjoni ta' arretrati, Sistema tal-Ġestjoni tal-Informazzjoni, il-governanza, u l-kapaċità tal-ġestjoni;

(n)

it-tkomplija tat-tisħiħ ulterjuri tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus u l-implimentazzjoni ta' pjan ta' azzjoni li jiżgura l-applikazzjoni ta' prattiki mtejba fir-rigward tad-diliġenza dovuta tal-klijent u t-trasparenza tal-entitajiet, f'konformità mal-aħjar prattika.

(*)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190)."

(**)  Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).”"

.

(2)

Fil-paragrafu 8, il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(e)

l-adozzjoni ta' liġi biex tinkiseb sistema ta' governanza korporattiva solida għal intrapriżi li huma proprjetà tal-Istat u semi-pubbliċi u l-implimentazzjoni ta' pjan ta' privatizzazzjoni bħala għajnuna biex tittejjeb l-effiċjenza ekonomika u tinkiseb mill-ġdid is-sostenibbiltà tad-dejn;”

(3)

Il-paragrafu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“13.   Il-pass ta' pproċessar ta' każijiet fil-qorti jitħaffef u l-ammont ta' kawżi pendenti fil-qorti jkun eliminat sa tmiem il-programm. Ċipru għandu jieħu inizjattivi biex isaħħaħ il-kompetittività tas-settur tat-turiżmu tiegħu, billi jimplimenta l-pjan ta' azzjoni konkreta li jwassal għall-kisba ta' miri kwantifikati identifikati, fost l-oħrajn fl-Istrateġija tat-Turiżmu għal 2011-2015 rivedut riċentement u billi tiġi vvalutata l-Liġi tal-Organizzazzjoni tat-Turiżmu ta' Ċipru jiġifieri dawk l-oġġetti li jistgħu jxekklu l-kompetizzjoni fis-settur tat-turiżmu. Ċipru għandu jimplimenta strateġija aero-politika li twassal għall-adattament tal-politika tal-avjazzjoni esterna ta' Ċipru, b'kont meħud tal-politika esterna dwar l-avjazzjoni tal-UE u ftehimiet tal-UE b'rabta mal-avjazzjoni, filwaqt li tiġi żgurata biżżejjed il-konnettività tal-ajru.”

.

(4)

Fil-paragrafu 14, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

sinteżi komprensiva tas-sistema regolatorja u tal-organizzazzjoni tas-suq għas-settur ristrutturat tal-enerġija u tal-gass, inkluż valutazzjoni preliminari tal-potenzjal biex tiżdied il-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli; kif ukoll”

.

(5)

Il-paragrafu 16 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“16   Fl-iżvilupp ta' strateġija ta' tkabbir komprensiv u koerenti, Ċipru għandu jieħu kont tar-riforma kontinwa tal-amministrazzjoni pubblika, ir-riforma fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, impenji oħra fil-programm ta' aġġustament makroekonomiku ta' Ċipru u inizjattivi rilevanti tal-Unjoni filwaqt li jittieħed kont tal-Ftehim ta' Sħubija għall-implimentazzjoni tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment. Se tiġi żviluppata strateġija ta' tkabbir, koordinata u infurzata permezz tal-korp uniku li se jevolvi mit-Task Force għat-Tkabbir diġà stabbilita u għandha tkun imsejsa fuq il-qafas istituzzjonali nazzjonali.”

.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' Ċipru.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

P. C. PADOAN


(1)  ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236/UE tal-25 ta' April 2013 indirizzata lil Ċipru dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta' stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli (ĠU L 141, 28.5.2013, p. 32).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/463/UE tat-13 ta' Settembru 2013 dwar l-approvazzjoni ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku għal Ċipru u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/236/UE (ĠU L 250, 20.9.2013, p. 40).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/169/UE tal-24 ta' Marzu 2014 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/463/UE li tapprova l-programm ta' aġġustament makroekonomiku għal Ċipru (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 40).