17.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 360/53


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Diċembru 2014

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat fir-rigward ta' Belize

(2014/914/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 34(1) tiegħu.

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jistabbilixxi sistema tal-Unjoni sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (sajd IUU).

(2)

Il-Kapitolu VI tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jistabbilixxi l-proċedura fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, id-démarches fir-rigward ta' pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, l-istabbiliment ta' lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, it-tneħħija mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, il-pubbliċità tal-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx u kull miżura ta' emerġenza.

(3)

Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, il-Kummissjoni nnotifikat tmien pajjiżi terzi permezz tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 (2) (“id-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012”) dwar il-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi li l-Kummissjoni tikkunsidra bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Il-Beliże kien fost dawk il-pajjiżi.

(4)

Fid-Deċiżjoni tagħha tal-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni inkludiet l-informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija bbażata tali identifikazzjoni.

(5)

Fl-istess ġurnata, fil-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat it-tmien pajjiżi terzi, permezz ta' ittri separati li kienet qed tqis il-possibbiltà li tidentifikahom bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Il-Beliże kien fost dawk il-pajjiżi.

(6)

Bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tas-26 ta' Novembru 2013 (3) (“Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tas-26 ta' Novembru 2013”), il-Kummissjoni identifikat lill-Beliże, ir-Renju tal-Kambodja u r-Repubblika tal-Ginea bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. F'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, il-Kummissjoni pprovdiet ir-raġunijiet li għalihom qieset li dawk it-tliet pajjiżi naqsu fil-qadi tal-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali bħala Stati tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq li jieħdu azzjoni biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd IUU.

(7)

Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE (4) qiegħed lill-Beliże, lir-Renju tal-Kambodja u lir-Repubblika tal-Ginea fuq il-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(8)

Wara li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE stabbilixxiet il-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU, il-Kummissjoni offriet l-opportunità lill-pajjiżi identifikati sabiex ikomplu d-djalogu f'konformità mar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1005/2008. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja, inklużi l-kummenti orali u bil-miktub, bil-għan li tagħti kwalunkwe pajjiż identifikat l-opportunità biex jirranġa s-sitwazzjoni li rrikjediet l-elenkar tiegħu, u biex jieħdu miżuri konkreti li jistgħu jwasslu għar-rimedjar tan-nuqqasijiet identifikati. Dak il-proċess irriżulta fir-rikonoxximent li l-Beliże rrettifika s-sitwazzjoni u ħa azzjoni ta' rimedju.

(9)

Skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, il-Kunsill għandu għaldaqstant jemenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE billi jneħħi lill-Beliże mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx.

(10)

Bl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li tneħħi lill-Beliże mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tas-26 ta' Novembru 2013, li tidentifika lill-Beliże bħala pajjiż terz li ma jikkooperax, ma għadhiex rilevanti.

2.   IT-TNEĦĦIJA TAL-BELIŻE MIL-LISTA TA' PAJJIŻI TERZI LI MA JIKKOOPERAWX

(11)

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tas-26 ta' Novembru 2013 u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE, il-Kummissjoni kompliet id-djalogu tagħha mal-Beliże. B'mod partikolari, il-Beliże jidher li implimenta l-obbligi tal-liġi internazzjonali tiegħu u adotta qafas legali adegwat għall-ġlieda kontra s-sajd IUU. Huwa introduċa skema adegwata u effiċjenti ta' kontroll u ispezzjoni; ħoloq sistema ta' sanzjonijiet ta' deterrent u assigura l-implimentazzjoni xierqa tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni tal-qbid. Barra minn hekk il-Beliże tejjeb ulterjorment il-konformità tiegħu mal-obbligi internazzjonali tiegħu, inkluż dawk li joħorġu mir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd. Il-Beliże stabbilixxa sistema ġdida ta' reġistrazzjoni ta' bastimenti skont il-liġi internazzjonali. Il-Beliże bħalissa huwa konformi mar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet ta' korpi rilevanti u adotta pjan ta' azzjoni nazzjonali tiegħu stess kontra s-sajd IUU, skont il-Pjan Internazzjonali ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra s-sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Irregolat.

(12)

Il-Kummissjoni rrevediet il-konformità tal-Beliże mal-obbligi internazzjonali tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq f'konformità mas-sejbiet tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, mad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tas-26 ta' Novembru 2013 u mad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE, u mal-informazzjoni rilevanti ipprovduta mill-Beliże. Hija kkunsidrat ukoll il-miżuri meħuda biex titranġa s-sitwazzjoni kif ukoll il-garanziji pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Beliże.

(13)

Abbażi ta' dak imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-azzjonijiet meħuda mill-Beliże fid-dawl tal-obbligi tiegħu bħala Stat tal-bandiera huma suffiċjenti biex jikkonformaw mal-Artikoli 91, 94, 117 u 118 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, l-Artikoli 18, 19 u 20 tal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut u l-Artikolu III(8) tal-Ftehim ta' Osservanza FAO. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-elementi mressqa mill-Beliże juru li s-sitwazzjoni li rrikjediet l-elenkar tal-Beliże ġiet rettifikata u li l-Beliże ħa miżuri konkreti li jistgħu jwasslu għal titjib tas-sitwazzjoni li jdum fit-tul.

(14)

Fiċ-ċirkustanzi partikolari, u skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, il-Kunsill jikkonkludi li l-Beliże għandu jitneħħa mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

(15)

Id-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill ma tipprekludix xi pass sussegwenti li jista' jittieħed mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, skont il-Kapitolu VI tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, f'każ li xi elementi fattwali kellhom jiżvelaw li l-Beliże naqas milli jaqdi dawk li huma l-obbligi tiegħu skont il-liġi internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, billi jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina sajd IUU.

(16)

Fid-dawl tal-konsegwenzi negattivi kkawżati mill-elenkar, bħala pajjiż terz li ma jikkooperax, huwa xieraq li b'effett immedjat il-Beliże jitneħħa mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Beliże b'dan jitneħħa mill-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MARTINA


(1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2012 dwar in-notifika lill-pajjiżi terzi li l-Kummissjoni tqis bħala possibbli li jiġu identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU C 354, 17.11.2012, p. 1).

(3)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2013 li tidentifika l-pajjiżi terzi li l-Kummissjoni tqis li huma pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU C 346, 27.11.2013, p. 2).

(4)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/170/UE tal-24 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 43).