16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 359/153


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta' Diċembru 2014

li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-Clostridium butyricum (CBM 588) bħala ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2014) 9345)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2014/907/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-2 ta' Frar 2012, il-kumpanija Miyarisan Pharmaceutical Co. Ltd. talbet lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit biex tqiegħed il-Clostridium butyricum (CBM 588) fis-suq bħala ingredjent tal-ikel ġdid li jista' jintuża fis-supplimenti tal-ikel.

(2)

Fl-14 ta' Mejju 2013, l-entità kompetenti tal-valutazzjoni tal-ikel tar-Renju Unit ħarġet ir-rapport tal-valutazzjoni inizjali tagħha. F'dak ir-rapport waslet għall-konklużjoni li l-Clostridium butyricum (CBM 588) jissodisfa l-kriterji bħala ikel ġdid kif stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(3)

Fl-4 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport tal-valutazzjoni inizjali lill-Istati Membri l-oħra.

(4)

Tul il-perjodu ta' 60 jum stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tqajmu xi oġġezzjonijiet motivati. B'konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97, trid issir Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tqis l-oġġezzjonijiet li saru. L-ispjegazzjonijiet addizzjonali mogħtija mill-applikant ikkalmaw dan it-tħassib għas-sodisfazzjon tal-Istati Membri u l-Kummissjoni.

(5)

Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi rekwiżiti dwar is-supplimenti tal-ikel. L-użu tal-Clostridium butyricum (CBM 588) għandu jkun awtorizzat mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' dik il-leġiżlazzjoni.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Clostridium butyricum (CBM 588) kif speċifikat fl-Anness jista' jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni bħala ingredjent tal-ikel ġdid li jista' jintuża fis-supplimenti tal-ikel b'doża massima ta' 1,35 × 108 CFU kuljum mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva 2002/46/KE.

Artikolu 2

Id-denominazzjoni tal-Clostridium butyricum (CBM 588) awtorizzata b'din id-Deċiżjoni fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom dan l-ingredjent għandha tkun “Clostridium butyricum MIYAIRI 588 (CBM 588)” jew “Clostridium butyricum (CBM 588)”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Miyarisan Pharmaceutical Co. Ltd, 1-10-3, Kaminakazato, Kita-Ku, Tokyo 114-0016, il-Ġappun.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).


ANNESS

SPEĊIFIKAZZJONI TAL-CLOSTRIDIUM BUTYRICUM (CBM 588)

Definizzjoni : Clostridium butyricum (CBM 588) huwa batterju gram-pożittiv, jifforma spori, anerobiku obbligat, mhux patoġeniku u mhux modifikat ġenetikament.

Deskrizzjoni : Pilloli ta' kulur abjad jew griż ċar b'riħa karatteristika u togħma ħelwa.

Kriterji mikrobijoloġiċi:

Għadd totali ta' batterji aerobiċi vijabbli

Mhux aktar minn 103 CFU/g

Escherichia coli

Mhux individwat f'1 g

Staphylococcus aureus

Mhux individwat f'1 g

Pseudomonas aeruginosa

Mhux individwat f'1 g

Ħmira u moffa

Mhux aktar minn 102 CFU/g