13.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 358/33


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta' Lulju 2014

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.24639 (C 61/07) mogħtija mill-Greċja lil Olympic Airways Services/Olympic Airlines

(notifikata bid-dokument C(2014) 5028)

(it-test Grieg biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/903/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni C(2007) 6555 tad-19 ta' Diċembru 2007 (1), il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat, fir-rigward ta' numru ta' flussi u trasferimenti finanzjarji lejn u minn Olympic Airways Services u Olympic Airlines u biex tikkunsidra l-possibbiltà li tingħata għajnuna mill-Istat liż-żewġ kumpaniji mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni C (2005) 2706 tal-14 ta' Settembru 2005 (2).

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni C (2008) 5073 (3) tas-17 ta' Settembru 2008 il-Kummissjoni għalqet parzjalment il-Kawża C61/2007 (ex NN 71/07) bil-konstatazzjoni li l-Greċja, permezz ta' atti u ommissjonijiet varji, kienet tat għajnuna mill-Istat illegali inkompatibbli mas-suq intern lil Olympic Airlines (OAL) u Olympic Airways Services (OAS).

(3)

Il-Kummissjoni sabet li rigward l-għajnuna potenzjali mill-Istat lil Olympic Airways Services permezz ta' pagamenti magħmula fir-rigward ta' numru ta' sentenzi ta' arbitraġġ (4), kienet meħtieġa aktar eżaminazzjoni dettaljata u b'hekk eskludiet din il-kwistjoni mill-ambitu tad-deċiżjoni tagħha. Dan se jiġi ttrattat fi stadju aktar tard.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni C (2008) 5074 (5) tas-17 ta' Settembru 2008, il-Kummissjoni awtorizzat il-bejgħ ta' ċerti assi ta' OAL u OAS. Din id-deċiżjoni tgħid li billi OAL u OAS kienu waqqfu l-kummerċ u kellhom jitqiegħdu f'likwidazzjoni, l-assi li jifdal tagħhom kienu se jiġu mibjugħa mill-likwidatur permezz tal-proċedura ta' likwidazzjoni. Inħatar Fiduċjarju tal-Monitoraġġ.

(5)

Bl-ittri datati t-8 ta' Ottubru 2010, is-26 ta' Lulju 2011, it-12 ta' Ottubru 2011, is-7 ta' Marzu 2012, is-16 ta' Novembru 2012, is-7 ta' Frar 2013 u l-25 ta' Ġunju 2013 u d-19 ta' Diċembru 2013 il-Kummissjoni stħarrġet dwar id-dettalji u l-progress tal-proċess ta' likwidazzjoni.

(6)

L-awtoritajiet Griegi wieġbu permezz tal-ittri datati t-8 ta' Novembru 2010, il-11 ta' Awwissu 2011, il-15 ta' Diċembru 2011, l-10 ta' Lulju 2012, l-4 ta' Frar 2013, it-22 ta' April 2013 u l-5 ta' Awwissu 2013.

II.   DESKRIZZJONI

(7)

Mill-2002, tliet deċiżjonijiet finali negattivi dwar l-għajnuna mill-Stat li jinvolvu bosta kumpaniji tal-grupp Olympic (Olympic Airways, Olympic Aviation, Olympic Airways Services u Olympic Airlines) (6) identifikaw miżuri speċifiċi li jagħtu riżorsi finanzjarji esklussivament lill-kumpaniji f'dak il-grupp.

(8)

B'ittra ddatata l-25 ta' Awwissu 2011 l-awtoritajiet Griegi kkonfermaw li l-Qorti tal-Appell ta' Ateni kienet daħħlet lil OAS u OAL f'likwidazzjoni speċjali skont l-Artikolu 14A tal-Liġi 3429/2005 kif issupplimentat bl-Artikolu 40 tal-Liġi 3710/2008.

(9)

L-awtoritajiet Griegi kkonfermaw ukoll li l-attivitajiet u l-operazzjonijiet kummerċjali kollha ta' OAS u OAL waqfu matul l-2009 u “Ethniki Kefalaiou” (sussidjarja li hija kollha proprjetà tal-Bank Nazzjonali tal-Greċja) kienet inħatret bħala likwidatur.

(10)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5074 tas-17 ta' Settembru 2008, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ maħtur ipprovda r-rapport finali tiegħu fil-kuntest tal-proċess ta' privatizzazzjoni ta' OAL u OAS.

(11)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Griegi u l-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ, il-partijiet kollha essenzjali tal-proċess ta' bejgħ, inkluż it-twaqqif tal-kumpaniji ġodda u l-bejgħ tagħhom lill-investitur bil-prezz tas-suq u l-waqfien tal-operazzjonijiet tal-kumpaniji l-qodma twettqu f'konformità mad-Deċiżjoni C (2008) 5074 tas-17 ta' Settembru 2008.

(12)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Griegi, il-likwidazzjoni ta' OAL u OAS għadha għaddejja. Għad fadal xi assi li x'aktarx mhux se jinbiegħu faċilment. Ladarba l-bejgħ ikun tlesta, ir-reġistrazzjoni tat-talbiet ta' rkupru se tidħol fis-seħħ

III.   KONKLUŻJONI

(13)

OAL u OAS tqiegħdu fi proċedura ta' likwidazzjoni u ċerti assi ewlenin ġew trasferiti lil xerrejja differenti bil-prezz tas-suq permezz ta' proċedura ta' offerta miftuħa, bla kundizzjonijiet u mhux diskriminatorja, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5074 tas-17 ta' Settembru 2008. Barra minn hekk, ħafna mill-assi ta' OAL u OAS inbiegħu u dawk il-ftit li fadal huma fil-proċess li jinbiegħu. Peress li l-entitajiet fil-likwidazzjoni m'għadhomx iwettqu attività ekonomika, huwa ferm improbabbli li dawn qatt se jerġgħu jkomplu jwettquha fil-futur.

(14)

Konsegwentement, investigazzjoni skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE tal-għajnuna mill-Istat potenzjali lil Olympic Airways Services permezz ta' pagamenti magħmula fir-rigward ta' numru ta' sentenzi ta' arbitraġġ li jirriżultaw minn azzjonijiet għad-danni meħuda minn OAS kontra l-Istat Grieg mhix neċessarja. Il-Kummissjoni mhix se tinvestiga iktar din il-kwistjoni fuq il-bażi li ma għandhiex skop utli.

(15)

Fir-rigward tal-obbligu ta' rkupru impost bid-Deċiżjoni C (2008) 5073, l-awtoritajiet Griegi kkonfermaw li l-irkupru se jiġi effettwat permezz tar-reġistrazzjoni tat-talbiet rispettivi fil-proċedura ta' likwidazzjoni tal-kumpaniji tal-grupp Olympic. Fi preżentazzjoni fis-16 ta' Diċembru 2011, l-awtoritajiet Griegi rrappurtaw li, l-istedina għall-kredituri biex jirreġistraw it-talbiet se tkun ippubblikata ladarba l-bejgħ tal-assi li jifdal ikun ġie ffinalizzat, (dwar OAL, din l-istedina saret f'Marzu 2013). Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib ir-reġistrazzjoni tat-talbiet ta' rkupru pendenti fil-proċedura ta' likwidazzjoni tal-kumpaniji Olimpic.

(16)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-parti li jifdal tal-proċedura ta' investigazzjoni mibdija permezz tad-Deċiżjoni C (2007) 6555 tad-19 ta' Diċembru 2007 tista' tingħalaq.

(17)

Il-Kummissjoni tenfasizza l-obbligu kostanti tal-awtoritajiet Griegi li jirreġistraw kwalunkwe talba pendenti ta' rkupru assoċjata fiż-żmien dovut u jinformaw lill-Kummissjoni kif xieraq.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE mibdija bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 6555 tad-19 ta' Diċembru 2007 fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat potenzjali lil Olympic Airways Services permezz ta' pagamenti li jsiru f'konnessjoni ma' numru ta' sentenzi arbitrali li jirriżultaw minn azzjonijiet għad-danni meħuda minn OAS kontra l-Istat Grieg tingħalaq.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussel, it-23 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  Għajnuna mill-Istat lil Olympic Airways Services/Olympic Airlines — Għajnuna mill-Istat C 61/07 (ex NN 71/07) (ĠU C 50, 23.2.2008, p. 13).

(2)  ĠU L 45, 18.2.2011, p. 1.

(3)  http://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/223423/223423_868403_62_1.pdf

(4)  Riżultat ta' numru ta' azzjonijiet għad-danni minn OAS kontra l-Istat Grieg.

(5)  ĠU C 18, 23.1.2010, p. 9.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2003) 372 tal-11 ta' Diċembru 2002 li tagħlaq C19/2002.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2005) 2706 tal-14 ta' Settembru 2005 li tagħlaq C11/2004.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5073 tas-17 ta' Settembru 2008 li tagħlaq parzjalment C61/2007.