13.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 358/28


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/901/PESK

tat-12 ta' Diċembru 2014

li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta' Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (1),

Billi:

(1)

Fil-31 ta' Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK.

(2)

Fl-20 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill qabel li tiġi imposta projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' karburant tal-avjazzjoni u l-addittivi rilevanti lis-Sirja minħabba l-fatt li dawn qed jintużaw mill-forza tal-ajru tar-reġim ta' Assad li twettaq attakki indiskriminati kontra l-popolazzjoni ċivili.

(3)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex dawk il-miżuri jiġu implimentati.

(4)

Id-Deċiżjoni 2013/255/PESK għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu li ġej jiddaħħal fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK:

“Artikolu 7a

1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' karburant tal-avjazzjoni u addittivi formulati speċifikament għall-karburant tal-avjazzjoni lis-Sirja minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu tal-bastimenti jew l-inġenji tal-ajru bil-bandiera tagħhom, għandu jkun ipprojbit, sew jekk joriġina fit-territorji tagħhom sew jekk le.

2.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment, dirett jew indirett, ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja, kif ukoll l-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni jew servizzi ta' senserija, marbuta ma' kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' karburant tal-avjazzjoni u addittivi kif imsemmi fil-paragrafu 1.

3.   L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' karburant tal-avjazzjoni u addittivi lis-Sirja jew il-forniment, dirett jew indirett, ta' finanzjament, assistenza finanzjarja, assigurazzjoni, riassigurazzjoni jew servizzi ta' senserija, neċessarji għall-użu min-Nazzjonijiet Uniti jew korpi li jaġixxu f'isimha għal skopijiet umanitarji bħall-għoti jew il-faċilitazzjoni tal-għoti tal-assistenza, inklużi provvisti mediċinali, ikel, jew it-trasferiment ta' ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għall-evakwazzjonijiet mis-Sirja jew fis-Sirja.

4.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-karburant tal-avjazzjoni u addittivi użati esklużivament mill-inġenji tal-ajru ċivili mhux Sirjani li jinżlu fis-Sirja, sakemm dawn huma intiżi jew użati biss għall-finijiet li l-ajruplan mgħobbi bihom ikompli f'titjirtu.

5.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-elementi rilevanti li għandhom ikunu koperti b'dan l-Artikolu.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fIl-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GIANNINI


(1)  ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14.