10.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 353/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-4 ta' Diċembru 2014

dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-30 ta' Ġunju 2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum

(2014/887/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(2), flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea qed taħdem għall-istabbiliment ta' żona ġudizzjarja komuni bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji.

(2)

Il-Konvenzjoni dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum konkluża fit-30 ta' Ġunju 2005 taħt il-patroċinju tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (“il-Konvenzjoni”) tagħmel kontribut siewi biex tipprowmovi l-awtonomija tal-partijiet fi transazzjonijiet kummerċjali internazzjonali u biex iżżid il-prevedibilità ta' soluzzjonijiet ġudizzjarji fi transazzjonijiet bħal dawn. B'mod partikolari, il-Konvenzjoni tiżgura ċ-ċertezza legali meħtieġa għall-partijiet li l-għażla tagħhom tal-qorti ser tiġi rispettata u li sentenza mogħtija mill-qorti magħżula ser ikollha l-kapaċità ta' rikonoxximent u eżekuzzjoni f'kawżi internazzjonali.

(3)

L-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni jippermetti li l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika bħall-Unjoni Ewropea jiffirmaw, jaċċettaw, japprovaw jew jaderixxu mal-Konvenzjoni. L-Unjoni ffirmat il-Konvenzjoni fl-1 ta' April 2009, b'dan soġġett għall-konklużjoni tagħha f'data aktar tard, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/397/KE (1).

(4)

Il-Konvenzjoni taffettwa l-leġislazzjoni sekondarja tal-Unjoni relatata mal-ġurisdizzjoni bbażata fuq l-għażla tal-partijiet u mar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi li jingħataw, b'mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (2), li għandu jiġi sostitwit fl-10 ta' Jannar 2015 bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(5)

Bl-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 l-Unjoni wittiet it-triq għall-approvazzjoni tal-Konvenzjoni, f'isem l-Unjoni, billi żgurat koerenza bejn ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għażla tal-forum f'materji ċivili u kummerċjali u r-regoli tal-Konvenzjoni.

(6)

Mal-iffirmar tal-Konvenzjoni, l-Unjoni ddikjarat taħt l-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni li għandha kompetenza fuq il-materji kollha regolati mill-Konvenzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom ikunu marbuta bil-Konvenzjoni b'riżultat tal-approvazzjoni tagħha mill-Unjoni.

(7)

Meta tapprova l-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha wkoll tagħmel id-dikjarazzjoni, permessa taħt l-Artikolu 21, li teskludi mill-ambitu tal-Konvenzjoni l-kuntratti ta' assigurazzjoni inġenerali, b'dan soġġett għal xi eċċezzjonijiet definiti tajjeb. L-għan tad-dikjarazzjoni huwa li jiġu preservati r-regoli ta' ġurisdizzjoni protettivi disponibbli għad-detentur ta' polza, il-parti assigurata jew benefiċjarju f'materji relatati ma' assigurazzjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 44/2001. L-esklużjoni għandha tkun limitata għal dak li jkun meħtieġ biex jitħarsu l-interessi tal-partijiet l-aktar dgħajfa f'kuntratti tal-assigurazzjoni. Għalhekk m'għandhiex tkopri kuntratti ta' riassigurazzjoni u lanqas kuntratti relatati ma' riskji kbar. L-Unjoni għandha, fl-istess ħin, tagħmel dikjarazzjoni unilaterali li tindika li hija tista', fi stadju aktar tard fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni, tivvaluta mill-ġdid il-ħtieġa li tinżamm id-dikjarazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 21.

(8)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bir-Regolament (KE) Nru 44/2001 u għalhekk qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(9)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Konvenzjoni tal-Aja tat-30 ta' Ġunju 2005 dwar il-Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum (“il-Konvenzjoni”) hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni Ewropea. (4)

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jaħtar il-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li jiddepożitaw, f'isem l-Unjoni, l-istrument tal-approvazzjoni previst fl-Artikolu 27(4) tal-Konvenzjoni.

Id-depożitu tal-istrument ta' approvazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jseħħ fi żmien xahar mill-5 ta' Ġunju 2015. (5)

Artikolu 3

1.   Meta tiddepożita l-istrument tal-approvazzjoni previst fl-Artikolu 27(4) tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha, f'konformità mal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni, tagħmel dikjarazzjoni dwar il-kuntratti tal-assigurazzjoni.

It-test ta' dik id-dikjarazzjoni hu mehmuż bħala l-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

2.   Meta tiddepożita l-istrument ta' approvazzjoni previst fl-Artikolu 27(4) tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha tagħmel dikjarazzjoni unilaterali.

It-test ta' dik id-dikjarazzjoni hu mehmuż bħala l-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

A. ORLANDO


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/397/KE tas-26 ta' Frar 2009 dwar l-iffirmar f'isem il-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar Ftehim dwar l-Għażla tal-Forum (ĠU L 133, 29.5.2009, p. 1).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1).

(3)  Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(4)  It-test tal-Konvenzjoni ġie ppubblikat fil-ĠU L 133, 29.5.2009, p. 3, flimkien mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar.

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ għall-Unjoni tal-Konvenzjoni ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ANNESS I

Dikjarazzjoni mill-Unjoni Ewropea fil-mument tal-approvazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-30 ta' Ġunju 2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum (“il-Konvenzjoni”) f'konformità mal-Artikolu 21 tagħha

L-għan ta' din id-dikjarazzjoni li teskludi ċerti tipi ta' kuntratti ta' assigurazzjoni mill-ambitu tal-Konvenzjoni huwa li jkunu protetti ċerti detenturi ta' polza, partijiet assigurati u benefiċjarji li, taħt id-dritt intern tal-UE, jirċievu protezzjoni speċjali.

1.

L-Unjoni Ewropea tiddikjara, skont l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni, li mhijiex ser tapplika l-Konvenzjoni għal kuntratti tal-assigurazzjoni, ħlief kif previst fil-paragrafu 2 ta' hawn taħt.

2.

L-Unjoni Ewropea ser tapplika l-Konvenzjoni għal kuntratti tal-assigurazzjoni fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn il-kuntratt ikun kuntratt ta' riassigurazzjoni;

(b)

fejn il-partijiet ikunu daħlu fil-ftehim dwar l-għażla tal-forum wara li tirriżulta t-tilwima;

(c)

fejn, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(2) tal-Konvenzjoni, il-ftehim dwar l-għażla tal-forum jkun konkluż bejn id-detentur tal-polza u l-assiguratur, li t-tnejn li huma, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt tal-assigurazzjoni, jkunu domiċiljati jew ikollhom residenza abitwali fl-istess Stat Kontraenti u li dak il-ftehim ikollu l-effett li jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati ta' dak l-Istat anki jekk l-avveniment dannuż kellu jseħħ barra mill-pajjiż, sakemm ftehim bħal dan ma jmurx kontra l-liġi ta' dak l-Istat;

(d)

fejn il-ftehim dwar l-għażla tal-forum ikun dwar kuntratt ta' assigurazzjoni li jkopri riskju wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin meqjusa bħala riskji kbar:

(i)

kwalunkwe telf jew ħsara li jirriżulta minn perikli relatati mal-użu tagħhom għal finijiet kummerċjali, ta', jew biex:

(a)

vapuri tal-baħar, installazzjonijiet li jinsabu lil hinn mill-kosta jew fil-baħar miftuħ jew fix-xmajjar, bastimenti tal-kanali u tal-lagi;

(b)

inġenji tal-ajru;

(c)

materjal ferrovjajru fuq ir-roti;

(ii)

kwalunkwe telf jew ħsara għal merkanzija fi tranżitu jew bagalji minbarra bagalji ta' passiġġieri, irrispettivament mill-forma tat-trasport;

(iii)

kwalunkwe responsabbilità, minbarra dik għal korriment tal-passiġġieri jew telf jew ħsara tal-bagalji tagħhom, li tirriżulta mill-użu jew l-operat ta':

(a)

vapuri, installazzjonijiet jew bastimenti kif imsemmija fil-punt (i)(a);

(b)

inġenji tal-ajru, sakemm il-liġi tal-Istat Kontraenti li fih dawn l-inġenji tal-ajru jkunu rreġistrati ma tipprojbixxix ftehimiet dwar l-għażla tal-forum rigward l-assigurazzjoni ta' riskji bħal dawn;

(c)

materjal ferrovjajru fuq ir-roti;

(iv)

kwalunkwe responsabbiltà, minbarra dik għal korriment tal-passiġġieri jew telf ta' jew ħsara lill-bagalji tagħhom, għal telf jew ħsara kkawżata minn merkanzija fi transitu jew bagalji kif imsemmi fil-punt (ii);

(v)

kwalunkwe telf finanzjarju konness mal-użu jew l-operat tal-vapuri, l-installazzjonijiet, bastimenti, inġenju tal-ajru jew materjal ferrovjarju fuq ir-roti kif imsemmija fil-punt (i), b'mod partikolari t-telf ta' tagħbija jew ta' kiri b'charter;

(vi)

kwalunkwe riskju jew interess konness ma' kwalunkwe wieħed mir-riskji msemmija fil-punti (i) sa (v);

(vii)

kwalunkwe riskju ta' kreditu jew ta' titolu ta' sigurtà meta d-detentur tal-polza jkun impjegat professjonalment f'attività industrijali jew kummerċjali jew f'waħda mill-professjonijiet liberali u r-riskju relatat ma' attività bħal din;

(viii)

kwalunkwe riskju ieħor fejn id-detentur ta' polza jwettaq negozju ta' daqs li jaqbeż il-limiti ta' għall-inqas tnejn minn dawn il-kriterji li ġejjin:

(a)

total tal-karta tal-bilanċ ta' EUR 6,2 miljun;

(b)

fatturat nett ta' EUR 12,8 miljun;

(c)

numru medju ta' 250 impjegat matul is-sena finanzjarja.


ANNESS II

Dikjarazzjoni unilaterali mill-Unjoni Ewropea fil-mument tal-approvazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-30 ta' Ġunju 2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum (“il-Konvenzjoni”)

L-Unjoni Ewropea tagħmel id-dikjarazzjoni unilaterali li ġejja:

“L-Unjoni Ewropea tiddikjara li hija tista', fi stadju aktar tard fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni, teżamina mill-ġdid il-ħtieġa li żżomm id-dikjarazzjoni tagħha skont l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni.”