29.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 344/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/853/PESK

tat-8 ta' Ottubru 2014

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Mali dwar l-istatus tal-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' April 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/219/PESK (1) dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali).

(2)

Wara l-adozzjoni ta' Deċiżjoni mill-Kunsill fil-15 ta' April 2014 li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, f'konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, innegozja Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta' Mali dwar l-istatus ta' EUCAP Sahel Mali.

(3)

Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Mali dwar l-istatus tal-Missjoni tal-PSDK f'Mali (EUCAP Sahel Mali) huwa approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw l-ittra rispettiva sabiex l-Unjoni tintrabat.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LUPI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/219/PESK tal-15 ta' April 2014 dwar il-Missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali) (ĠU L 113, 16.4.2014, p. 21).