28.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 343/48


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta' Novembru 2014

li temenda d-Deċiżjoni 2005/820/KE, Euratom li tawtorizza lir-Repubblika Slovakka biex tuża l-istatistika tas-snin aktar bikrija mis-sena ta' qabel tal-aħħar u biex tuża ċerti estimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT

(notifikata bid-dokument C(2014) 8934)

(It-test bis-Slovakk biss huwa awtentiku)

(2014/852/UE, Euratom)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (1), u b'mod partikulari it-tieni inċiż tal-Artikolu 6(3) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 390 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (2), is-Slovakkja tista', skont il-kondizzjonijiet li japplikaw f'dak l-Istat Membru fid-data tal-adeżjoni, tkompli teżenta t-tranżazzjonijiet kif imsemmi fil-punt 10 tal-Anness X, il-Parti B, sakemm l-istess eżenzjoni hi applikata fi kwalunkwe mill-Istati Membri li kienu membri tal-Komunità fit-30 ta' April 2004; dawk it-tranżazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati biex tkun determinata l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT.

(2)

Fir-risposta tagħha tas-27 ta' Awwissu 2014 għall-ittra tal-14 ta' Frar 2014 tal-Kummissjoni dwar is-simplifikazzjoni ta' spezzjonijiet tar-riżorsi proprji tal-VAT, is-Slovakkja talbet awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni biex tuża persentaġġ fiss tal-bażi intermedja għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT għat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 10 tal-Parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE għas-snin finanzjarji 2014 sa 2020. Is-Slovakkja wriet li l-persentaġġ storiku baqa' stabbli maż-żmien. Is-Slovakkja għandha għalhekk tingħata awtorizzazzjoni biex tikkalkula l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT billi tuża persentaġġ fiss skont l-ittra mibgħuta mill-Kummissjoni.

(3)

Għall-finijiet ta' trasparenza u ċertezza ġuridika, hu xieraq li jkun hemm limitu ta' żmien għall-applikabilità tal-awtorizzazzjoni.

(4)

Huwa għalhekk xieraq li tkun emendata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/820/KE, Euratom (3) kif meħtieġ,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fid-Deċiżjoni 2005/820/KE, Euratom jiżdied l-Artikolu 2a li ġej:

“Artikolu 2a

Permezz ta' deroga mill- Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni, għall-fini tal-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020, is-Slovakkja hija awtorizzata li tuża 0,16 % tal-bażi intermedja fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imsemmija f'punt 10 ta' Anness X, Parti B, (it-trasport tal-passiġġieri) għad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (*).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Slovakka.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Kristalina GEORGIEVA

Viċi President


(1)  ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9.

(2)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta' 28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/820/KE, Euratom tal-21 ta' Novembru 2005 li tawtorizza lir-Repubblika Slovakka biex tuża l-istatistika tas-snin aktar bikrija mis-sena ta' qabel tal-aħħar u biex tuża ċerti estimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT (ĠU L 305, 24.11.2005, p. 41).