|
21.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 334/98 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-20 ta' Novembru 2014
li tistabbilixxi l-istruttura organizzattiva u l-operat tan-netwerk Ewropew għall-iżvilupp rurali u tan-network tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni u li tħassar id-Deċiżjoni 2008/168/KE
(2014/825/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(4) u 53(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Netwerk Ewropew għall-iżvilupp rurali ġie stabbilit skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għan-netwerking ta' netwerks, organizzazzjonijiet, u amministrazzjonijiet nazzjonali attivi fil-qasam tal-iżvilupp rurali fil-livell tal-Unjoni. |
|
(2) |
In-netwerk ta' Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (“l-EIP”) ġie stabbilit skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 li jappoġġa l-EIP għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikola msemmija fl-Artikolu 55 ta' dak ir-Regolament u biex jippermetti netwerking ta' gruppi operattivi, servizzi konsultattivi u riċerkaturi. |
|
(3) |
Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġu adottati regoli li jistabbilixxu l-istruttura organizzattiva u l-operat kemm tan-netwerk Ewropew għall-iżvilupp rurali (“l-ENRD”) u kemm tan-Netwerk tal-EIP. |
|
(4) |
Bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi tan-netwerking rurali fil-livell Ewropew stabbiliti fl-Artikoli 52(2) u 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, u sabiex jitwettqu l-kompiti previsti fl-Artikoli 52(3) and 53(3) ta' dak ir-Regolament għan-netwerks tal-ENRD u tal-EIP rispettivament, jinħtieġ li tiġi stabbilita Assemblea tan-Netwerks Rurali u li jiġu ddefiniti l-kompiti u l-istruttura tagħha, f'konformità mal-White Paper mill-Kummissjoni bl-isem ta' European governance (2), u f'konformità mal-Komunikazzjoni mill-President tal-Kummissjoni bl-isem ta' Framework for Commission expert groups: horizontal rules and public register (3) (“Framework for Commission expert groups”). |
|
(5) |
L-Assemblea għandha tippromwovi b'mod partikolari l-iskambju u n-netwerking fost l-entitajiet pubbliċi u privati attivi fl-iżvilupp rurali u l-innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikola. Għandha tiżgura l-koordinazzjoni bejn l-ENRD u n-netwerk tal-EIP, tipprovdi l-qafas strateġiku għall-attivitajiet tagħhom, fosthom il-ħidma tematika, u tiżgura monitoraġġ u valutazzjoni xierqa ta' din attività. Għandha tipproponi l-membri tal-Grupp ta' Tmexxija. |
|
(6) |
L-Assemblea għandha tkun magħmula min-netwerks rurali nazzjonali, l-awtoritajiet tal-ġestjoni, l-aġenziji tal-pagamenti, l-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-iżvilupp rurali fil-livell tal-Unjoni, il-gruppi ta' azzjoni lokali tal-LEADER, il-fornituri tas-servizzi konsultattivi agrikoli attivi fis-servizzi ta' appoġġ għall-innovazzjoni marbuta ma' gruppi operattivi u l-istituti tar-riċerka attivi fl-attivitajiet ta' innovazzjoni marbuta ma' gruppi operattivi. |
|
(7) |
Sabiex tiġi garantita rappreżentazzjoni miftuħa, trasparenti u bilanċjata, il-membri tal-Assemblea li huma organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-iżvilupp rurali fil-livell tal-Unjoni għandhom ikunu dawk maħtura fi ħdan il-grupp ta' djalogu ċivili dwar l-iżvilupp rurali f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/767/UE (4) (minn hawn 'il quddiem “il-grupp ta' djalogu ċivili dwar l-iżvilupp rurali”). |
|
(8) |
Bil-ħsieb li tiġi żgurata organizzazzjoni effettiva u effiċjenti tal-attività tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP, skont l-opinjonijiet tal-Assemblea, jinħtieġ li jitwaqqaf Grupp ta' Tmexxija tan-Netwerks Rurali u li jiġu ddefiniti l-kompiti u l-istruttura tiegħu. |
|
(9) |
Il-Grupp ta' Tmexxija għandu b'mod partikolari jħejji l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-attivitajiet tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP. Għandu jikkoordina l-ħidma tematika tan-networks u jiżgura l-koordinazzjoni tal-ħidma tal-Assemblea ma' dik ta'gruppi oħra ta' esperti u l-kumitati stabbiliti fil-kuntest tal-iżvilupp rurali u tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment. |
|
(10) |
Il-Grupp ta' Tmexxija għandu jkun magħmul mill-awtoritajiet tal-ġestjoni u/jew in-netwerks rurali nazzjonali, l-organizzazzjonijiet madwar l-UE kollha attivi fil-qasam tal-iżvilupp rurali, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-evalwazzjoni tal-programmi ta' żvilupp rurali, il-fornituri ta' servizzi ta' konsulenza agrikola u/jew l-istituti ta' riċerka agrikola. |
|
(11) |
Bil-għan li jinżamm skambju miftuħ u regolari bejn l-ENRD, in-netwerk tal-EIP u l-grupp ta' djalogu ċivili dwar l-iżvilupp rurali, il-President u l-Viċi Presidenti tal-grupp ta' djalogu ċivili għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Grupp ta' Tmexxija bħala osservaturi. |
|
(12) |
Għandhom jiġu stipulati regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni mill-membri tal-Assemblea u tal-Grupp ta' Tmexxija. |
|
(13) |
Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
|
(14) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/168/KE (6) tipprovdi għall-istruttura organizzattiva tan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali għall-perjodu 2007-2013. Għalhekk dik id-Deċiżjoni għandha titħassar. |
|
(15) |
Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
KAPITOLU I
SUĠĠETT
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-istruttura organizzattiva u l-operat tan-netwerk Ewropew għall-iżvilupp rurali (“l-ENRD”) u tan-network tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikola (“in-netwerk tal-EIP”) permezz tal-istabbiliment ta' Assemblea u Grupp ta' Tmexxija, u tipprovdi għall-kompożizzjoni tagħhom u għall-kompiti tagħhom u tistipula r-regoli għall-operat tagħhom.
KAPITOLU II
ASSEMBLEA TAN-NETWERKS RURALI
Artikolu 2
Assemblea tan-Netwerks Rurali
L-Assemblea tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP, minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala “l-Assemblea”, hija b'dan stabbilita.
Artikolu 3
Kompiti tal-Assemblea
Il-kompiti tal-Assemblea għandhom ikunu b'mod partikolari:
|
(a) |
il-promozzjoni tal-iskambju u n-netwerking fost l-entitajiet pubbliċi u privati attivi fl-iżvilupp rurali u l-innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikola; |
|
(b) |
l-iżgurar tal-koordinazzjoni bejn l-ENRD u n-netwerk tal-EIP; |
|
(c) |
il-provvista ta' qafas strateġiku għall-attivitajiet tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP, fosthom il-ħidma tematika; |
|
(d) |
l-iżgurar ta' monitoraġġ u valutazzjoni tal-attivitajiet tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP b'mod xieraq fir-rigward tal-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 52(2) u 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u l-kompiti elenkati fl-Artikoli 52(3) u 53(3) ta' dak ir-Regolament; |
|
(e) |
il-proposta tal-membri tal-Grupp ta' Tmexxija lid-Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (“id-Direttur Ġenerali”). |
Artikolu 4
Sħubija fl-Assemblea
1. L-Assemblea għandha tkun magħmula mill-membri li ġejjin:
|
(a) |
netwerks rurali nazzjonali msemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (membru wieħed minn kull Stat Membru); |
|
(b) |
awtoritajiet tal-ġestjoni msemmija fl-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (membru wieħed minn kull Stat Membru); |
|
(c) |
aġenziji tal-pagament msemmija fl-Artikolu 7 tar- Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (membru wieħed minn kull Stat Membru); |
|
(d) |
organizzazzjonijiet mhux governattivi madwar l-UE kollha, li huma rreġistrati fir-Reġistru Konġunt Ewropew tat-Trasparenza, li ġew maħtura bħala membri tal-grupp ta' djalogu ċivili dwar l-iżvilupp rurali skont id-Deċiżjoni 2013/767/UE (minn hawn 'il quddiem “il-grupp ta' djalogu ċivili dwar l-iżvilupp rurali”) u li jkunu esprimew l-interess tagħhom li jipparteċipaw fl-Assemblea (massimu ta' 29 membru); |
|
(e) |
organizzazzjonijiet madwar l-UE li jirrappreżentaw l-awtoritajiet reġjonali u/jew lokali attivi fl-iżvilupp rurali, fosthom il-konnessjonijiet bejn iż-żoni rurali u dawk urbani (massimu ta' 3 membri); |
|
(f) |
gruppi ta' azzjoni lokali LEADER msemmija fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (membru wieħed minn kull Stat Membru); |
|
(g) |
fornituri tas-servizzi ta' konsulenza agrikola attivi fis-servizzi ta' appoġġ għall-innovazzjoni marbuta ma' gruppi operattivi (membru wieħed minn kull Stat Membru); |
|
(h) |
istituti ta' riċerka agrikola attivi f'attivitajiet ta' innovazzjoni marbuta ma' gruppi operattivi (membru wieħed minn kull Stat Membru). |
2. Il-membri msemmija fil-paragrafu 1(a), (b), (c), (f), (g) u (h) għandhom jinħatru mill-Istat Membru rispettiv.
Il-membri msemmija fil-paragrafu 1(e) għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali abbażi ta' sejħa għall-applikazzjonijiet.
3. L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jinnominaw lir-rappreżentanti permanenti għal kull waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1(a), (b), (c), (f), (g) u (h).
L-organizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(d) u (e) għandhom jinnominaw ir-rappreżentanti permanenti tagħhom.
4. Il-membri tal-Assemblea għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni u entitajiet simili oħrajn (“ir-Reġistru”) u fuq is-siti tal-Internet tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP.
5. Id-dejta personali għandha tinġabar, tiġi proċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.
Artikolu 5
Operat tal-Assemblea
1. L-Assemblea għandha tkun preseduta minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-President għandu jsejjaħ laqgħa tal-inqas darba fis-sena.
2. Bi ftehim mal-Kummissjoni, l-Assemblea tista' twaqqaf sottogruppi fuq suġġetti speċifiċi relatati mal-objettivi u l-kompiti ta' ENRD u tan-netwerk tal-EIP, fosthom sottogruppi permanenti dwar:
|
(a) |
innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikola; |
|
(b) |
żvilupp immexxi minn LEADER u mill-komunità; kif ukoll |
|
(c) |
l-evalwazzjoni tal-programmi ta' żvilupp rurali. |
Is-sottogruppi għandhom iwettqu ħidma tematika abbażi ta' mandat iddefinit mill-Assemblea.
Is-sottogruppi mhux permanenti għandhom jiġu xolti malli jwettqu l-mandat tagħhom.
3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista' jistieden esperti u osservaturi minn barra l-Assemblea b'kompetenza speċifika f'suġġett tal-aġenda biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-Assemblea jew f'sottogruppi fuq bażi ad hoc.
4. Il-membri tal-Assemblea, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u r-regoli tal-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà relatata mal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE, stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (8). Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha.
5. Il-laqgħat tal-Assemblea u tas-sottogruppi tagħha għandhom isiru fil-bini tal-Kummissjoni, sakemm il-President ma jiddeċidix mod ieħor. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi segretarjali. Uffiċjali tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu għal-laqgħat tal-Assemblea u tas-sottogruppi tagħha.
6. L-Assemblea għandha tadotta r-regoli ta' proċedura tagħha abbażi tar-regoli standard ta' proċedura għal gruppi ta' esperti adottati mill-Kummissjoni.
7. Il-Kummissjoni tippubblika d-dokumenti kollha rilevanti dwar l-attivitajiet imwettqa mill-Assemblea (bħal aġendi, minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti) billi jew tinkludihom fir-Reġistru jew permezz ta' ħolqa mir-Reġistru għal sit tal-Internet iddedikat.
8. Il-ħidma tal-Assemblea għandha tkun ikkoordinata ma' dik ta' gruppi oħra ta' esperti u kumitati stabbiliti fil-kuntest tad-djalogu ċivili dwar l-iżvilupp rurali kif ukoll fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u r-Regolamenti speċifiċi għall-Fondi skont it-tifsira ta' dan ir-Regolament;
Artikolu 6
Rimborż tal-ispejjeż
1. Il-membri tal-Assemblea ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jagħtu.
2. L-ispejjeż għall-ivvjaġġar u għall-għajxien li jġarrbu l-membri tal-Assemblea għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Assemblea, inklużi s-sottogruppi, għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.
3. L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu rimborżati sal-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.
KAPITOLU III
GRUPP TA' TMEXXIJA TAN-NETWERKS RURALI
Artikolu 7
Grupp ta' Tmexxija tan-netwerks rurali
Il-Grupp ta' Tmexxija tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP, minn hawn 'il quddiem magħruf bħala “l-Grupp ta' Tmexxija”, huwa b'dan stabbilit.
Artikolu 8
Kompiti tal-Grupp ta' Tmexxija
Il-kompiti tal-Grupp ta' Tmexxija għandhom ikunu b'mod partikolari:
|
(a) |
it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-attivitajiet tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP, f'konformità mal-qafas strateġiku previst mill-Assemblea; |
|
(b) |
il-koordinazzjoni tal-ħidma tematika skont il-qafas ipprovdut mill-Assemblea u s-segwitu tal-implimentazzjoni tagħha; |
|
(c) |
il-valutazzjoni fuq bażi kontinwa tal-effettività u l-effiċjenza tal-attivitajiet tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP; |
|
(d) |
l-iżgurar tal-koordinazzjoni tal-ħidma tal-Assemblea ma' dik ta' gruppi oħra ta' esperti u kumitati stabbiliti fil-kuntest tad-djalogu ċivili dwar l-iżvilupp rurali kif ukoll fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u r-Regolamenti speċifiċi għall-Fondi skont it-tifsira ta' dan ir-Regolament; |
|
(e) |
ir-rappurtar lill-Assemblea dwar l-attivitajiet tiegħu. |
Artikolu 9
Sħubija fil-Grupp ta' Tmexxija
1. Il-Grupp ta' Tmexxija għandu jkun magħmul mill-membri li ġejjin tal-Assemblea:
|
(a) |
l-awtoritajiet ta' ġestjoni u/jew netwerks rurali nazzjonali (membru wieħed minn kull Stat Membru); |
|
(b) |
l-organizzazzjonijiet madwar l-UE kollha msemmija fl-Artikolu 4(1)(d) u (e) (massimu ta' 12-il membru); |
|
(c) |
l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-evalwazzjoni tal-programmi ta' żvilupp rurali (massimu ta' 4 membri); |
|
(d) |
il-fornituri tas-servizzi ta' konsulenza agrikola u/jew l-istituti ta' riċerka agrikola msemmija fl-Artikolu 4(1)(g) u (h) (massimu ta' 4 membri). |
2. Il-membri tal-Grupp ta' Tmexxija għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali wara proposta tal-Assemblea li tkun tirrifletti d-diversità ġeografika u tematika tal-membri tal-ENRD u tan-netwerk tal-EIP u bbażata fuq l-impenn volontarju tal-membri proposti.
Għal kull waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1, l-Assemblea tista' tipproponi rotazzjoni tal-membri tal-Grupp ta' Tmexxija.
3. Membru tal-Grupp ta' Tmexxija jista' jiġi sostitwit mid-Direttur Ġenerali wara proposta tal-Assemblea meta:
|
(a) |
jirtira mill-Grupp ta' Tmexxija; |
|
(b) |
ma jaħtarx b'mod regolari rappreżentanti għal-laqgħat tal-Grupp ta' Tmexxija; |
|
(c) |
ma jkunx għadu kapaċi jagħti kontribut b'mod effettiv għall-kompiti tal-Grupp ta' Tmexxija; |
|
(d) |
ma jkunx konformi mar-rekwiżit ta' nuqqas ta' divulgazzjoni fejn tidħol informazzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali stabbilit fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. |
4. Il-President u l-Viċi Presidenti tal-grupp ta' djalogu ċivili dwar l-iżvilupp rurali jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Grupp ta' Tmexxija bħala osservaturi.
Artikolu 10
Operat u spejjeż tal-laqgħat tal-Grupp ta' Tmexxija
L-Artikoli 5 u 6 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-operat u l-ispejjeż tal-laqgħat tal-Grupp ta' Tmexxija.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 11
Tħassir
Id-Deċiżjoni 2008/168/KE hija mħassra.
Artikolu 12
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Novembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.
(2) White Paper tal-Kummissjoni — European governance, il-25 ta' Lulju 2001, COM(2001) 428 final.
(3) Komunikazzjoni mill-President tal-Kummissjoni — Framework for Commission expert groups: horizontal rules and public register, l-10 ta' Novembru 2012, C(2010) 7649 final.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/767/UE tas-16 ta' Diċembru 2013 li twaqqaf qafas għal djalogu ċivili fi kwistjonijiet koperti mill-politika agrikola komuni u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/391/KE (ĠU L 338, 17.12.2013, p. 115).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/168/KE tal-20 ta' Frar 2008 li tistabbilixxi l-istruttura organizzattiva tan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (ĠU L 56, 29.2.2008, p. 31).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1).
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).