20.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/19


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta' Ottubru 2014

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (talba EGF/2014/004 ES/Comunidad Valenciana — metal minn Spanja)

(2014/816/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit sabiex jipprovdi appoġġ għal ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lil persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun intemmet b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'riżultat ta' kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jew b'riżultat ta' kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u sabiex jassistihom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)

Il-FEG m'għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013.

(3)

Spanja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji f'142 intrapriża li joperaw fit-taqsima 25 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-metall iffabbrikat) fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Comunidad Valenciana (ES52) fil-25 ta' Marzu 2014 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti biex tiġi determinata kontribuzzjoni finanzjarji mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)

Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 019 184 għall-applikazzjoni mressqa minn Spanja,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 019 184 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta' Ottubru 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

B. DELLA VEDOVA


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)  ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26.