20.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/11


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta' Ottubru 2014

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/010 ES/Castilla y León minn Spanja)

(2014/812/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 23, it-tieni subparagrafu tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2013 dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (4), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni u biex jiġu megħjuna fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)

Il-FEG m'għandux jaqbeż ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013.

(3)

Spanja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji fi tliet intrapriżi li joperaw fin-NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 16 (Manifattura tal-injam u ta' prodotti tal-injam u s-sufra, minbarra l-għamara; manifattura ta' oġġetti tat-tiben u ta' materjali tat-trizza) fir-reġjun tan-NUTS II ta' Castilla y León (ES 41), fil-5 ta' Diċembru 2013 u ssupplementat din l-applikazzjoni b'tagħrif addizzjonali sal-25 ta' Marzu 2014. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti sabiex jiġu determinati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stipulat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li jiġi mobilizzat l-ammont ta' EUR 700 000.

(4)

Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa minn Spanja,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 700 000 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta' Ottubru 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

B. DELLA VEDOVA


(1)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(4)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.