19.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 332/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/804/PESK
tat-8 ta' Ottubru 2014
dwar l-iffirmar u l-konklużjoni f'isem l-Unjoni tal-Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn ir-Repubblika tal-Kamerun u l-Unjoni Ewropea dwar l-istatus tal-forzi taħt id-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea fi tranżitu fit-territorju tar-Repubblika tal-Kamerun
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fl-10 ta' Frar 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/73/PESK (1) dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUFOR RCA). |
(2) |
Wara l-adozzjoni, fil-15 ta' April 2014, ta' Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà nnegozja, f'konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kamerun dwar l-istatus tal-forzi taħt id-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea fi tranżitu fit-territorju tar-Repubblika tal-Kamerun. |
(3) |
F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fit-tfassil u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom effett fuq id-difiża. Id-Danimarka ma tipparteċipax fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għalhekk ma tikkontribwixxix għall-finanzjament ta' din l-operazzjoni. |
(4) |
Il-ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri għandu jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kamerun dwar l-istatus tal-forzi taħt id-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea fi tranżitu fit-territorju tar-Repubblika tal-Kamerun huwa approvat f'isem l-Unjoni.
It-test tal-ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat jinnomina l-persuna jew il-persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw l-ittra sabiex l-Unjoni tintrabat.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ottubru 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
M. LUPI
(1) Deċiżjoni 2014/73/PESK tal-10 ta' Frar 2014 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUFOR RCA) (ĠU L 40, 11.2.2014, p. 59).