13.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/37


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Novembru 2014

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward ta' emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (Programm tas-Saħħa)

(2014/783/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 168(5) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE.

(3)

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE fih dispożizzjonijiet u arranġamenti dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet.

(4)

Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tiġi estiża għall-Ftehim ŻEE sabiex tinkludi r-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (3)

(5)

Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 282/2014 jibdew mill-1 ta' Jannar 2014 irrispettivament minn metad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE annessa ma' din id-Deċiżjoni tiġi adottata, jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, jekk ikun hemm, jiġix innotifikat wara l-10 ta' Lulju 2014.

(6)

Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA għandhom ikunu intitolati jipparteċipaw f'attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE annessa ma' din id-Deċiżjoni. L-ispejjeż imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta' Jannar 2014, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-Unjoni sakemm id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni kkonċernata.

(7)

Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat sabiex jippermetti li din il-kooperazzjoni estiża sseħħ mill-1 ta' Jannar 2014.

(8)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni li jinsab mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Novembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

P. C. PADOAN


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar it-twaqqif tat-tielet Programm għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …/2014

ta'

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u partikolarment l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE sabiex tinkludi r-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar it-twaqqif tat-tielet Programm għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE (1).

(2)

Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 282/2014 tibda mill-1 ta' Jannar 2014, irrispettivament minn meta din id-Deċiżjoni tiġi adottata, jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni, jekk ikun hemm, ikun innotifikat wara l-10 ta' Lulju 2014.

(3)

Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw f'attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. L-ispejjeż imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta' Jannar 2014, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE sakemm din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni kkonċernata.

(4)

Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista' tibda sseħħ mill-1 ta' Jannar 2014,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inċiż li ġej jiżdied fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 16 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE:

“—

32014 R 0282: Ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-istabbiliment tat-tielet programm ta' azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1).

L-ispejjeż imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta' Jannar 2014, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mill-bidu tal-azzjoni taħt il-ftehim tal-għotja jew id-deċiżjoni tal-għotja konċernati dment li d-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru …/2014 tal-… tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.

Il-Liechtenstein għandu jiġi eżentat mill-parteċipazzjoni f'dan il-programm u milli jagħti kontribut finanzjarju għalih.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*).

Hija għandha tibda tapplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji

għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)  ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1.

(*)  [L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.] [Rekwiżiti kostituzzjonali indikati.]