|
7.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 323/12 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tad-9 ta’ Lulju 2014
dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.18042 (2013/C) (ex MX 17/2009) (ex NN 61/2004)
implimentata minn Spanja dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq il-bijofjuwils
(notifikata bid-dokument C(2014) 4530)
(It-test bil-lingwa Spanjola biss huwa awtentiku)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2014/766/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1), u wara li ġew ikkunsidrati l-kummenti tagħhom,
Billi:
I. PROĊEDURA
|
(1) |
Mill-2006 ‘l hawn, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni kull sena wettaq eżerċizzju ta’ kontroll ex post ta’ kampjun ta’ miżuri ta’ għajnuna implimentati mill-Istati Membri. L-iskema Spanjola ta’ eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għall-bijofjuwils (numru tal-każ NN61/2004) kienet approvata mill-Kummissjoni bid-Deċiżjoni C(2006) 2293 tas-6 ta’ Ġunju 2006 (minn hawn ‘il quddiem id-“Deċiżjoni tal-Kummissjoni”). Din l-iskema kienet inkluża fl-eżerċizzju ta’ kontroll tal-2009/2010 bir-referenza MX 17/2009, u fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni eżaminat kif l-Istati Membri applikaw kampjun ta’ skemi eżistenti fl-2009. |
|
(2) |
Il-Kummissjoni ddeċidiet li terġa’ tinkludi din l-iskema fl-eżerċizzju ta’ kontroll tal-2011/2012, u fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni eżaminat kif l-Istati Membri applikaw kampjun ta’ skemi eżistenti fil-perjodu 2009-2010. |
|
(3) |
Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta minn Spanja waqt l-eżerċizzju ta’ kontroll, il-Kummissjoni kellha dubji dwar l-applikazzjoni xierqa tal-iskema mill-awtoritajiet Spanjoli. Għalhekk, hija ddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-Kummissjoni infurmat lil Spanja bid-deċiżjoni tagħha permezz ta’ ittra bid-data tas-17 ta’ Lulju 2013. |
|
(4) |
Spanja bagħtet il-kummenti tagħha fl-20 ta’ Settembru 2013. |
|
(5) |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-7 ta’ Frar 2014 (2). Il-Kummissjoni sejħet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti mis-sezzjoni tal-bijofjuwils tal-Assoċjazzjoni Spanjola tal-Produtturi ta’ Enerġija Rinnovabbli (APPA Biocarburantes) fil-5 ta’ Marzu 2014. Hija għaddiethom lil Spanja, u tatha l-opportunità li tagħti r-reazzjonijiet tagħha. Fis-6 ta’ Mejju 2014, l-awtoritajiet Spanjoli indikaw li ma kinux jixtiequ jgħaddu kummenti dwar l-osservazzjonijiet ta’ partijiet terzi. |
II. DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA
|
(7) |
L-iskema NN 61/2004 ta’ eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għall-bijofjuwils tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ rata ta’ żero fid-dazju tas-sisa Spanjola fuq l-idrokarburi. Dan japplika għall-etanol prodott minn prodotti ta’ oriġini agrikola jew veġetali (bijoetanol), definit fil-Kodiċi tan-Nomenklatur Magħquda NM 2207 20 , għall-metanol minn prodotti ta’ oriġini agrikola jew veġetali, definit fil-kodiċi NM 2905 11 00 , u l-prodotti definiti fil-kodiċijiet NM 1507 , 1508 , 1510 , 1511 , 1512 , 1513 , 1514 , 1515 y 1518 . |
|
(8) |
Ir-rata ta’ żero fid-dazju tas-sisa kienet tapplika għal dawk il-prodotti indipendentement minn jekk kinux jintużaw kif kienu jew b’modifika kimika. Meta l-bijofjuwil kien ikun imħallat ma’ fjuwil ieħor, ir-rata mnaqqsa kienet tapplika biss għall-parti tat-taħlita li kienet bijokarburant. Għall-finijiet tad-dazju tas-sisa, ir-rata mnaqqsa kienet tapplika għall-bijofjuwils kollha, indipendentement mill-oriġini ġeografika tagħhom. |
|
(9) |
L-iskema kienet approvata mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Ġunju 2006 u ġiet fi tmiemha fil-31 ta’ Diċembru 2012 (3). |
|
(10) |
Il-valutazzjoni tal-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli waqt l-eżerċizzju ta’ kontroll, qajmet dubji dwar il-konformità tal-applikazzjoni tal-iskema mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-2009 u fl-2010. Kien hemm dubji wkoll dwar jekk Spanja tatx kumpens żejjed lill-benefiċjarji fl-2010. Il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha fil-premessi 13 sa 29 tad-Deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2013. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni talbet lil Spanja biex:
|
III. IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI
|
(12) |
Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand APPA Biocarburantes, li kienu simili ħafna għall-kummenti tal-awtoritajiet Spanjoli (ara t-taqsima IV). Din l-Assoċjazzjoni indikat li l-iskema kienet applikata korrettament. |
|
(13) |
Meta jitqabblu l-kostijiet tal-bijofjuwils mal-prezz qabel id-dazju tas-sisa tal-fjuwil fossili fil-pompa, kemm il-bijoetanol u kemm il-bijodiżil jidhru li ngħataw inqas kumpens milli kellhom jieħdu għall-perjodu kollu, bl-eċċezzjoni tal-2010 għall-bijoetanol u fl-2012 għall-bijodiżil. Fil-fehma ta’ APPA Biocarburantes, din il-metodoloġija hija inkorretta, peress li l-prezz qabel it-taxxi tal-fjuwils fossili fil-pompa kien jinkludi l-kostijiet kollha tat-trasport u d-distribuzzjoni tal-fjuwil sakemm il-prodott jasal għand il-konsumatur, filwaqt li dawn il-kostijiet loġistiċi mhumiex inklużi fil-kostijiet tal-bijofjuwils fl-analiżi komparattiva msemmija. Fil-fehma tal-Assoċjazzjoni, jirriżulta li jkun iktar xieraq li jitqabblu l-kostijiet tal-produzzjoni tal-bijofjuwils mal-prezzijiet ikkwotati internazzjonalment tal-fjuwil fossili. L-applikazzjoni ta’ din il-metodoloġija, turi li l-bijofjuwils kienu iktar sottokompensati tul il-ħajja tal-iskema u ma kien hemm l-ebda każ ta’ kumpens żejjed. |
|
(14) |
Fl-aħħar nett, APPA Biocarburantes issostni li, anke jekk il-kostijiet tal-bijofjuwils jitqabblu mal-prezz qabel id-dazju tas-sisa fuq il-fjuwils fossili fil-pompa, iż-żewġ sitwazzjonijiet uniċi fejn seta’ kien hemm kumpens żejjed huma purament temporanji u ġejjin min-natura stess tal-iskema ta’ għajnuna fiskali għall-bijofjuwils (bi kwantitajiet assoluti ffissati minn qabel u evalwazzjonijiet realizzati wara) u minħabba l-volatilità kbira tal-prezzijiet tal-materja prima agrikola, li hija l-komponent ewlieni tal-kostijiet ta’ produzzjoni tal-bijofjuwils. Ma kienx hemm bżonn li l-iskema tiġi aġġustata ladarba ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ possibilità ta’ kumpens żejjed għall-bijoetanol fis-snin ta’ wara (2011 u 2012) u l-possibilità ta’ kumpens żejjed għall-bijodiżil ġie rreġistrat fl-aħħar sena, l-2012. Barra minn hekk, ma kienx ikun possibbli li tagħmel aġġustamenti għall-futur minħabba li l-iskema mbagħad ġiet fi tmiemha. |
IV. KUMMENTI MINN SPANJA
|
(15) |
L-awtoritajiet Spanjoli għaddew il-kummenti tagħhom fl-20 ta’ Settembru 2013. Fis-6 ta’ Mejju 2014, huma indikaw li ma kinux jixtiequ jgħaddu kummenti dwar l-osservazzjonijiet ta’ partijiet terzi li ngħaddewlhom. |
|
(16) |
Fl-ittra tagħhom tal-20 ta’ Settembru 2013, l-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw informazzjoni dwar il-kostijiet tal-produzzjoni tal-bijoetanol u tal-bijodiżil, flimkien ma’ dejta dwar il-prezzijiet tal-fjuwils fossili matul il-perjodu inkluż bejn l-2004 u l-2012. Fl-istess ħin ippreżentaw tabelli li jqabblu l-kostijiet tal-bijofjuwils mal-prezz qabel it-taxxi tal-fjuwils fossili fil-pompa. Dawn it-tabelli jinsabu fl-Anness 1. |
|
(17) |
Id-dejta u l-analiżi murija mit-tabelli korrispondenti huma bbażati fuq il-preżunzjonijiet li ġejjin:
|
|
(18) |
Abbażi tad-dejta korrispondenti, Spanja indikat li tul il-perjodu 2004-2012 wieħed jista’ josserva sottokumpens akkumulat għaż-żewġ tipi ta’ fjuwil (EUR 455,96/1 000 l għall-bijodiżil u EUR 897,22/1 000 l għall-bijoetanol). Meta kull sena tiġi analizzata separatament, jiġi osservat sottokumpens tul is-snin kollha, ħlief l-2010 fir-rigward tal-bijoetanol u fl-2012 għall-bijodiżil. |
|
(19) |
Fir-rigward tal-bijoetanol, Spanja spjegat li l-kumpens żejjed osservat fl-2010 ġara minħabba waqgħa unika fil-prezzijiet tal-materja prima, speċjalment prodotti agrikoli, bejn Jannar u Ġunju 2010. Għaldaqstant din kienet sitwazzjoni ta’ darba, riversibbli u imprevedibbli li, barra minn hekk, ikkoreġiet ruħha awtomatikament fis-sena ta’ wara biż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima. Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda raġuni biex l-awtoritajiet Spanjoli jieħdu passi. Spanja pprovdiet informazzjoni dettaljata dwar l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-materja prima flimkien ma’ grafika li turi t-tendenza tal-indiċi tal-prezzijiet taz-zokkor u ċ-ċereali (bażi 2002-2004 = 100). Evoluzzjoni tal-prezz tal-materja prima fil-perjodu 2009-2011 (6) Sors: www.fao.org |
|
(20) |
Spanja spjegat li, fil-każ tal-bijodiżil, deher li ġie rreġistrat kumpens żejjed fl-2012, iżda l-iskema ġiet fi tmiemha fil-31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena. |
|
(21) |
Spanja sostniet li l-prezz użat f’din il-metodoloġija bħala referenza għall-fjuwils sostituttivi — il-prezz qabel id-dazju tas-sisa fil-pompa — huwa l-iktar wieħed strett mill-għażliet disponibbli u li jirriżulta li jkun iktar xieraq tqabbil ma’ valur eqreb għall-prezzijiet dinjin għal dawn il-prodotti. L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew ukoll tabelli fejn tqabblu l-kostijiet tal-bijofjuwils mal-prezz dinji tal-fjuwils fossili u enfasizzaw, li f’dan il-każ, ma kien osservat l-ebda kumpens żejjed għall-bijodiżil fl-ebda waħda mis-snin meqjusa filwaqt li l-kumpens żejjed possibbli għall-bijoetanol kien negliġibbli (EUR 2/1 000 l, meta mqabbel ma’ EUR 142,13/1 000 l jekk jintuża bħala referenza l-prezz qabel it-taxxi fil-pompa tal-fjuwil fossili). Meta mqabbla mal-metodoloġija preċedenti, is-sottokumpens akkumulat kien ikun diversi drabi ogħla. |
|
(22) |
L-awtoritajiet Spanjoli spjegaw li kienu rraportaw dwar l-impriżi kollha li jipproduċu, jipproċessaw, iżommu, jirċievu u jibagħtu prodotti suġġetti għal dazju tas-sisa, b’konformità mad-Direttiva 2008/118/KE tal-Kunsill (7). |
|
(23) |
Skont id-definizzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 4, ta’ dik id-Direttiva, magazzinier awtorizzat tfisser persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata li, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha, tipproduċi, tipproċessa, iżżomm, tirċievi jew tibgħat prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju f’maħżen tat-taxxa. Skont l-Artikolu 8 ta’ dik id-Direttiva, il-magazzinier awtorizzat huwa responsabbli li jħallas id-dazju tas-sisa li jista’ jintalab. |
|
(24) |
L-awtoritajiet Spanjoli spjegaw għala pprovdew biss dejta fiskali ta’ waħda miż-żewġ impriżi li kienu ffirmaw ftehim biex jipproduċu esteri tal-metil tal-aċidu grass (“FAME”) mis-sojja u l-palmi fuq bażi subkuntrattwali. Peress li dak il-kuntratt jirreferi għall-prodotti suġġetti għal dazji tas-sisa relatati maż-żamma, iċ-ċirkolazzjoni u l-kontroll, huwa kien irregolat mid-Direttiva 2008/118/KE. L-awtoritajiet Spanjoli indikaw li l-proprjetarju tal-prodott ma kienx inkluż fid-definizzjoni ta’ “maganizzier awtorizzat” skont il-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva. |
V. VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA
|
(25) |
Il-Kummissjoni kienet diġà kkonkludiet, fid-deċiżjoni tagħha dwar il-każ NN61/2004, li l-miżura kkonċernata kienet timplika għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Il-Kummissjoni vvalutat din l-iskema ta’ għajnuna fuq il-bażi tal-Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna tal-istat għall-ħarsien tal-ambjent (8) tal-2001 u kkonkludiet li kienu kompatibbli mas-suq intern. |
|
(26) |
L-awtoritajiet Spanjoli issa pprovdew informazzjoni dettaljata lid-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni, inkluża d-dejta rilevanti tal-kostijiet ta’ produzzjoni tal-bijoetanol u l-bijodiżil għall-perjodu kollu tal-iskema. Meta jitqabblu l-kostijiet ta’ produzzjoni tal-bijofjuwils mal-prezz qabel it-taxxi fil-pompa tal-fjuwils fossili, kif jidher fit-tabelli inklużi fl-anness ta’ din id-Deċiżjoni, jiġu osservati żewġ sitwazzjonijiet ta’ kumpens żejjed: għall-bijoetanol fl-2010 u għall-bijodiżil fl-2012. |
|
(27) |
Fir-rigward tal-metodolġija alternattiva proposta minn Spanja, li tuża bħala referenza l-prezzijiet dinjin tal-fjuwils fossili, il-Kummissjoni tosserva li din il-metodoloġija hija differenti minn dik proposta minn Spanja u użata mill-Kummissjoni biex tivvaluta l-miżura NN 61/04. Peress li l-Kummissjoni qed tivverifika jekk Spanja applikatx korrettament l-iskema ta’ għajnuna b’konformità mad-Deċiżjoni li kienet approvatha fil-każ NN 61/04, il-metodoloġija alternattiva proposta ma tistax tiġi aċċettata. |
|
(28) |
Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li ma jista’ jiġi osservat l-ebda kumpens żejjed persistenti. Hekk ukoll, meta tqis l-għajnuna tul il-perjodu kollu tal-għajnuna, ma hemmx indikazzjonijiet ta’ kumpens żejjed kumplessiv. Il-Kummissjoni tieħu nota tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn Spanja (ara l-premessi 18, 19, 20 u 22). |
|
(29) |
Fil-każ tal-bijoetanol, il-Kummissjoni tqis li ma kienx hemm bżonn li jiġu introdotti aġġustamenti biex jiġi rimedjat il-kumpens żejjed. F’dan il-każ, Spanja setgħet turi li l-kumpens żejjed ġie rimedjat, l-iktar minħabba ż-żieda sinifikanti rreġistrata fil-prezzijiet tal-materja prima minn Ġunju 2010 ‘l quddiem. Fil-fatt, fl-2010 u l-2012 ma jkun osservat l-ebda kumpens żejjed għall-bijoetanol. |
|
(30) |
Fir-rigward tal-bijodiżil, il-Kummissjoni tinnota li jista’ jiġi osservat ftit kumpens żejjed ta’ EUR 41,85/1 000 l fl-2012. Dan il-kumpens żejjed ġie rreġistrat mingħajr ma ġew modifikati la l-miżura u lanqas b’mod partikolari l-livell ta’ sostenn. Din is-sitwazzjoni kienet ipprovokata minn fatturi esterni għall-iskema, jiġifieri ż-żieda qawwija fil-prezz tad-diżil fossili fi Spanja. Il-Kummissjoni tinnota li l-prezz tad-diżil fl-2012 kien 8 % ogħla mill-prezz fl-2011, 36 % iktar mill-prezz fl-2010 u 71 % iktar mill-prezz fl-2009. Fl-istess waqt, il-kostijiet tal-produzzjoni tal-bijodiżil fl-2012 baqgħu fl-istess livell tal-2011, 16 % ogħla minn dawk irreġistrati fl-2010 u 25 % ogħla minn dawk tal-2009. Il-Kummissjoni tinnota li l-iskema skadiet fi tmiem l-2012, b’tali mod li ma kienx possibbli li tiġi adattata l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa biex jiġi evitat kumpens żejjed fil-futur, b’konformità mal-premessa 19 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ NN61/04. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li la fl-2013 u lanqas wara ma baqgħet tinngħata għajnuna skont l-iskema. Fl-aħħar nett, kif ġie spjegat fil-premessa 28, anke jekk titqies id-dejta tal-2012 ma jiġi osservat l-ebda kumpens żejjed tul il-perjodu kumplessiv tal-iskema. Dan jista’ għaldaqstant jitqies bħala prova li Spanja setgħet tibbaża fuq il-metodoloġija ta’ kalkoli ex ante previst mill-iskema. |
|
(31) |
Wara li tqieset l-informazzjoni supplimentari pprovduta minn Spanja, il-Kummissjoni tqis li Spanja ma kisritx l-obbligi tagħha, kif stabbiliti fil-premessa 19 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ NN 61/04. |
|
(32) |
Abbażi tal-ispjegazzjonijiet offruti minn Spanja dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/118/KE, il-Kummissjoni taċċetta li l-awtoritajiet Spanjoli rrappurtaw dwar l-impriżi kollha pertinenti. |
VI. KONKLUŻJONI
|
(33) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li Spanja applikat l-iskema ta’ għajnuna NN 61/04 korretament, b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li approvatha, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iskema ta’ għajnuna mill-istat NN 61/2004 applikata minn Spanja hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u ġiet implimentata korrettament, b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni NN 61/2004.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2014.
Għall-Kummissjoni
Joaquín ALMUNIA
Viċi President
(2) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.
(3) ĠU L 213, 12.9.2006, p. 4.
(4) Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).
(5) Fil-każ tal-bijoetanol, dan l-ammont kien ta’ EUR 371,69/1 000 l fil-perjodu 2004-2009 u EUR 400,69/1 000 l fil-perjodu 2009-2012. Fir-rigward tal-bijodiżil, ir-rati applikati kienu ta’ EUR 269,89/1 000 l fil-perjodu 2004-2006, EUR 278/1 000 l fil-perjodu 2007-2009 u EUR 307/1 000 l fil-perjodu 2009-2012.
(6) L-indiċi tal-prezzijiet taz-zokkor jibda mill-parti tal-lemin t’isfel, filwaqt li l-indiċi tal-prezzijiet taċ-ċereali jibda min-naħa tal-lemin ta’ fuq.
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazji tas-sisa u li tħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12).
ANNESS
Tabella 1
Kostijiet tal-produzzjoni tal-bijoetanol fi Spanja
|
Kostijiet tal-produzzjoni tal-bijoetanol fi Spanja |
|||||||||||||
|
f’EUR/1 000 l |
2004 |
2005 |
2006 |
2007 |
2008 |
2009 |
2010 |
2011 |
2012 |
||||
|
Materja prima |
(+) |
[…] (*1) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
|||
|
Ħaddiema |
(+) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
|||
|
Deprezzament |
(+) |
||||||||||||
|
Kostijiet varjabbli u finanzjarji |
(+) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
|||
|
Trasport u distribuzzjoni |
(+) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
|||
|
Dħul minn prodotti sekondarji |
(–) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
|||
|
Għajnuna diretta |
(–) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
|||
|
Kostijiet totali tal-produzzjoni |
|
603 |
692 |
672 |
582 |
602 |
581 |
510 |
688 |
763 |
|||
|
Marġni ta’ produzzjoni (5 %) |
(+) |
30 |
35 |
34 |
29 |
30 |
29 |
26 |
34 |
38 |
|||
|
Fattur ta’ aġġustament diff. kontenut enerġetiku |
(+) |
329 |
378 |
367 |
318 |
329 |
317 |
278 |
376 |
417 |
|||
|
Kostijiet totali tal-bijoetanol (qabel it-taxxi) |
(B) |
962 |
1 104 |
1 073 |
929 |
961 |
927 |
814 |
1 098 |
1 218 |
|||
|
Kostijiet tal-petrol ta’ 95 ottan (qabel it-taxxi) |
(P) |
351,8 |
427,0 |
483,3 |
497,0 |
560,8 |
436,7 |
555,4 |
674,6 |
741,0 |
|||
|
Marġni massimu ta’ kumpens |
(M) = (B) – (P) |
610,6 |
677,4 |
589,2 |
431,9 |
400,0 |
490,6 |
258,6 |
423,4 |
476,7 |
|||
|
Dazju tas-sisa fuq l-idrokarburi (IEH) |
(IEH) |
371,7 |
371,7 |
371,7 |
371,7 |
371,7 |
371,7 |
400,7 |
400,7 |
400,7 |
400,7 |
||
|
Sottokumpens (l) |
(I) = (M) – (IEH) |
238,90 |
305,74 |
217,52 |
60,18 |
28,30 |
118,89 |
89,89 |
– 142,13 |
22,76 |
76,06 |
||
|
|||||||||||||
Tabella 2
Kostijiet tal-produzzjoni tal-bijodiżil fi Spanja
|
Kostijiet tal-produzzjoni tal-bijodiżil fi Spanja |
|||||||||||||
|
f’EUR/1 000 l |
2004 |
2005 |
2006 |
2007 |
2008 |
2009 |
2010 |
2011 |
2012 |
||||
|
Materja prima |
(+) |
[…] (*2) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
|||
|
Ħaddiema |
(+) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
|||
|
Deprezzament |
(+) |
||||||||||||
|
Kostijiet varjabbli u finanzjarji |
(+) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
|||
|
Trasport u distribuzzjoni |
(+) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
|||
|
Dħul minn prodotti sekondarji |
(–) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
|||
|
Għajnuna diretta |
(–) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
(…) |
|||
|
Kostijiet totali tal-produzzjoni |
|
553 |
744 |
710 |
762 |
992 |
733 |
791 |
917 |
918 |
|||
|
Marġni ta’ produzzjoni (5 %) |
(+) |
28 |
37 |
36 |
38 |
50 |
37 |
40 |
46 |
46 |
|||
|
Fattur ta’ aġġustament diff. kontenut enerġetiku |
(+) |
52 |
70 |
67 |
72 |
94 |
69 |
75 |
87 |
87 |
|||
|
Kostijiet totali tal-bijodiżil (qabel it-taxxi) |
(B) |
633 |
852 |
813 |
872 |
1 135 |
839 |
905 |
1 050 |
1 051 |
|||
|
Kostijiet totali tad-diżil (qabel it-taxxi) |
(P) |
355,0 |
476,0 |
521,7 |
524,9 |
672,8 |
459,0 |
576,5 |
727,9 |
785,5 |
|||
|
Marġni massimu ta’ kumpens |
(M) = (B) – (P) |
277,9 |
375,5 |
290,9 |
347,2 |
462,5 |
379,9 |
379,9 |
328,8 |
321,6 |
265,2 |
||
|
Dazju tas-sisa fuq l-idrokarburi |
(IEH) |
269,86 |
269,86 |
269,86 |
278 |
278 |
278 |
307 |
307 |
307 |
307 |
||
|
Sottokumpens (l) |
(I) = (M) – (IEH) |
8,05 |
105,65 |
21,04 |
69,21 |
184,54 |
101,92 |
72,92 |
21,80 |
14,61 |
–41,85 |
||
|
|||||||||||||
(*1) Sigriet kummerċjali
(*2) Sigriet kummerċjali