29.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/114


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta' Ottubru 2014

li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta' setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-perjodu mill-2015 sal-2019

(notifikata bid-dokument C(2014) 7809)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/746/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 10a(13) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE tipprevedi li l-irkant għandu jkun il-prinċipju ta' bażi għall-allokazzjoni tal-kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra lil operaturi ta' installazzjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni tas-Sistema ta' Skambju ta' Kwoti ta' Emissjonijiet tal-Unjoni (“EU ETS”) mill-2013 'il quddiem. Madankollu, l-operaturi eliġibbli se jibqgħu jirċievu kwoti mingħajr ħlas bejn l-2013 u l-2020 skont ir-regoli stipulati fid-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE (2).

(2)

In-nuqqas ta' ftehim internazzjonali ambizzjuż fir-rigward tat-tibdil fil-klima li għandu l-għan li jillimita ż-żieda fit-temperatura globali għal 2 °C jista' jdgħajjef l-benefiċċju tal-azzjonijiet li jsiru mill-Unjoni. In-nuqqas ta' azzjoni vinkolanti fil-livell internazzjonali tista' twassal għal żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra f'pajjiżi terzi fejn l-industrija ma tkunx suġġetta għal limitazzjonijiet tal-karbonju paragunabbli (“rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju”). Biex tindirizza dan ir-riskju tar-rilaxx tal-karbonju, id-Direttiva 2003/87/KE tipprevedi li, suġġett għar-riżultat tan-negozjati internazzjonali, il-Kummissjoni għandha tiddetermina lista ta' setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju (“lista ta' setturi u subsetturi”). Dawk is-setturi u s-subsetturi għandhom jirċievu kwoti mingħajr ħlas sa 100 % tal-kwantità determinata fuq il-bażi tad-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni 2011/278/UE, suġġett għal fattur ta' korrezzjoni transsettorjali msemmi fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE u stabbilit fl-Anness II għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE (3).

(3)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni analizzat sakemm il-pajjiżi terzi li jirrappreżentaw sehem deċiżiv tal-produzzjoni globali ta' prodotti f'setturi u subsetturi fil-Lista tar-Rilokazzjoni tal-Emissjonijiet ta' Karbonju, qegħdin jieħdu impenn qawwi biex inaqqsu l-emissjonijiet serra f'dawk is-setturi rilevanti, u jekk dawk l-impenji humiex komparabbli ma' dawk tal-Unjoni u humiex imwettqa fl-istess perjodu ta' żmien. Barra minn hekk, ġie eżaminat ukoll sa fejn l-effiċjenza tal-istallazzjonijiet li jinsabu f'dawk il-pajjiżi hija komparabbli mal-installazzjonijiet li jinsabu fl-Unjoni. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ebda komparabbiltà suffiċjenti ma tista' tiġi stabbilita fuq l-impenn li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, u għalhekk il-komparabilità tal-effiċjenza tal-karbonju mhijiex rilevanti.

(4)

L-ewwel lista ta' setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilaxx tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-2013 u l- 2014 ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/2/UE (4) fl-2009.

(5)

Il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq numru ta' kriterji kwantitattivi u kwalitattivi, u bbażata fuq dejta minn dawn l-aħħar tliet snin. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni użat id-dejta mis-snin 2009, 2010 u 2011, billi d-dejta mill-2012 kienet disponibbli għal biss ftit mill-parametri.

(6)

Sabiex tiġi stabbilita lista ta' setturi u subsetturi, il-Kummissjoni vvalutat ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju ta' setturi u subsetturi fuq il-livell NACE-4 tal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Il-livell NACE- 4 huwa l-livell bl-aħjar disponibbiltà tad-dejta li tiddefinixxi s-setturi b'mod preċiż. Settur huwa denotat fuq livell ta' 4-ċifri tal-klassifikazzjoni tan-NACE, u subsettur huwa denotat fis-CPA (6-ċifri), jew Prodcom (8-ċifri), jiġifieri, il-klassifikazzjoni ta' oġġetti użati għall-istatistika dwar il-produzzjoni industrijali fl-Unjoni, li ssegwi direttament mill-klassifika NACE.

(7)

Is-setturi kienu l-ewwel evalwati abbażi ta' kriterji kwantitattivi stabbiliti fl-Artikolu 10a(15) u (16) tad-Direttiva 2003/87/KE. Biex tapplika dawn il-kriterji kwantitattivi, il-Kummissjoni kellha tiddetermina s-somma tal-ispejjeż addizzjonali diretti u indiretti mġarrba minħabba l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE.

(8)

L-ispejjeż addizzjonali diretti, minħabba l-kwantità tal-kwoti li settur ikun meħtieġ jixtri jekk ma jitqiesx li huwa espost għal riskju sinifikanti tal-emissjonijiet tal-karbonju, ġew ikkalkulati fuq il-bażi ta' dejta dwar emissjonijiet diretti ta' CO2 fil-livell settorjali. Id-dejta fir-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (“EUTL”) hija kkunsidrata li hija l-aktar sors tad-dejta CO2 preċiż u trasparenti tal-emissjonijiet fil-livell ta' installazzjoni u għalhekk ġiet użata biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż diretti għas-setturi. Ma hemm l-ebda dejta dwar l-emissjonijiet fl-EUTL disponibbli għas-setturi u l-gassijiet serra koperti biss mill-ETS tal-UE mill-1 ta' Jannar 2013,. Għalhekk, f'dawk il-każijiet, il-Kummissjoni użat id-dejta dwar emissjonijiet diretti ta' CO2 pprovduta mill-Istati Membri fil-Miżuri ta' Implimentazzjoni Nazzjonali (NIMs) skont id- Deċiżjoni 2011/278/UE.

(9)

Sabiex tiddetermina l-ispejjeż addizzjonali indiretti, il-Kummissjoni ġabret dejta dwar il-konsum tal-elettriku fil-livell settorjali mill-Istati Membri, waqt li żgurat li l-ebda għadd doppju ta' elettriku kkunsmat ma seħħ bejn id-diversi kodiċijiet NACE. Sabiex tiddetermina l-emissjonijiet relatati mal-produzzjoni tal-elettriku kkunsmati minn setturi differenti għal-lista ta' setturi u subsetturi fid-Deċiżjoni 2010/2/UE, il-Kummissjoni użat il-fattur medju tal-emissjonijiet meħud mit-taħlita totali tal-karburant għall-produzzjoni tal-elettriku billi kien ikkunsidrat li huwa bbażat fuq l-aktar dejta preċiża. L-istess fattur medju tal-emissjonijiet ntuża għall-valutazzjonijiet li fuqhom hija bbażata din id-Deċiżjoni.

(10)

Barra minn hekk, biex tiddetermina l-ispejjeż addizzjonali diretti u indiretti, il-Kummissjoni kellha tistima l-prezz medju tal-karbonju. Sabiex tiġi stabbilita l-ewwel lista ta' setturi u subsetturi, il-prezz tal-karbonju preżunt ta' EUR 30 għal kull tunnellata ta' ekwivalenti ta' CO2 intuża għall-valutazzjonijiet. Fil-perjodu ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2010/2/UE, kien hemm differenza sostanzjali bejn il-prezz tal-karbonju preżunt għall-valutazzjonijiet u l-prezz attwali tal-karbonju; dan tal-aħħar huwa konsiderevolment aktar baxx. Madankollu, il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata “Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu mill-2020 sal-2030” (6) ipproponiet 40 % mill-mira ta' tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra sal-2030 meta mqabbla mal-1990 u mira korrispondenti ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tiġi stabbilta riżerva ta' stabbiltà tas-suq fl-UE ETS. Taħt dawk iċ-ċirkostanzi, huwa mistenni li l-prezz tal-karbonju fil-ġejjieni se jkun determinat iktar mit-tnaqqis fl-emissjonijiet fuq perjodu ta' żmien medju u twil. Għalhekk huwa meqjus iġġustifikat li wieħed ikompli juża l-prezz tal-karbonju preżunt ta' EUR 30 għal kull tunnellata ta' CO2 ekwivalenti għall-valutazzjonijiet li fuqhom hija bbażata din id-Deċiżjoni.

(11)

L-ispejjeż addizzjonali diretti u indiretti għandhom jiġu kkalkulati bħala proporzjon tal-valur miżjud gross. Fir-rigward l-istima tal-valur gross miżjud fil-livell settorjali, intużat id-dejta mill-Istatistiki Strutturali tan-Negozju tal-Eurostat.

(12)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni vvalutat l-intensità tal-kummerċ għal kull settur u subsettur fuq il-bażi tad-dejta miksuba mill-bażi tad-dejta tal-Eurostat Comext.

(13)

B'kollox, il-Kummissjoni vvalutat 245 settur industrijali u 24 subsettur kklassifikat taħt id-diviżjonijiet “Minjieri u barrieri” u “Manifattura” tal-klassifika NACE. Is-setturi u s-subsetturi mniżżla fil-punt 1 tal-Anness ta' din id-Deċiżjoni jilħqu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10a(15) u (16) tad-Direttiva 2003/87/KE u għandhom jitqiesu li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju.

(14)

Twettqu valutazzjonijiet abbażi tal-kriterji kwalitattivi stipulati fl-Artikolu 10a(17) tad-Direttiva 2003/87/KE fuq għadd ta' setturi li ma tqisux li huma esposti għar-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju abbażi tal-kriterji kwantitattivi stipulati fl-Artikolu 10a(15) u (16). Il-valutazzjoni kwalitattiva kienet imwettqa f'każijiet li ssodisfaw il-kriterji kwalitattivi fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-lista preċedenti, f'każijiet ta' setturi kkunsidrati li kienu qrib il-limitu, u fuq talba minn rappreżentanti tal-industrija.

(15)

Fil-każ tas-setturi “L-aħħar trattament fuq it-tessuti” (kodiċi NACE 1330), “Manifattura tal-briks, madum u prodotti tal-kostruzzjoni magħmula mit-tafal moħmi” (kodiċi NACE 2332), “Manifattura ta' prodotti tal-ġibs għall-kisi tal-ħitan għal skopijiet ta' bini” (kodiċi NACE 2362), “Tiswir tal-ħadid” (kodiċi NACE 2451) u “Tiswir ta' metalli ħfief” (2453), il-valutazzjonijiet kwalitattivi mwettqa fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-lista preċedenti ta' setturi u subsetturi, valida għall-2013 u l-2014, ġew aġġornati. Ġie konkluż li ċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw iż-żieda ta' dawk is-setturi għal-lista ta' setturi u subsetturi għadhom jeżistu. Għalhekk, dawk is-setturi għandhom jitqiesu li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju anke għall-perjodu mill-2015 sal-2019.

(16)

Twettqet valutazzjoni kwalitattiva dwar is-settur ta' “Manifattura ta' xgħir” (kodiċi NACE 1106), peress li dan is-settur kien jirrappreżenta każ problematiku fir-rigward tal-Artikolu 10a(16b) tad-Direttiva 2003/87/KE. Filwaqt li qieset iż-żieda tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad- Direttiva 2003/87/KE, il-valutazzjoni wriet intensità kummerċjali għolja u tnaqqis sinifikanti fil-profittabbiltà tas-settur fl-Unjoni. Il-marġni ta' qligħ baxx jillimita l-kapaċità tal-istallazzjonijiet biex jinvestu u jnaqqsu l-emissjonijiet. Abbażi tal-impatt flimkien ta' dawk il-fatturi, is-settur għandu jitqies li huwa espost għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju.

(17)

Is-setturi elenkati fil-punt 2 tal-Anness għandhom jitqiesu li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju fuq il-bażi tal-kriterji kwalitattivi.

(18)

Billi l-lista ta' setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju li għandhom jiġu stabbiliti fl-Anness għandha tkun valida għall-perjodu mill-2015 sal-2019, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2015.

(19)

Għal raġunijiet ta' ċertezza u kjarifikazzjoni legali, id-Deċiżjoni 2010/2/UE għandha tiġi rrevokata b'effett mill-1 ta' Jannar 2015.

(20)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-setturi u s-subsetturi mniżżla fl-Anness għandhom jitqiesu li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2010/2/UE hija rrevokata b'effett mill-1 ta' Jannar 2015.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Connie HEDEGAARD

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 275, 25.10.2013, p. 32.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta' April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE tal-5 ta' Settembru 2013 dwar miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument (ĠU L 240, 7.9.2013, p. 27).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/2/UE tal-24 ta' Diċembru 2009 li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta' setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilaxx tal-karbonju (ĠU L 1, 5.1.2010, p. 10).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tal-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(6)  COM(2014) 15 finali/2 tat-28 ta' Jannar 2014.


ANNESS

Setturi u subsetturi li, skont l-Artikolu 10a(13) tad-Direttiva 2003/87/KE, meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonjiet tal-karbonju.

1.   ABBAŻI TAL-KRITERJI STABBILITI FL-ARTIKOLU 10a(15) U (16) TAD-DIRETTIVA 2003/87/KE

1.1.   Fuq il-livell NACE-4

Kodiċi NACE

Deskrizzjoni

Il-kriterji ssodisfati

0510

Qtugħ ta' faħam iebes mill-minjieri

C

0610

Estrazzjoni ta' żejt mhux irraffinat

C

0620

Estrazzjoni ta' gass naturali

C

0710

Qtugħ ta' ħadid mill-minjieri

C

0729

Qtugħ ta' metall ieħor mhux ferruż mill-minjieri

C

0891

Qtugħ ta' minerali kimiċi u fertilizzanti mill-minjieri

C

0893

Estrazzjoni ta' melħ

A

0899

Minjieri u barrieri oħra n.e.c.

A, C

1020

Ipproċessar u priservar ta' ħut, krustaċji u molluski

C

1041

Manifattura ta' żjut u xaħmijiet

C

1062

Manifattura ta' lamti u prodotti oħra tal-lamtu

A

1081

Manifattura ta' zokkor

A

1086

Manifattura ta' preparazzjonijiet tal-ikel omoġenizzati u ikel dietetiku

C

1101

Distillazzjoni, rettifikazzjoni u taħlit ta' spirti

C

1102

Manifattura ta' inbid mill-għeneb

C

1104

Manifattura ta' xarbiet oħra ffermentati mhux iddistillati

A

1310

Tħejjija u għażil ta' fibri tat-tessuti

C

1320

Insiġ ta' tessuti

C

1391

Manifattura ta' drappijiet maħduma bil-labar (knitted) jew bil-ganċ (crocheted)

C

1392

Manifattura ta' oġġetti tat-tessuti maħduma, għajr ilbies

C

1393

Manifattura ta' twapet u twapet żgħar (rugs)

C

1394

Manifattura ta' ċwiemi, ħbula, spag u xbieki

C

1395

Manifattura ta' oġġetti mhux minsuġa u oġġetti oħra magħmula minn oġġetti mhux minsuġa, għajr lbies

C

1396

Manifattura ta' tessuti tekniċi u industrijali

C

1399

Manifattura ta' tessuti oħra n.e.c.

C

1411

Manifattura ta' ħwejjeġ tal-ġilda

C

1412

Manifattura ta' ħwejjeġ tax-xogħol

C

1413

Manifattura ta' ħwejjeġ oħra ta' fuq

C

1414

Manifattura ta' ħwejjeġ ta' taħt

C

1419

Manifattura ta' ħwejjeġ li jintlibsu u aċċessorji oħra

C

1420

Manifattura ta' oġġetti tal-fer

C

1431

Manifattura ta' maljerija maħduma bil-labar u bil-ganċ

C

1439

Manifattura ta' lbies maħdum bil-labar u bil-ganċ

C

1511

Tiswid u ggumar tal-ġilda; kunzatura u rfinar ta' fer

C

1512

Manifattura ta' bagalji, hendbegs u oġġetti bħal dawn, oġġetti tas-sarraġ u xedd

C

1520

Manifattura ta' xedd tas-saqajn

C

1622

Manifattura ta' art tal-parké mmuntata

C

1629

Manifattura ta' prodotti oħra ta' njam; manifattura ta' oġġetti ta' sufra, tiben u materjal għall-immaljar

C

1711

Manifattura ta' polpa

A, C

1712

Manifattura ta' karta u kartun

A

1724

Manifattura ta' karta tal-ħajt

C

1910

Manifattura ta' prodotti tal-forn tal-kokk

A, C

1920

Manifattura ta' prodotti tal-petroleum raffinati

A

2012

Manifattura ta' koloranti u pigmenti

C

2013

Manifattura ta' kimiċi bażiċi oħra mhux organiċi

A, C

2014

Manifattura ta' kimiċi bażiċi oħra organiċi

A, C

2015

Manifattura ta' fertilizzanti u taħlitiet tan-nitroġenu

A, B

2016

Manifattura ta' plastik f'forom primarji

C

2017

Manifattura ta' lasktu sintetiku f'forom primarji

C

2020

Manifattura ta' pestiċidi u prodotti oħra agrokimiċi

C

2042

Manifattura ta' fwejjaħ u preparazzjonijiet tat-twaletta

C

2053

Manifattura ta' żjut essenzjali

C

2059

Manifattura ta' prodotti oħra kimiċi n.e.c.

C

2060

Manifattura ta' fibri magħmula mill-bniedem

C

2110

Manifattura ta' prodotti farmaċewtiċi bażiċi

C

2120

Manifattura ta' sustanzi farmaċewtiċi

C

2211

Manifattura ta' tajers u tubi tal-lasktu; riġenerazzjoni u rikostruzzjoni ta' tajers tal-lasktu

C

2219

Manifattura ta' prodotti oħra tal-lasktu

C

2311

Manifattura ta' ħġieġ ċatt

A

2313

Manifattura ta' ħġieġ imħaffer

A

2314

Manifattura ta' fibri tal-ħġieġ

A/C (1)

2319

Manifattura u ipproċessar ta' ħġieġ ieħor, inkluż oġġetti tal-ħġieġ tekniċi

C

2320

Manifattura ta' prodotti rifrattorji

C

2331

Manifattura ta' madum u ċangaturi taċ-ċeramika

A, C

2341

Manifattura ta'oġġetti tad-dar u tat-tiżjin magħmula miċ-ċeramika

C

2342

Manifattura ta' tagħmir sanitarju taċ-ċeramika

C

2343

Manifattura ta' iżolaturi u tagħmir iżolatur taċ-ċeramika

C

2344

Manifattura ta' prodotti oħra tekniċi taċ-ċeramika

C

2349

Manifattura ta' prodotti oħra taċ-ċeramika

C

2351

Manifattura ta' siment

B

2352

Manifattura ta' ġir u ġibs

B

2370

Qtugħ, iffurmar u rfinar ta' ġebel

C

2391

Produzzjoni ta' prodotti li joborxu

C

2410

Manifattura ta' ħadid u azzar bażiċi u ta' ligi tal-ħadid

A

2420

Manifattura ta' tubi, pajpijiet, profili vojta u tagħmir relatat, tal-azzar

C

2431

Ġbid ta' vireg bil-kiesaħ

C

2441

Produzzjoni ta' metalli prezzjużi

C

2442

Produzzjoni ta' aluminju

A, C

2443

Produzzjoni ta' ċomb, żingu u landa

A

2444

Produzzjoni ta' ram

C

2445

Produzzjoni ta' metall ieħor mhux tal-ħadid

C

2446

Proċessar ta' karburant nukleari

A, C

2540

Manifattura ta' armi u munizzjon

C

2571

Manifattura ta' pożati

C

2572

Manifattura ta' serraturi u ċappetti

C

2573

Manifattura ta' għodod

C

2594

Manifattura ta' ganċijiet u prodotti tal-magni li jinvitaw

C

2599

Manifattura ta' prodotti oħra tal-metall iffabbrikat n.e.c.

C

2611

Manifattura ta' komponenti elettroniċi

C

2612

Manifattura ta' bordijiet elettroniċi illowdjati

C

2620

Manifattura ta' kompjuters u tagħmir periferali

C

2630

Manifattura ta' tagħmir għal komunikazzjoni

C

2640

Manifattura ta' elettronika ta' konsum

C

2651

Manifattura ta' strumenti u għodod għall-kejl, ittestjar, navigar;

C

2652

Manifattura ta' arloġġi tal-idejn u arloġġi oħra

C

2660

Manifattura ta' tagħmir għall-irradjazzjoni, elettromediku u elettroterapewtiku

C

2670

Manifattura ta' strumenti ottiċi u tagħmir fotografiku

C

2680

Manifattura ta' mezzi manjetiċi u ottiċi

C

2711

Manifattura ta' muturi tal-elettriku, ġeneraturi u trasformaturi

C

2712

Manifattura ta' apparat għat-tqassim u l-kontroll tal-elettriku

C

2720

Manifattura ta' batteriji u kumulaturi

C

2731

Manifattura ta' kejbils tal-fibre optic

C

2732

Manifattura ta' wajers u kejbils oħra elettroniċi u elettriċi

C

2733

Manifattura ta' għodod għall-wajers

C

2740

Manifattura ta' tagħmir tad-dawl elettriku

C

2751

Manifattura ta' apparat domestiku tal-elettriku

C

2752

Manifattura ta' apparat domestiku mhux tal-elettriku

C

2790

Manifattura ta' tagħmir għad-dawl elettriku

C

2811

Manifattura ta' magni u turbini, għajr inġenji tal-ajru, magni tal-vetturi u tal-muturi

C

2812

Manifattura ta' tagħmir idrawliku għall-enerġija

C

2813

Manifattura ta' pompi u kumpressuri oħra

C

2814

Manifattura ta' viti u valvi oħra

C

2815

Manifattura ta' berings, gerijiet, elementi tal-gerijiet u tas-sewqan

C

2821

Manifattura ta' fran, fuklari u berners tal-fuklari

C

2822

Manifattura ta' tagħmir biex jittellgħu l-oġġetti u għall-immaniġġar

C

2823

Manifattura ta' magni u tagħmir għall-uffiċċji (għajr kompjuters u tagħmir periferali)

C

2824

Manifattura ta' għodod tal-idejn li jaħdmu bl-elettriku

C

2825

Manifattura ta' tagħmir mhux domestiku għat-tkessiħ u l-ventilazzjoni

C

2829

Manifattura ta' magni oħra għal għanijiet ġenerali n.e.c.

C

2830

Manifattura ta' magni tal-agrikoltura u tal-forestrija

C

2841

Manifattura ta' magni għall-iffurmar tal-metall

C

2849

Manifattura ta' għodod oħra tal-magni

C

2891

Manifattura ta' makkinarju għall-metallurġija

C

2892

Manifattura ta' makkinarju għall-minjieri, il-barrieri u l-kostruzzjoni

C

2893

Manifattura ta' makkinarju għall-ipproċessar ta' ikel, xorb u tabakk

C

2894

Manifattura ta' makkinarju għall-produzzjoni ta' tessuti, lbies u ġilda

C

2895

Manifattura ta' makkinarju għall-produzzjoni tal-karta u l-kartun

C

2896

Manifattura ta' makkinarju tal-plastik u l-lasktu

C

2899

Manifattura ta' makkinarju ieħor għal għanijiet speċjali n.e.c.

C

2910

Manifattura ta' vetturi bil-mutur

C

2931

Manifattura ta' tagħmir elettriku u elettroniku għal vetturi bil-mutur

C

3011

Bini ta' dgħajjes u strutturi għal fuq wiċċ l-ilma

C

3012

Bini ta' dgħajjes tad-divertiment u tal-isport

C

3030

Manifattura ta' inġenji tal-ajru u tal-ispazju u makkinarju relatat

C

3091

Manifattura ta' muturi

C

3092

Manifattura ta' roti u siġġijiet bir-roti

C

3099

Manifattura ta' tagħmir ieħor għat-trasport n.e.c.

C

3109

Manifattura ta' għamara oħra

C

3211

Muniti ta' metall prezzjuż

C

3212

Manifattura ta' ġojjellerija u oġġetti relatati

C

3213

Manifattura ta' ġojjellerija ta' imitazzjoni u oġġetti relatati

C

3220

Manifattura ta' strumenti mużikali

C

3230

Manifattura ta' oġġetti tal-isport

C

3240

Manifattura ta' logħob u ġugarelli

C

3250

Manifattura ta' strumenti u provvisti mediċi u tad-dentistrija

C

3291

Manifattura ta' xkupi u xkupilji

C

3299

Manifatturar ieħor n.e.c.

C

1.2.   Fuq il-livell CPA jew il-livell Prodcom

CPA jew Prodcom

Deskrizzjoni

Il-kriterji ssodisfati

081221

Kawlina u tafal ieħor bil-kawlina

C

08122250

Tafal u shales komuni użati għall-kostruzzjoni (minbarra bentonite, tafal tat-tip fireclay, tafal hekk imsejjaħ “expanded”, kawlina u tafal tal-kawlina); andalusit, kjanit u sillimanit; mullit; trabijiet chamotte jew dinas

C

10311130

Patata ffriżata, ippreparata jew ippreservata (inkluż patata msajra jew nofs-sajran fiż-żejt u imbagħad iffriżata; minbarra bil-ħall jew bl-aċidu aċetiku)

A

10311300

Patata mqadda fl-għamla ta' dqiq, ikliet, biċċiet irqaq, bċejjeċ u pritkuni

A

10391725

Polpa u pejst tat-tadam, kkonċentrati

C

105121

Trab tal-ħalib xkumat

C

105122

Trab tal-ħalib intier

C

105153

Kaseina

C

105154

Laktows u ġulepp tal-laktows

C

10515530

Xorrox u xorrox mibdul tat-trab, mrammel jew f'forom oħra solidi, kemm jekk konċentrat kif ukoll jekk jħaddan sustanza li tagħmlu iżjed ħelu)

A, C

108211

Pejst tal-kawkaw, bix-xaħam imneħħi jew le

C

108212

Butir tal-kawkaw, xaħam u żejt

C

108213

Trab tal-kawkaw, mingħajr żieda ta' zokkor jew materjal ieħor li jagħmel ħelu

C

10891334

Ħmira tal-furnara

C

20111150

Idroġenu

B

20111160

Nitroġenu

B

20111170

Ossiġnu

B

203021

Pigmenti ppreparati, opacifiers u kuluri, żmaltijiet u glejżijiet li jistgħu jsiru ħġieġ, engobes (tafal maħlul), lostri likwidi u simili; taħlitiet ta' ramel u metall għall-ħġieġ (frit)

C

239914

Grafita artifiċjali; grafita kollojde jew semi kollojde; preparazzjonijiet ibbażati fuq il-grafita jew karbonju ieħor f'forma ta' oġġetti semi-manifatturati

C

23991910

Suf tal-kagazza, suf tal-blat u suf minerali simili u taħlit tiegħu bil-massa, folji jew rollijiet

A

23991920

Vermikulit sfoljat, tafal li espanda, kagazza bir-ragħwa u materjali minerali simili li espandew, u taħlit tagħhom

A

25501134

Partijiet tal-ħadid mikwija ta' dada miftuħa għal xaftijiet ta' trasmissjoni, kamxafts, krankxafts u krankijiet eċċ

A, C

Il-kriterji li fuqhom settur jitqies li jkun espost għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju huma dawn li ġejjin:

A

:

kriterju stabbilit fl-Artikolu 10a(15) tad-Direttiva 2003/87/KE;

B

:

kriterju stabbilit fl-Artikolu 10a(16)(a) tad-Direttiva 2003/87/KE;

C

:

kriterju stabbilit fl-Artikolu 10a(16)(b) tad-Direttiva 2003/87/KE;

2.   ABBAŻI TAL-KRITERJI STABBILITI FL-ARTIKOLU 10a(17) TAD-DIRETTIVA 2003/87/KE

Kodiċi NACE

Deskrizzjoni

1106

Manifattura ta' xgħir

1330

Irfinar ta' tessuti

2332

Manifattura ta' briks, madum u prodotti tal-kostruzzjoni, magħmula mit-tafal moħmi

2362

Manifattura ta' prodotti tal-ġibs għall-għanijiet tal-kostruzzjoni

2451

Tidwib ta' ħadid

2453

Tidwib ta' metalli ħfief


(1)  Is-settur ta' “Manifattura tal-fibri tal-ħġieġ” huwa deskritt minn żewġ kodiċijiet CPA: “231411 Ħjut, ftietel, ħjut mibrumin u ħjut imqatta', tal-fibra tal-ħġieġ” u “231412 Folji irqaq (voiles), xbieki, saqqijiet, pannelli u oġġetti oħrajn tal-fibri tal-ħġieġ, minbarra tessuti minsuġa”. Ivvalutat fuq il-livell NACE-4, is-settur ma jissodisfax il-kriterji stabbiliti fl- Artikolu 10a(15) u (16) tad-Direttiva 2003/87/KE. Madankollu, is-subsettur 231411 jissodisfa l-kriterju stabbilit fl- Artikolu 10a(16)(b), u s-subsettur 231412 jissodisfa l-kriterju stabbilit fl- Artikolu 10a(15). Peress li ż-żewġ kodiċijiet CPA ikopru s-settur kollu “Manifattura tal-fibri tal-ħġieġ”, is-settur jiżdied mal-lista fuq il-livell NACE-4 biex jiffaċilità r-referenza.