23.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/97


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta' Ottubru 2014

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, fuq in-naħa l-oħra, dwar is-sostituzzjoni tal-Protokoll 3 ta' dak il-Ftehim, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' koperazzjoni amministrattiva, bi Protokoll ġdid li, rigward ir-regoli ta' oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji

(2014/735/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 3 tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, fuq in-naħa l-oħra (1), (“il-Ftehim”), jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' koperazzjoni amministrattiva, (“Protokoll 3”).

(2)

Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (2), (“il-Konvenzjoni”) tistabilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta' prodotti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti. Il-Montenegro u l-parteċipanti l-oħra tal-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-Balkani tal-Punent ġew mistiedna jingħaqdu mas-sistema pan-Ewropea ta' akkumulazzjoni djagonali ta' oriġini fl-aġenda ta' Tessaloniki, approvata mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2003. Huma ġew mistiedna jissieħbu mal-Konvenzjoni b'deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali Ewro-Mediterranja ta' Ottubru 2007.

(3)

L-Unjoni u l-Montenegro ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011.

(4)

L-Unjoni u l-Montenegro ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u t-2 ta' Lulju 2012, rispettivament. Bħala konsegwenza, f'applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ b'rabta mal-Unjoni u l-Montenegro fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Settembru 2012 rispettivament.

(5)

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprovdi li kull Parti Kontraenti għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. Għal dan l-għan, il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim għandu jadotta deċiżjoni li tissostitwixxi l-Protokoll 3 bi protokoll ġdid li, rigward ir-regoli ta' oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni.

(6)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandha għalhekk tkun ibbażata fuq fl-abbozz tad-Deċiżjoni hawn mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom fuq naħa, u r-Repubblika tal-Montenegro, fuq in-naħa l-oħra, dwar is-sostituzzjoni tal-Protokoll 3 ta' dak il-Ftehim, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u metodi ta' koperazzjoni amministrattiva, bi protokoll ġdid li, rigward ir-regoli ta' oriġini, jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta' oriġini pan-Ewro-Mediterranji, għandha tiġi bbażata fuq abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Jista' jintlaħaq qbil dwar xi tibdil żgħir fl-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, mingħajr deċiżjoni ulterjuri mill-Kunsill.

Artikolu 2

Id-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

A. ALFANO


(1)  ĠU L 108, 29.4.2010, p. 3.

(2)  ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru … TA' STABILIZZAZZJONI U TA' ASSOĊJAZZJONI UE-MONTENEGRO

ta'

li tissostitwixxi l-Protokoll 3 għall-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u dwar il-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

IL-KUNSILL TA' STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI TAL-UE U L-MONTENEGRO,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgru fil-15 ta' Ottubru 2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Protokoll 3 tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva,

Billi:

(1)

L-Artikolu 44 tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) jirreferi għall-Protokoll 3 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u dwar il-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva (“Protokoll 3”) li jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini u jipprovdi għal kumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni, il-Montenegro, it-Turkija u kwalunkwe pajjiż jew territorju li jipparteċipa fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 39 tal-Protokoll 3 jipprovdi li l-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit fl-Artikolu 119 tal-Ftehim jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dak il-Protokoll.

(3)

Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini Pan-Ewro-Mediterranji (2), (“il-Konvenzjoni”), għandha l-għan li tissostitwixxi l-protokolli dwar ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fis-seħħ bħalissa fost il-pajjiżi taż-żona Pan-Ewro-Mediterranja, b'att legali wieħed. Il-Montenegro u parteċipanti oħra tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-Balkani tal-Punent ġew mistiedna jingħaqdu mas-sistema pan-Ewropea ta' akkumulazzjoni djagonali ta' oriġini fl-aġenda ta' Tessaloniki, approvata mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2003. Huma ġew mistiedna jissieħbu mal-Konvenzjoni b'deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali Ewro-Mediterranja ta' Ottubru 2007.

(4)

L-Unjoni u l-Montenegro ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011.

(5)

L-Unjoni u l-Montenegro ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju ta' din il-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u fit-2 ta' Lulju 2012, rispettivament. B'konsegwenza ta' hekk, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ f'relazzjoni mal-Unjoni u l-Montenegro fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Settembru 2012 rispettivament.

(6)

Fejn it-tranżizzjoni lejn il-Konvenzjoni ma tkunx simultanja għall-Partijiet Kontraenti kollha fiż-żona ta' kumulazzjoni, m'għandhiex twassal għal sitwazzjoni anqas favorevoli minn qabel skont il-Protokoll 3.

(7)

Il-Protokoll 3 għandu għalhekk jiġi sostitwit bi protokoll ġdid sabiex jagħmel referenza għall-Konvenzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll 3 tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' 'prodotti oriġinarji' u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija tapplika mill-1 ta' Settembru 2014.

Magħmul fi

Għall-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Il-President


(1)  ĠU L 108, 29.4.2010, p. 3.

(2)  ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

ANNESS

Protokoll 3

dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u dwar metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

Artikolu 1

Regoli ta' oriġini applikabbli

Għall-fini tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti ta' Appendiċi II għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) għandhom japplikaw. (1)

Ir-referenzi kollha għal “ftehim rilevanti” f'Appendiċi I u fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta' Appendiċi II għall-Konvenzjoni għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Soluzzjoni tat-Tilwim

Fejn iqumu tilwimiet b'rabta mal-proċeduri ta' verifikazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Appendiċi I għall-Konvenzjoni li ma jkunux jistgħu jissolvew bejn l-awtoritajiet doganali li jkunu qed jitolbu l-verifikazzjoni u l-awtoritajiet doganali li jkunu responsabbli milli jwettqu din il-verifikazzjoni, jiġu sottomessi lill-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

Fil-każijiet kollha s-soluzzjonijiet tat-tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż tal-importazzjoni jsiru skont il-leġiżlazzjoni ta' dak il-pajjiż.

Artikolu 3

Emendi għall-Protokoll

Il-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 4

Irtirar mill-Konvenzjoni

1.   Jekk l-Unjoni Ewropea jew il-Montenegro jagħtu avviż bil-miktub lid-depożitarju tal-Konvenzjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni skont l-Artikolu 9 tagħha, l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro għandhom jidħlu minnufih f'negozjati dwar ir-regoli tal-oriġini għall-iskop tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

2.   Sad-dħul fis-seħħ ta' dawn ir-regoli ta' oriġini appena nnegozjati, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu f'Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' Appendiċi II tal-Konvenzjoni, applikabbli fil-mument ta' rtirar, għandhom jibqgħu japplikaw għal dan il-Ftehim. Madankollu, mill-mument ta' rtirar, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu f'Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' Appendiċi II tal-Konvenzjoni jiġu interpretati fis-sens li jippermettu kumulazzjoni bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro biss.

Artikolu 5

Kumulazzjoni — tad-dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Minkejja l-Artikolu 3 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, ir-regoli dwar il-kumulazzjoni previsti fl-Artikoli 3 u 4 tal-Protokoll 3 ta' dan il-Ftehim, kif adottati mill-Unjoni Ewropea u l-Montenegro dwar il-konklużjoni tal-Ftehim (2), għandhom ikomplu japplikaw bejn il-Partijiet għal dan il-Ftehim sakemm il-Konvenzjoni ssir applikabbli għall-Partijiet Kontraenti kollha għall-Konvenzjoni elenkati f'dawk l-Artikoli.

2.   Minkejja l-Artikoli 16(5) u 21(3) tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, fejn il-kumulazzjoni tinvolvi biss l-Istati tal-EFTA, il-Gżejjer Faroe, l-Unjoni Ewropa, it-Turkija u l-parteċipanti fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, il-prova tal-oriġini tista' tkun ċertifikat ta' moviment EUR. 1 jew dikjarazzjoni tal-oriġini.


(1)  ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

(2)  ĠU L 108, 29.4.2010, p. 3.