21.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 301/34


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL 2014/729/PESK

tal-20 ta' Ottubru 2014

li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/231/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta' April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK (1), b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' April 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/231/PESK.

(2)

Fit-23 u l-24 ta' Settembru 2014, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont ir-Riżoluzzjonijiet 751 (1992) u 1907 (2009) tal-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti, approva ż-żieda ta' żewġ individwi mal-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

L-Anness għad-Deċiżjoni 2010/231/PESK għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Deċiżjoni 2010/231/PESK għandu jiġi emendat b'dan kif jidher fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 105, 27.4.2010, p. 17.


ANNESS

I.

L-entrati hawn taħt għandhom jiddaħħlu fil-lista stipulata fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2010/231/PESK.

LISTA TA' PERSUNI U ENTITAJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2

I.   Persuni

14.

Maalim Salman (magħruf ukoll bħala (a) Mu'alim Salman, (b) Mualem Suleiman, (c) Ameer Salman, (d) Ma'alim Suleiman, (e) Maalim Salman Ali, (f) Maalim Selman Ali, (g) Ma'alim Selman, (h) Ma'alin Sulayman)

Data tat-twelid: bejn wieħed u ieħor fl-1979. Post tat-twelid: Nairobi, il-Kenja. Post: Somalja. Data ta' inklużjoni NU: 23 ta' Settembru 2014.

Maalim Salman intgħażel mill-mexxej ta' al-Shabaab Ahmed Abdi aw-Mohamed magħruf ukoll bħala Godane sabiex ikun il-kap tal-ġellieda barranin Afrikani għal al-Shabaab. Hu ħarreġ ċittadini barranin li kienu qed jippruvaw jissieħbu ma' al-Shabaab bħala ġellieda barranin Afrikani, u kien involut f'operazzjonijiet immirati lejn turisti, stabbilimenti ta' divertiment, u knejjes fl-Afrika.

Minkejja li hu ffukat prinċipalment fuq operazzjonijiet barra s-Somalja, Salman hu magħruf li jirrisjedi fis-Somalja u jħarreġ ġellieda barranin fis-Somalja qabel jassenjahom f'post ieħor. Xi ġellieda barranin ta' al-Shabaab għandhom preżenza fis-Somalja wkoll. Pereżempju, Salman ta l-ordni sabiex ġellieda barranin ta' al-Shabaab imorru fin-nofsinhar tas-Somalja bħala rispons għal offensiva tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM).

Fost attakki terroristiċi oħra, al-Shabaab kienu reponsabbli mill-attakk fiċ-ċentru kummerċjali ta' Westgate f'Nairobi, il-Kenja f'Settembru 2013, li wassal għall-mewt ta' mill-anqas 67 persuna. Aktar reċenti, al-Shabaab ħadu r-responsabbiltà tal-attakk tal-31 ta' Awwissu 2014 fuq il-ħabs tal-Aġenzija Nazzjonali ta' Intelligence u Sigurtà f'Mogadixu, bil-qtil ta' tliet gwardji tas-sigurtà u żewġ persuni ċivili, u l-feriment ta' 15 oħra.

15.

Ahmed Diriye (magħruf ukoll bħala (a) Sheikh Ahmed Umar Abu Ubaidah, (b) Sheikh Omar Abu Ubaidaha, (c) Sheikh Ahmed Umar, (d) Sheikh Mahad Omar Abdikarim, (e) Abu Ubaidah, (f) Abu Diriye.

Data tat-twelid: bejn wieħed u ieħor fl-1972. Post tat-twelid: Somalja. Post: is-Somalja. Data ta' inklużjoni NU: 24 ta' Settembru 2014.

Ahmed Diriye ġie maħtur bħala l-emir il-ġdid ta' Al-Shabaab wara l-mewt tal-mexxej preċedenti Ahmed Abdi aw-Mohamed, individwu elenkat mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà skont ir-riżoluzzjonijiet 751 (1992) u 1907 (2009). Dan tħabbar pubblikament f'dikjarazzjoni mill-kelliem għal Al-Shabaab, Sheikh Ali Dheere, li ħarġet fis-6 ta' Settembru 2014. Diriye kien membru anzjan ta' Al-Shabaab u bħala l-emir għandu r-responsabbiltà ta' kmand għall-operazzjonijiet ta' Al-Shabaab. Hu ser ikun direttament responsabbli għall-attivitajiet ta' Al-Shabaab li jkomplu jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tas-Somalja. Minn dakinhar Diriye adotta l-isme Għarbi ta' Sheikh Ahmed Umar Abu Ubaidah.