21.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 301/27


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Ottubru 2014

li tawtorizza lill-Isvezja tapplika rata mnaqqsa ta' taxxa fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti rmiġġati f'port skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

(2014/725/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/384/UE (2) tawtorizza lill-Isvezja tapplika rata mnaqqsa ta' taxxa fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti rmiġġati f'port (“elettriku mix-xatt”) skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE sal-25 ta' Ġunju 2014.

(2)

Permezz tal-ittra tat-13 ta' Diċembru 2013, l-Isvezja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rata mnaqqsa ta' taxxa fuq l-elettriku mix-xatt skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(3)

Permezz tat-tnaqqis fit-taxxa li bi ħsiebha tapplika, l-Isvezja għandha l-għan li tkompli tħeġġeġ użu usa' ta' elettriku mix-xatt bħala mezz inqas dannuż għall-ambjent sabiex il-bastimenti jissoddisfaw il-bżonnijiet tagħhom ta' elettriku filwaqt li jkunu rmiġġati fil-portijiet meta mqabbel mal-ħruq ta' karburant tal-bastimenti abbord.

(4)

Sakemm l-użu tal-elettriku mix-xatt jevita l-emissjonijiet ta' tniġġis tal-arja assoċjati mal-ħruq ta' fjuwils tal-bunker abbord il-bastimenti rmiġġati, dan jikkontribwixxi għal titjib tal-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwali. Taħt il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-istruttura tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fir-reġjun konċernat, jiġifieri s-suq tal-elettriku Nordiku inkluż l-Isvezja, id-Danimarka, il-Finlandja u n-Norveġja, l-użu tal-elettriku mill-grid tax-xatt minflok l-elettriku iġġenerat permezz tal-ħruq ta' karburant tal-bastimenti abbord il-bastimenti huwa mistenni wkoll li jnaqqas l-emissjonijiet CO2. Il-miżura għalhekk hija mistennija tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politiki ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tal-Unjoni.

(5)

Il-permess li l-Isvezja titħalla tapplika rata mnaqqsa ta' taxxa fuq l-elettriku mix-xatt ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jiżdied l-użu tal-elettriku mix-xatt, minħabba li l-ġenerazzjoni abbord se tibqa' l-alternattiva l-iktar kompetittiva fil-biċċa l-kbira tal-każijiet. Għall-istess raġuni, u minħabba li bħalissal-penetrazzjoni tat-teknoloġija fis-suq hija relattivament baxxa, il-miżura x'aktarx li ma twassalx għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul iż-żmien li fih tiġi applikata għalhekk mhux se jkollha effett negattiv fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(6)

Mill-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE joħroġ li kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dik id-dispożizzjoni jrid ikollha żmien strettament limitat. Minħabba l-ħtieġa li l-perjodu jkun twil biżżejjed biex jippermetti l-evalwazzjoni tajba tal-miżura, iżda wkoll il-ħtieġa li ma jiġux imminati żviluppi futuri tal-qafas legali eżistenti, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata għal perjodu ta' sitt snin.

(7)

Sabiex tingħata ċertezza legali lill-operaturi tal-portijiet u l-bastimenti u sabiex tiġi evitata żieda potenzjali fil-piż amministrattiv għad-distributuri u r-ridistributuri tal-elettriku li tista' tirriżulta minn bidliet fir-rata tat-taxxa tas-sisa fuq l-elettriku mix-xatt, għandu jiġi żgurat li l-Isvezja tista' tapplika t-tnaqqis tat-taxxa speċifiku eżistenti li din id-Deċiżjoni hija marbuta miegħu mingħajr interruzzjoni. L-awtorizzazzjoni mitluba għandha għalhekk tingħata b'effett mis-26 ta' Ġunju 2014, sabiex l-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/384/UE ikomplu mingħajr interruzzjoni.

(8)

Din id-Deċiżjoni ma għandiex tibqa' tapplika mid-data li fiha r-regoli ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt isiru applikabbli permezz ta' att leġislattiv futur tal-Unjoni

(9)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Isvezja hija b'dan awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta' taxxa fuq l-elettriku fornut direttament lil bastimenti rmiġġati fil-portijiet (“elettriku mix-xatt”), ħlief għal opri ta' użu privat rekreattiv, sakemm il-livelli minimi ta' tassazzjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE jkunu rrispettati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mis-26 ta' Ġunju 2014 sal-25 ta' Ġunju 2020.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Isvezja.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

P. C. PADOAN


(1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/384/UE tal-20 ta' Ġunju 2011 li tawtorizza lill-Isvezja tapplika rata mnaqqsa ta' taxxa fuq l-elettriku għall-elettriku pprovdut direttament lill-vapuri rmiġġati f'port (“elettriku mill-art”) skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 170, 30.6.2011, p. 36).