14.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 296/28


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta' Ottubru 2014

dwar l-istabbiliment tal-listi annwali ta' prijoritajiet għall-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida għall-2015

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/713/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-furntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (1) (“Regolament dwar l-Elettriku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (2) (“Regolament dwar il-Gass”), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida huma azzjoni importanti li trid tittieħed sabiex jiġi integrat b'mod sħiħ is-suq intern tal-enerġija. It-tielet pakkett dwar l-enerġija ħoloq qafas istituzzjonali għall-iżvilupp ta' kodiċijiet tan-netwerk bl-għan li jiġu armonizzati, fejn meħtieġ, ir-regoli tekniċi, operattivi u tas-suq li jirregolaw il-grilji tal-elettriku u tal-gass. F'dan il-qafas istituzzjonali, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“ACER”), in-netwerk Ewropew tal-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni (“ENTSOs”) u l-Kummissjoni Ewropea għandhom rwol ewlieni biex jaħdmu b'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, fuq l-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-netwerk. L-oqsma li fihom jistgħu jiġu żviluppati l-kodiċijiet tan-netwerk huma stabbiliti fl-Artikolu 8(6) tar-Regolament dwar l-Elettriku u r-Regolament dwar il-Gass.

(2)

Minkejja l-possibbiltà li tiżviluppa kodiċijiet tan-netwerk skont il-proċess stabbilit fl-Artikoli 6 u 8 tar-Regolament dwar l-Elettriku u r-Regolament dwar il-Gass, il-Kummissjoni tista' tiżviluppa linji gwida hija stess u sussegwentement tibda l-proċedura ta' adozzjoni biex tagħmilhom legalment vinkolanti. L-oqsma li fihom jistgħu jiġu żviluppati l-linji gwida huma stabbiliti fl-Artikolu 18(1), (2), (3) tar-Regolament dwar l-Elettriku u fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament dwar il-Gass.

(3)

Bħala l-ewwel pass lejn il-kodiċijiet tan-netwerk Ewropej vinkolanti, trid tiġi stabbilita mill-Kummissjoni lista annwali ta' prijoritajiet li tidentifika l-oqsma li jridu jiġu inklużi fl-iżvilupp ta' kodiċijiet tan-netwerk, b'konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku u tar-Regolament dwar il-Gass. Qabel ma tistabbilixxi l-prijoritajiet annwali, il-Kummissjoni Ewropea trid tikkonsulta mal-ACER, mal-ENTSOs u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra. Din id-deċiżjoni tistabbilixxi l-prijoritajiet kif deċiżi mill-Kummissjoni bbażati fuq ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika.

(4)

Fl-2012 u fl-2013 diġà ġew adottati regoli armonizzati dwar il-gass, rigward proċeduri ta' mmaniġġjar tal-konġestjoni, l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ibbilanċjar.

(5)

Il-konsultazzjoni pubblika, kif meħtieġ fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament dwar l-Elettriku u dwar il-Gass, saret bejn is-26 ta' Frar u d-9 ta' Mejju 2014. Il-Kummissjoni rċeviet 20 risposta (3) inkluż minn ENTSO-E. ACER u ENTSOG ma ressqux tweġiba għall-konsultazzjoni pubblika. Fil-konsultazzjoni pubblika, il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati appoġġjaw il-prijoritizzazzjoni tal-ħidma li diġà nbdiet u enfasizzaw l-importanza ta' implimentazzjoni xierqa u kkoordinata sewwa tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida li ġew adottati. Barra minn hekk, fit-3 ta' Ġunju 2014 ACER informat lill-Kummissjoni li, skont l-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija tagħha (4) dwar il-ħtieġa ta' regoli armonizzati għall-kummerċ tal-gass relatati mad-dispożizzjonijiet tekniċi u operazzjonali tas-servizzi ta' aċċess għan-netwerk u l-ibbilanċjar tas-sistema (minn hawn 'il quddiem “RfT”), dawn ir-regoli bħalissa mhumiex meħtieġa.

(6)

Wara li rrikonoxxiet it-tweġibiet tal-partijiet ikkonċernati u kkunsidrat l-azzjonijiet varji meħtieġa biex tiġi żgurata l-integrazzjoni sħiħa tas-suq intern tal-enerġija u l-fatt li l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-netwerk u l-linji gwida se tkun teħtieġ riżorsi sinifikanti mill-partijiet rilevanti kollha inklużi l-Kummissjoni, ACER u l-ENTSOs, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma żżid l-ebda qasam ġdid mal-lista annwali ta' prijoritajiet għall-gass għall-2015, iżda pjuttost li tneħħi l-RfT proposti.

(7)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżid mill-ġdid mal-lista annwali ta' prijoritajiet għall-gass għall-2015, ir-regoli armonizzati dwar l-interoperabbiltà u l-iskambju tad-dejta billi l-adozzjoni finali ta' dan il-kodiċi tan-netwerk se sseħħ biss fil-bidu tal-2015 minflok id-data tal-adozzjoni prevista inizjalment fi tmiem l-2014. Għal-lista annwali ta' prijoritajiet għall-elettriku għall-2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li terġa' ddaħħal regoli armonizzati dwar i) is-sigurtà operazzjonali, ii) l-ippjanar u l-iskedar operazzjonali, iii) l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-immaniġġjar tal-konġestjoni inkluża l-governanza tas-swieq ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata inkluż il-kalkolu tal-kapaċità, iv) ir-rekwiżiti għall-konnessjoni tal-grilja applikabbli għall-ġeneraturi u dwar v) il-konnessjoni rikjesta. Filwaqt li inizjalment kien previst li l-adozzjoni tagħhom titlesta matul l-2014, il-ħtieġa għal aktar tibdil identifikat fl-analiżi tal-Kummissjoni u enfasizzat ukoll fit-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika, tfisser li r-regoli għandhom ukoll jiżdiedu mal-lista tal-2015.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni tistabbilixxi din il-lista annwali ta' prijoritajiet għall-2015 għall-iżvilupp ta' regoli armonizzati dwar l-elettriku:

regoli għall-konnessjoni man-netwerk:

regoli dwar ir-rekwiżiti għall-konnessjoni tal-grilja applikabbli għall-ġeneraturi (il-fażi ta' adozzjoni mill-Kummissjoni),

il-konnessjoni rikjesta (il-fażi ta' adozzjoni mill-Kummissjoni),

regoli dwar konnessjoni ta' sistema ta' trażmissjoni b'kurrent dirett b'vultaġġ għoli (finalizzazzjoni tal-kodiċi tan-netwerk u tinbeda l-fażi ta' adozzjoni mill-Kummissjoni),

regoli dwar l-operat tas-sistema:

regoli dwar il-kontroll u r-riżervi tal-frekwenza tat-tagħbija (il-fażi ta' adozzjoni mill-Kummissjoni),

ir-regoli dwar ir-rekwiżiti u l-proċeduri ta' emerġenza (finalizzazzjoni tal-kodiċi tan-netwerk u tinbeda l-fażi ta' adozzjoni mill-Kummissjoni),

regoli dwar is-sigurtà tal-operazzjonali (il-fażi ta' adozzjoni mill-Kummissjoni),

regoli dwar l-ippjanar u l-iskedar operazzjonali (il-fażi ta' adozzjoni mill-Kummissjoni),

regoli dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-immaniġġjar tal-konġestjoni li jinkludu l-governanza tas-swieq ta' ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, li jinkludu l-kalkolu tal-kapaċità (il-fażi ta' adozzjoni mill-Kummissjoni),

regoli dwar l-ibbilanċjar inkluża s-setgħa ta' riżerva relatata man-netwerk (finalizzazzjoni tal-kodiċi tan-netwerk u tinbeda l-fażi ta' adozzjoni mill-Kummissjoni),

regoli għal allokazzjoni (bil-quddiem) tal-kapaċità fuq terminu twil (il-fażi ta' adozzjoni mill-Kummissjoni),

regoli dwar strutturi tariffarji ta' trażmissjoni armonizzata (identifikazzjoni bikrija mill-ACER għat-tħejjija ta' linja gwida tal-qafas (5)).

Artikolu 2

Il-Kummissjoni tistabbilixxi din il-lista annwali ta' prijoritajiet għall-2015 għall-iżvilupp ta' regoli armonizzati dwar il-gass:

regoli dwar l-interoperabbiltà u l-iskambju tad-dejta (il-fażi ta' adozzjoni mill-Kummissjoni),

regoli dwar l-istrutturi tariffarji ta' trażmissjoni armonizzata (finalizzazzjoni tal-kodiċi tan-netwerk u tinbeda l-fażi ta' adozzjoni mill-Kummissjoni),

regoli dwar approċċ ibbażat fuq is-suq mal-UE dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità tat-trażmissjoni tal-gass b'“binja ġdida” (finalizzazzjoni tal-proposta tal-emenda tal-kodiċi tan-netwerk tal-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kapaċità u tinbeda l-fażi ta' adozzjoni mill-Kummissjoni).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

(2)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(3)  It-tweġibiet huma ppublikati fis-sit elettroniku: http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/consultations/20140509_network_code_en.htm

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/442/UE dwar il-lista annwali ta' prijoritajiet għall-2014 kienet tipprevedi dan l-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija (ĠU L 224, 22.8.2013, p. 14).

(5)  Rigward ir-regoli dwar l-inċentivi għall-investiment, ir-Regolament TEN-E u partikolarment l-Artikolu 13, jipprevedi regoli li jiżguraw l-għotja ta' inċentivi xierqa lil proġetti tal-infrastruttura ta' interess komuni fil-gass u fl-elettriku. F'dan il-kuntest, ir-Regolament TEN-E jistabbilixxi l-kompiti li ġejjin:

Kull awtorità regolatorja nazzjonali tippreżenta lill-ACER il-metodoloġija tagħha u l-kriterji użati biex tevalwa l-investimenti u r-riskji ogħla mġarrba minnha, fejn disponibbli, sal-31 ta' Lulju 2013,

L-ACER tiffaċilita l-kondiviżjoni ta' prattiki tajba u tagħmel rakkomandazzjonijiet sal-31 ta' Diċembru 2013,

Kull awtorità regolatorja nazzjonali tippubblika l-metodoloġija rispettiva tagħha u l-kriterji użati biex tevalwa l-investimenti u r-riskji ogħla mġarrba minnha sal-31 ta' Marzu 2014.

Fuq il-bażi tal-kontribut tal-kompiti msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni Ewropea se tiddeċiedi għandhomx jinħarġu linji gwida.