14.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 296/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-24 ta' Settembru 2012

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija

(2014/711/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att tal-Adeżjoni tal-2005, u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-23 ta' Ottubru 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja mar-Repubblika tat-Tuneżija (aktar 'il quddiem imsejħa “t-Tuneżija”), f'isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (1), sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija (aktar 'il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”).

(2)

Dawn in-negozjati ġew iffinalizzati, għas-sodisfazzjon tal-Kummissjoni.

(3)

It-test tal-Protokoll li ġie nnegozjat mat-Tuneżija jipprevedi, fl-Artikolu 8(2) tiegħu, l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

(4)

Huwa xieraq li jiġi ffirmat il-Protokoll u li jiġi applikat b'mod provviżorju, sa meta jitwettqu l-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija huwa b'dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll imsemmi.

2.   It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu jiġi applikat b'mod provviżorju mill-1 ta' Jannar 2007, sa meta jitwettqu l-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Settembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

A. MAVROYIANNIS


(1)   ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2.