3.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-29 ta' Settembru 2014

li temenda d-Deċiżjoni 2014/668/UE dwar l-iffirmar f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Ukraina min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-Titolu III (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mat-trattament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra) u t-Titoli IV, V, VI u VII tagħha, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati

(2014/691/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Flit-23 ta' Ġunju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/668/UE (1).

(2)

Wara konsultazzjonijiet li saru man-naħa tal-Ukraina u fil-kuntest tal-isforzi ġenerali għall-implimentazzjoni tal-proċess tal-paċi fl-Ukraina, il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill sabiex jipposponi sal-31 ta' Diċembru 2015 l-applikazzjoni proviżorja tad-dispożizzjonijiet relatati mal-kummerċ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Ukraina min-naħa l-oħra, (“il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni”) (Titolu IV), u fl-istess ħin li titkompla l-applikazzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi tal-UE għall-benefiċċju tal-Ukraina.

(3)

L-applikazzjoni proviżorja tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titoli III, IV, V, VI u VII, u l-Annessi u l-Protokolli relatati għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għandha tidħol fis-seħħ fi stadji. Rigward it-Titoli III, V, VI u VII, u l-Annessi u l-Protokolli relatati għandha ssir notifika skont l-Artikolu 486 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mingħajr dewmien, flimkien man-notifika ta' dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/295/UE (2). Rigward it-Titolu IV, u l-Annessi u Protokolli relatati, għandha ssir notifika b'mod li l-applikazzjoni proviżorja tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016.

(4)

Id-Deċiżjoni 2014/668/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2014/668/UE, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Rigward id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titoli III, V, VI u VII, u l-Annessi u l-Protokolli relatati, għandha ssir notifika skont l-Artikolu 486 tal-Ftehim mingħajr dewmien b'mod li l-applikazzjoni proviżorja tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016.

Rigward id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu IV, u l-Annessi u l-Protokolli relatati, għandha ssir notifika skont l-Artikolu 486 tal-Ftehim mingħajr dewmien b'mod li l-applikazzjoni proviżorja tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Settembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-Titolu III (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trattament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra) u t-Titoli IV, V, VI u VII tiegħu, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati (ĠU L 278, 20.9.2014, p. 1).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/295/UE tas-17 ta' Marzu 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Preambolu, Artikolu 1, u Titoli I, II u VII tiegħu (ĠU L 161, 29.5.2014, p. 1).