30.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 284/53


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta' Lulju 2014

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33927 (12/C) (ex 11/NN)

implimentata mill-Belġju Skema ta' garanzija li tipproteġi l-ishma ta' membri individwali ta' kooperattivi finanzjarji

(notifikata bid-dokument C(2014) 1021)

(It-testi bil-Franċiż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/686/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ittra tas-7 ta' Novembru 2011, l-Istat Belġjan innotifika lill-Kummissjoni li huwa adotta skema ta' garanzija (“l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi” jew “il-miżura”) biex ikopri l-ishma tal-azzjonisti individwali f'dawk il-kooperattivi rikonoxxuti li jew jinsabu taħt superviżjoni prudenzjali tal-Bank Nazzjonali tal-Belġju (Banque nationale de Belgique — BNB) jew inkella li investew minn tal-inqas nofs l-assi tagħhom f'istituzzjoni soġġetta għal tali superviżjoni (“kooperattivi finanzjarji”).

(2)

Permezz tal-ittra tas-6 ta' Diċembru 2011, il-Kummissjoni indikat lill-Istat Belġjan li l-miżura għandha mnejn tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illeċita (2) u ħeġġet lill-Istat Belġjan biex iżomm lura milli jieħu passi ulterjuri għall-implimentazzjoni tal-miżura. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istat Belġjan biex jikkummenta dwar is-sejbiet preliminari tiegħu, u dan huwa għamlu permezz tal-ittra tat-22 ta' Diċembru 2011.

(3)

Permezz tad-Deċiżjoni tat-3 ta' April 2012 (“id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”), il-Kummissjoni informat lill-Belġju li hija kienet tat bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) fir-rigward tal-miżura u ordnat lill-Belġju biex, f'konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (3), jissospendi l-miżura sa ma l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Il-Kummissjoni talbet lill-Belġju biex iwaqqaf immedjatament kwalunkwe azzjoni li tkun timplimenta ulterjorment l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi u biex jastjeni milli jagħmel pagamenti fil-qafas tal-miżura. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura — li permezz tagħha l-Kummissjoni stiednet ukoll lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar il-miżura — ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4).

(4)

Permezz tal-ittri tal-24 ta' April 2012 u tal-31 ta' Mejju 2012, l-Istat Belġjan talab li jingħata żmien addizzjonali biex jirreaġixxi għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ; il-Kummissjoni ma oġġezzjonatx għal dan. Permezz tal-ittra tat-18 ta' Ġunju 2012, l-Istat Belġjan bagħat reazzjoni dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ li magħha kien hemm mehmuża, fost l-oħrajn, ittra mingħand il-Gvernatur tal-BNB indirizzata lill-Ministru tal-Finanzi Belġjan, iddatata s-7 ta' Ottubru 2011.

(5)

Fis-17 ta' Awwissu 2012, il-Grupp Arco (“ARCO” (5)) ippreżenta wkoll il-kummenti tiegħu fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Fid-29 ta' Awwissu 2012, il-Kummissjoni ttrażmettiet din is-sottomissjoni lill-Istat Belġjan, u b'hekk tat l-opportunità lill-Istat Membru biex jirreaġixxi għall-kummenti ta' ARCO. Madankollu, fis-16 ta' Ottubru 2012, l-Istat Belġjan indika li ma kienx se jagħmel użu minn din l-opportunità.

(6)

Il-mistoqsijiet ta' segwitu min-naħa tal-Kummissjoni dwar il-miżura, b'mod partikolari fis-17 ta' Settembru 2012 u fl-24 ta' Lulju 2013, twieġbu mill-Istat Belġjan fil-5 ta' Diċembru 2012 u fl-20 ta' Settembru 2013 rispettivament.

2.   L-ISFOND FATTWALI

2.1.   Il-ħolqien tal-miżura notifikata

(7)

It-twaqqif tal-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi kien marbut ma' miżuri ta' salvataġġ f'każ ieħor ta' għajnuna mill-Istat.

(8)

Fit-30 ta' Settembru 2008, Dexia ħabbret żieda kapitali ta' EUR 6,4 biljun, sottoskritta mill-azzjonisti eżistenti tagħha (li wieħed minnhom kien ARCO) u mill-awtoritajiet tal-Belġju, Franza u l-Lussemburgu. Quddiem il-Kummissjoni Speċjali tal-Parlament Belġjan inkarigata mill-analiżi taċ-ċirkostanzi taż-żarmar ta' Dexia (il-“Kummissjoni Dexia”), il-Ministru tal-Finanzi Belġjan kompetenti fi żmien l-għoti tal-għajnuna mill-Istat lill-Dexia fl-2008 spjega li, b'segwitu għat-talbiet ta' intervent favur ARCO, f'Settembru/Ottubru 2008 kienet diġà ttieħdet deċiżjoni politika biex tiġi adottata skema ta' garanzija għall-kooperattivi. Huwa spjega li, sabiex jintlaħaq ftehim dwar Dexia, il-gvern kellu fl-istess ħin jieħu deċiżjoni dwar ARCO u Ethias. (6) Mid-dikjarazzjonijiet tal-Ministru tal-Finanzi Belġjan attwali, jidher biċ-ċar ukoll li l-impenn tal-2008 kien ittieħed biex jiġi żgurat li ARCO jaqbel li jieħu sehem fis-salvataġġ ta' Dexia (7).

(i)   Il-komunikazzjonijiet tal-istampa

(9)

Fl-10 ta' Ottubru 2008, il-gvern Belġjan ħabbar, permezz ta' stqarrija għall-istampa mis-servizzi tal-Ministru tal-Finanzi, li ddeċieda li:

iżid il-kopertura tal-Iskema ta' Garanzija tad-Depożiti għall-istituzzjonijiet ta' kreditu, minn EUR 20 000 għal EUR 100 000

ipoġġi għad-dispożizzjoni skema simili għal prodotti finanzjarji oħrajn (b'mod partikolari prodotti ta' assigurazzjoni tal-ħajja tal-“fergħa 21”  (8) u ishma f'kooperattivi finanzjarji). (9)

(10)

Fil-21 ta' Jannar 2009, il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi kkonfermaw fi stqarrija għall-istampa konġunta, l-impenn li ħa l-gvern preċedenti (10) biex jintroduċi skema ta' garanzija għall-kooperattivi. (11) Fl-istess jum, ARCO ppubblika l-istqarrija għall-istampa tal-gvern Belġjan fuq il-websajt tiegħu. B'kuntrast ma' dan, kooperattivi finanzjarji oħrajn tbiegħdu mill-analoġija bejn id-depożiti u l-ishma fil-kooperattivi finanzjarji li tirfed l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi. (12)

(ii)   Il-proċess leġiżlattiv

(11)

Fil-15 ta' Ottubru 2008, il-Parlament Belġjan approva liġi (13) li tippermetti lill-gvern Belġjan jieħu miżuri biex jippreserva l-istabbiltà finanzjarja. Fl-14 ta' Novembru 2008 (14), l-Istat Belġjan ippubblika Digriet Irjali li żied il-livell ta' kopertura fil-qafas tal-Iskema ta' Garanzija tad-Depożiti għall-istituzzjonijiet ta' kreditu għal EUR 100 000, filwaqt li introduċa skema ta' garanzija tal-assigurazzjoni għall-prodotti ta' assigurazzjoni tal-ħajja tal-“fergħa 21”. Fid-29 ta' Ottubru 2008, il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja ta opinjoni favorevoli dwar il-verżjoni abbozzata ta' dan id-Digriet Irjali. (15)

(12)

Fl-14 ta' April 2009 (16), l-Istat Belġjan emenda l-Liġi tal-15 ta' Ottubru 2008, li awtorizzat lill-gvern jadotta, permezz tad-Digriet Irjali, sistema ta' garanzija tal-kapital imħallas għal rimborż lill-azzjonisti individwali tas-sehem tagħhom fil-kapital tal-kooperattivi finanzjarji. Permezz tad-Digriet Irjali tal-10 ta' Ottubru 2011 (17) l-awtoritajiet Belġjani mmodifikaw id-Digriet Irjali tal-14 ta' Novembru 2008. Id-Digriet Irjali tal-10 ta' Ottubru 2011 fih dettalji oħra dwar l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi.

(13)

Fis-7 ta' Ottubru 2011, il-Gvernatur tal-BNB kiteb ittra lill-Ministru tal-Finanzi ta' dak iż-żmien biex jagħti opinjoni dwar id-Digriet Irjali (abbozzat) tal-10 ta' Ottubru 2011; pass proċedurali li kien meħtieġ skont il-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-BNB. (18) Il-Gvernatur irrimarka li l-gvern seta' legalment jieħu Digriet Irjali fuq skema ta' garanzija għall-kooperattivi f'każ ta' kriżi mhux mistennija li tolqot is-swieq finanzjarji jew f'każ ta' theddida serja ta' kriżi sistemika. Il-Gvernatur ikkonkluda li ċ-ċirkostanzi kienu jidhru li jirriflettu dawn il-kundizzjonijiet u li skema ta' garanzija għall-kooperattivi tkun tippermetti li jiġu limitati l-effetti ta' kriżi bħal din. (19) Madankollu fl-istess ħin, l-ittra tal-Gvernatur żammet espressament milli tieħu pożizzjoni dwar jekk l-ishma individwali ta' kooperattivi finanzjarji humiex, fl-essenza tagħhom, depożiti jew le (20). L-ittra indikat ukoll li l-miżura tista' tqajjem kwistjonijiet ta' għajnuna mill-Istat (21) u esprimiet tħassib li n-natura mhux obbligatorja tal-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi tista' twassal għal problemi ta' “għażla avversa” (22).

(14)

Fit-13 ta' Ottubru 2011, it-tliet impriżi kooperattivi ta' ARCO (ARCOFIN, ARCOPAR u ARCOPLUS) applikaw biex jieħdu sehem fl-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi. Il-gvern Belġjan approva t-talba tagħhom permezz tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Novembru 2011. (23) Bħala parti mill-applikazzjoni tiegħu, ARCO ħallas ukoll xi tariffi li ammontaw għal total ta' EUR 2,05 miljun. (24)

(15)

Fit-8 ta' Diċembru 2011, il-Laqgħat Ġenerali ta' ARCOFIN, ARCOPAR u ARCOPLUS approvaw il-proposti tal-bords eżekuttivi tagħhom li jipproċedu għal-likwidazzjoni.

2.2.   Id-Direttiva 94/19/KE dwar l-iskemi ta' garanzija għal depożiti

(16)

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 1994 dwar skemi ta' garanzija għal depożiti (25) (“id-Direttiva SGD”) jobbliga lil kull Stat Membru biex:

…jassigura li fit-territorju tiegħu, waħda jew aktar skemi ta' garanzija ta' depożitu jkunu introdotti u uffiċjalment rikonoxxuti. Ħlief f'[ċerti] ċirkostanzi …., l-ebda istituzzjoni ta' kreditu  (26) awtorizzata f'dak l-Istat Membru…, ma tista' tieħu depożiti  (27) sakemm ma tkunx membru ta' skema bħal dik

(17)

Fl-1998, l-Istat Belġjan ittraspona d-Direttiva SGD f'liġi nazzjonali u adotta skema ta' garanzija tad-depożiti li tkopri l-aggregat tad-depożiti ta' depożitur f'każ ta' nuqqas ta' disponibbiltà. Il-garanzija Belġjana tad-depożiti ġiet fdata lil fond ta' garanzija tad-depożiti. Permezz tad-Digriet Irjali tal-14 ta' Novembru 2008, l-Istat Belġjan sussegwentement ħoloq “Fond ta' Protezzjoni Speċjali”, li jkopri l-inizjattivi ulterjuri tal-Istat Belġjan. (28)

(18)

Fil-forma oriġinali tiegħu, l-Artikolu 7 tad-Direttiva SGD kien jipprevedi li l-aggregat tad-depożiti ta' kull depożitur kellu jkun kopert sal-ammont ta' EUR 20 000. Fil-laqgħa tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2008, il-Kunsill ECOFIN qabel li l-kopertura tad-depożiti, li dak iż-żmien kienet prevista mid-Direttiva SGD, għandha tiġi miżjuda. Skont l-istqarrija tal-istampa tiegħu, huwa qabel illi:

“l-Istati Membri kollha għandhom, għal perjodu inizjali ta' minn tal-inqas sena, jipprovdu protezzjoni tal-garanzija tad-depożiti għall-individwi għal ammont minimu ta' EUR 50 000, filwaqt li jirrikonoxxu l-fatt li ħafna Stati Membri jiddeċiedu li jgħollu l-ammont minimu tagħhom għal EUR 100 000. Nilqgħu bi ħġarna l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq b'urġenza proposta xierqa li tippromwovi l-konverġenza ta' skemi ta' garanzija tad-depożiti”.  (29)

(19)

F'dak li jirrigwarda l-kopertura, l-Artikolu 2 tad-Direttiva SGD jipprevedi li l-iskemi ta' garanzija tad-depożiti ma għandhomx jipproteġu l-istrumenti kapitali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu. (30)

(20)

Id-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar skemi ta' garanzija għal depożiti fir-rigward tal-livell ta' kopertura u taż-żmien għar-rimborż (31) żiedet il-livell ta' kopertura tal-iskemi ta' garanzija tad-depożiti (l-ewwel għal minimu ta' EUR 50 000 u mbagħad fil-prinċipju għal minimu EUR 100 000 u sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2010).

(21)

Id-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 1997 dwar skemi ta' kumpens għall-investitur (32) (“id-Direttiva dwar Skemi ta' Kumpens għall-Investitur”) tipprevedi kumpens għall-investituri f'każijiet fejn ditta tal-investiment ma tkunx f'pożizzjoni li tirritorna l-assi li jappartjenu lil xi investitur. Kumpens bħal dan huwa disponibbli pereżempju fejn ikun hemm frodi jew negliġenza f'ditta jew fejn ikun hemm żbalji jew problemi fis-sistemi ta' ditta. Madankollu, l-iskemi ta' kumpens għall-investituri ma jkoprux ir-riskju ta' investiment (pereżempju meta investitur ikun xtara stokks li mbagħad jaqgħu fil-valur).

2.3.   Il-qafas legali Belġjan għall-kumpaniji kooperattivi

(22)

Il-Kodiċi Belġjan tal-Kumpaniji (33) — u b'mod partikolari l-Artikoli 350 sa 436 — jiddefinixxi l-qafas legali għall-kumpaniji kooperattivi. Hu jipprevedi li kooperattiva għandha tagħżel, fl-Istatuti ta' Assoċjazzjoni tagħha, jekk tiħux il-forma ta' “kumpanija b'responsabbiltà limitata” (jiġifieri, it-telf tal-azzjonisti ma jistax imur lil hinn mill-investiment kapitali tagħhom) jew dik ta' “kumpanija b'responsabbiltà illimitata” (jiġifieri, l-azzjonisti jkunu personalment responsabbli għad-dejn tal-kumpanija u għaldaqstant jistgħu jagħmlu telf li jmur lil hinn mill-investiment kapitali tagħhom).

(23)

Il-Kodiċi Belġjan tal-Kumpaniji (b'mod partikolari l-Artikoli 362, 364, 366, 367 u 374) jippermetti ċerti restrizzjonijiet fuq it-trasferibbiltà tal-ishma ta' kumpaniji kooperattivi. L-ishma ta' kumpaniji kooperattivi jistgħu jinbigħu lil azzjonisti oħrajn tal-kooperattiva iżda l-Istatuti ta' Assoċjazzjoni tal-kooperattiva jistgħu jorbtu trasferiment bħal dan b'xi kundizzjonijiet. It-trasferimenti lil partijiet terzi jistgħu jsiru biss skont ċerti kundizzjonijiet u lill-persuni definiti fl-Artikolu 366 tal-Kodiċi Belġjan tal-Kumpaniji.

(24)

Il-Kodiċi Belġjan tal-Kumpaniji (l-Artikolu 367) jipprevedi wkoll li l-azzjonisti tal-kooperattivi jistgħu joħorġu biss mill-kooperattiva fl-ewwel sitt xhur tas-sena finanzjarja. Fil-każ ta' tali ħruġ, l-Artikolu 374 tal-Kodiċi Belġjan tal-Kumpaniji jipprevedi li azzjonist ta' kooperattiva huwa intitolat li jirċievi l-valur tal-ishma tiegħu li jkun ibbażat fuq il-karta bilanċjali tal-kooperattiva.

(25)

Filwaqt li l-Kodiċi Belġjan tal-Kumpaniji jistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-kumpaniji kooperattivi, id-Digriet Irjali tat-8 ta' Jannar 1962 (34) jistipula l-kriterji għall-“kooperattivi rikonoxxuti”. (35) B'mod konkret, kooperattiva rikonoxxuta ma tistax tirrifjuta azzjonisti ġodda jew teskludi azzjonisti eżistenti abbażi ta' spekulazzjoni; l-ishma ta' kumpanija kooperattiva għandhom, irrispettivament mill-valur tagħhom, drittijiet indaqs; l-azzjonisti kollha ta' kooperattiva għandhom drittijiet tal-vot indaqs fil-laqgħat ġenerali annwali (“AGM”); l-AGM għandha taħtar il-membri tal-bord tad-diretturi u tal-bord superviżorju; il-profitti operazzjonali tal-kooperattiva (wara li jitnaqqsu l-kostijiet kollha) jistgħu jitqassmu fost l-azzjonisti iżda biss fuq bażi pro rata għat-tranżazzjonijiet tagħhom mal-kooperattiva, u d-dividend imħallas fuq l-ishma tal-kooperattiva ma jistax jaqbeż ċertu perċentwali ddeterminat mid-Digriet Irjali.

(26)

L-Artikolu 21 tal-Kodiċi Belġjan tat-Taxxa jipprevedi li l-imgħax imħallas fuq l-ishma ta' kumpaniji kooperattivi rikonoxxuti huwa eżentat mit-taxxi minn ras il-għajn sa ċertu ammont. (36)

2.4.   Deskrizzjoni tal-miżura

(27)

L-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi tkopri l-kapital imħallas (u mhux il-gwadanji kapitali potenzjali) minn azzjonisti individwali tal-kooperattivi, li jkun jammonta għal mhux aktar minn EUR 100 000.

(28)

B'kuntrast mal-iskema ta' garanzija tad-depożiti għall-istituzzjonijiet ta' kreditu, l-isħubija fl-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi hija fakultattiva.

(29)

Jekk il-kooperattivi finanzjarji jridu jieħdu sehem fl-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi, dawn iridu japplikaw mal-Ministeru tal-Finanzi. Il-Kunsill tal-Ministri għandu xahar żmien biex jiddeċiedi jekk jippermettix lill-kooperattiva finanzjarja li tkun applikat, tipparteċipa fl-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi, soġġetta għal xi kundizzjonijiet skont kif ikun meħtieġ. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jinkludu:

(a)

l-obbligu li jiġu riżervati offerti pubbliċi futuri għall-azzjonisti tal-istituzzjonijiet;

(b)

l-impenn tal-azzjonisti kollha tal-istituzzjonijiet li ma jirtirawx l-ishma jew kwalunkwe flus imħallsa lill-kumpanija kooperattiva u li ma jirriżenjawx mir-rwol tagħhom ta' azzjonisti sakemm mhux permezz ta' trasferiment tal-ishma; u

(c)

limitu massimu ta' 4,5 % fis-sena fuq l-imgħax li għandu jitħallas lill-azzjonisti.

(30)

Ladarba kooperattiva finanzjarja tkun applikat għall-kopertura, din ma tistax toħroġ mill-iskema għal perjodu ta' sena. Wara li jgħaddi dan il-perjodu, il-kooperattiva tista' ġġib fi tmiemha l-parteċipazzjoni tagħha billi tagħti preavviż ta' tliet xhur. Mhux se jkunilha possibbli li tirkupra l-kontribuzzjonijiet imħallsa, tkun xi tkun il-forma tagħhom. Jekk kooperattiva tiddeċiedi li toħroġ mill-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi, trid tistenna li jgħaddu tliet snin qabel ma tkun tista' terġa' tipparteċipa.

(31)

L-ishma ta' kooperattivi li nħarġu qabel id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Irjali tal-10 ta' Ottubru 2011 biss, huma koperti mill-miżura.

(32)

L-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi hija disponibbli biss għall-azzjonisti individwali u mhux għall-azzjonisti tal-istituzzjonijiet ta' kooperattivi finanzjarji.

(33)

Il-finanzjament tal-Fond ta' Protezzjoni Speċjali joriġina minn:

(i)

kontribuzzjoni annwali ta' 0,15 % tal-ammont protett (pagabbli mill-parteċipanti kollha); u

(ii)

tariffa tad-dħul ta' darba ta' 0,10 % tal-ammont protett (pagabbli mill-kooperattivi).

(34)

Barra minn hekk, il-kooperattivi finanzjarji jistgħu jintalbu wkoll iħallsu kontribuzzjoni ta' qligħ kapitali lill-Fond ta' Protezzjoni Speċjali, b'rabta mal-parteċipazzjonijiet azzjonarji elenkati tagħhom. Il-kontribuzzjoni ta' qligħ kapitali tikkorrispondi ma' massimu ta' 10 % tad-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ tal-ishma rilevanti (jew, jekk ma jsir l-ebda bejgħ għal perjodu ta' tliet snin wara ċ-ċessjoni tas-sistema ta' protezzjoni, il-prezz tal-istokk medju tal-għeluq tas-sehem rilevanti matul perjodu ta' 30 jum qabel it-tielet anniversarju) u l-prezz referenzjarju ffissat mill-gvern meta kooperattiva finanzjarja tissieħeb fi skema ta' garanzija għall-kooperattivi.

(35)

Il-Fond ta' Protezzjoni Speċjali jibda jgħaddi l-pagamenti jekk il-kooperattiva finanzjarja tfalli jew jekk is-superviżorju finanzjarju jkun wissa lill-Fond ta' Protezzjoni Speċjali li l-kooperattiva finanzjarja ma għadhiex tista' tħallas lura lill-azzjonisti tagħha li jkunu jixtiequ joħorġu minnha.

(36)

Jekk il-Fond ta' Protezzjoni Speċjali ma jkollux biżżejjed mezzi biex jissodisfa dmirijietu, jagħmel avvanz tal-mezzi neċessarji l-Uffiċċju tad-Depożiti u l-Kunsinni (Caisse des dépôts et consignations), li huwa korp governattiv mingħajr status legali. Skont jekk l-istituzzjoni falluta tkunx parteċipanta obbligatorja jew kooperattiva finanzjarja, dan l-avvanz jiġi rimborżat aktar tard billi:

jiġu allokati 50 % tal-kontribuzzjonijiet annwali li għandhom jitħallsu mill-parteċipanti obbligatorji;

tiġi allokata kontribuzzjoni annwali speċjali li għandha titħallas mill-kooperattivi finanzjarji (li l-parteċipazzjoni tagħhom tkun waħda volontarja)

(37)

Jekk jintervjeni l-Fond ta' Protezzjoni Speċjali, dan jakkwista d-drittijiet tal-azzjonist kooperattiv individwali, filwaqt li jingħata klassifika identika għal dik tal-azzjonisti l-oħra li jkun għad fadal. Din il-karatteristika hija differenti mill-iskema ta' garanzija tad-depożiti għall-istituzzjonijiet ta' kreditu fejn il-Fond għandu klassifika identika għal dik tal-kredituri l-oħra tal-kumpanija rilevanti.

2.5.   Deskrizzjoni ta' ARCO

(38)

Storikament, ARCO kien azzjonist ta' Artesia Banking Corporation NV (minn issa 'l quddiem imsejħa “Artesia”), li hija stess kienet tipposjedi 100 % tal-bank BACOB u 82 % tal-kumpanija tal-assigurazzjoni DVV. B'riżultat tal-amalgamazzjoni ta' Artesia ma' Dexia fl-2001, ARCO sar l-akbar azzjonist ta' Dexia b'sehem ta' madwar 15 %. (37)

(39)

ARCO huwa isem ta' grupp għal ARCOPAR, ARCOPLUS u ARCOFIN, li huma kollha kumpaniji kooperattivi rikonoxxuti. (38) ARCO għandu aktar minn 800 000 membru u 99 % minnhom huma persuni individwali. Il-kapital tal-azzjonisti individwali f'ARCOPAR, ARCOPLUS u ARCOFIN kien jammonta għal EUR 1,3 biljun, EUR 46 miljun u EUR 140 miljun rispettivament.

(40)

L-Istatuti ta' Assoċjazzjoni ta' ARCOPAR, ARCOPLUS u ARCOFIN jipprevedu li t-tliet entitajiet huma kumpaniji b'responsabbiltà limitata. (39)

(41)

L-Istatuti ta' Assoċjazzjoni tat-tliet entitajiet fihom dispożizzjonijiet li huma rilevanti għall-azzjonisti li jixtiequ joħorġu minnhom.

(42)

Pereżempju, l-Istatuti ta' Assoċjazzjoni ta' ARCOPAR jipprevedu li l-kooperattiva tista' tirrestrinġi l-ħruġ jekk aktar minn 10 % tal-kapital totali tal-kooperattiva jew tal-bażi tal-azzjonisti kellhom jippruvaw joħorġu fl-istess sena finanzjarja (40). Azzjonist li jkun jixtieq joħroġ minn ARCOPAR ikun jista' jġib il-kapital tiegħu lura. L-azzjonisti tal-ishma tal-kategoriji A, B u C ta' ARCOPAR (41) huma intitolati wkoll għal “riżerva bonus”. (42)

(43)

L-Artikolu 35 fl-Istatuti ta' Assoċjazzjoni ta' ARCOPAR jiddeskrivi l-ammont li l-azzjonisti ta' ARCOPAR huma intitolati li jirċievu f'każ ta' likwidazzjoni. Sostanzjalment, jekk ikun hemm bilanċ pożittiv wara r-ripagament tad-dejn u tal-kostijiet soċjali, l-azzjonisti jiġu rimborżati. (43)

(44)

Ir-riskji marbuta mal-investiment fl-ishma ta' ARCO ġew deskritti pereżempju fil-prospett ta' ARCOPAR approvat mill-awtoritajiet Belġjani f'Ġunju 2008 u ppubblikat għal operazzjoni ta' suq tal-kapital li seħħet bejn is-7 ta' Lulju 2008 u t-30 ta' Settembru 2008. Dan il-prospett jagħmilha ċara li l-profitti relatati ma' Dexia kienu jirrappreżentaw aktar minn 69 % tal-profitti netti ta' ARCOPAR fis-snin finanzjarji 2005/2006, 2006/2007 u 2007/2008. Il-prospett kien jirreferi wkoll għar-riskju li jkun hemm ħruġ kbir f'salt, filwaqt li enfasizza li f'likwidazzjoni l-azzjonisti jistgħu jitilfu kollox. Fl-istess ħin, ir-rapporti annwali tal-kumpanija għamluha ċara li ARCO żied ir-rata ta' dejn tiegħu billi rrikorra għall-ingranaġġ sabiex ikun jista' jinvesti. (44)

2.6.   Raġunijiet għall-inizjalar tal-proċedura ta' ftuħ

(45)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet, fuq bażi preliminari, li l-miżura notifikata ssodisfat l-erba' kriterji (kumulattivi) tal-għajnuna mill-Istat u li kellha dubji jekk il-miżura setgħetx tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern.

(46)

Il-Kummissjoni qieset il-miżura bħala imputabbli għall-Istat Belġjan, billi ġiet iffinanzjata mill-Fond ta' Protezzjoni Speċjali. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni nnutat li l-leġiżlazzjoni Belġjana stabbilixxiet il-kontribuzzjoni li l-parteċipanti kellhom iħallsu lill-Fond ta' Protezzjoni Speċjali u ddeterminat ukoll kif kellhom jintużaw dawn il-fondi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li, jekk ikun hemm bżonn, l-Uffiċċju tad-Depożiti u l-Kunsinni javvanza fondi lill-Fond ta' Protezzjoni Speċjali. Il-Kummissjoni ddubitat kif l-Uffiċċju tad-Depożiti u l-Kunsinni jitħallas lura, billi ma kienx ċar jekk il-kooperattivi finanzjarji jkollhomx biżżejjed mezzi finanzjarji għad-dispożizzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni ġiet fid-dubju wkoll jekk il-fatt li l-parteċipazzjoni għall-kooperattivi finanzjarji hija waħda fakultattiva, ifixkilx ir-rifinanzjament tal-Fond ta' Protezzjoni Speċjali milli jkun effikaċi.

(47)

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-kooperattivi finanzjarji jistgħu jitqiesu bħala impriżi u li l-miżura ġabet magħha vantaġġ selettiv fil-konfront tagħhom. Fir-rigward tal-vantaġġ selettiv, l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi tidher li għenet lill-kooperattivi biex jew jattiraw kapital ġdid jew inkella biex iżommu l-kapital eżistenti, filwaqt li jikkonvinċu lill-azzjonisti kooperattivi eżistenti ma jirtirawx mill-kooperattivi finanzjarji. Protezzjoni bħal din kienet partikolarment rilevanti f'perjodi ta' inċertezza finanzjarja bħall-perjodu ta' bejn il-ħarifa 2008 u d-data li fiha ġie adottat id-Digriet Irjali, meta l-kooperattivi finanzjarji ġew imħarsa b'effikaċja mir-riskju ta' żborżamenti sinifikanti marbuta mal-ħruġ.

(48)

Il-Kummissjoni osservat ukoll li l-protezzjoni kienet estensiva u li l-Istat Belġjan ippermetta d-dħul fl-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi, irrispettivament mis-saħħa finanzjarja tal-kooperattiva finanzjarja li tkun applikat. Fl-eżempju ta' ARCO, il-kooperattivi finanzjarji tħallew jidħlu fl-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi meta dawn diġà kienu insolventi, biex imbagħad daħlu f'likwidazzjoni ftit taż-żmien wara.

(49)

Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-miżura ħolqot distorsjoni fil-kompetizzjoni minħabba li l-kooperattivi finanzjarji kienu qed jikkompetu fis-suq għall-prodotti ta' investiment għall-konsumatur fejn ibbenefikaw minn vantaġġ selettiv li ma kienx disponibbli għall-atturi l-oħrajn tas-suq bi prodotti simili.

(50)

Il-Kummissjoni qieset ukoll li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi kellha impatt fuq il-kummerċ intern tal-Unjoni. Fil-fatt, bosta fornituri internazzjonali tal-prodotti ta' investiment li huma attivi fis-suq Belġjan ma għandhomx dritt għall-istess sehem mis-suq li kwalunkwe kooperattiva finanzjarja kapaċi tippreserva permezz tal-miżura.

(51)

Il-Kummissjoni ġiet fid-dubju jekk il-kooperattivi finanzjarji setgħux jiġu kkunsidrati bħala istituzzjonijiet finanzjarji u jekk dan il-fattur kellux implikazzjonijiet fuq l-applikabbiltà tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008. (45) Il-Kummissjoni kkonkludiet li billi l-kooperattivi finanzjarji ma jidhrux li huma istituzzjonijiet finanzjarji skont it-tifsira tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008, l-għajnuna trid tiġi evalwata direttament fid-dawl tat-Trattat.

(52)

B'mod konkret, sabiex tkun kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, miżura trid tkun neċessarja, xierqa u proporzjonata. Il-Kummissjoni kienet qed tiddubita jekk il-miżura kinitx tissodisfa dawn it-tliet kriterji kumulattivi. Kellha dubji jekk il-protezzjoni tal-azzjonisti tal-kooperattivi finanzjarji kinitx neċessarja biex jiġi evitat taqlib serju tal-ekonomija Belġjana. Fir-rigward tar-riperkussjonijiet potenzjali, il-Kummissjoni rrimarkat li l-Belġju diġà kien adotta diversi miżuri (pereżempju, iż-żieda tal-kopertura fil-qafas tal-iskema ta' garanzija għad-depożiti għal EUR 100 000 u l-miżuri ta' għajnuna mill-Istat lil diversi banek f'forom varji [miżuri ta' rikapitalizzazzjoni, miżuri ta' likwidità u miżuri ad hoc]). Għaldaqstant, ma ratx għalfejn, apparti dawn il-miżuri kollha, kien neċessarju li tingħata protezzjoni lill-azzjonisti tal-kooperattivi finanzjarji.

(53)

Il-Kummissjoni ddubitat li kien xieraq li tingħata protezzjoni lill-azzjonisti tal-kooperattivi finanzjarji. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li l-kooperattivi finanzjarji mhumiex istituzzjonijiet finanzjarji u meta jiġi kkunsidrat id-daqs tagħhom, ma dehrux li kienu ta' importanza sistemika. Hija stiednet lill-Istat Belġjan jispjega permezz ta' liema kanali t-telf tal-investiment — li ġġarrab ukoll mill-investituri f'fondi mutwi pereżempju — seta' ħoloq riperkussjonijiet negattivi kbar għall-ekonomija Belġjana.

(54)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ddubitat jekk il-miżura kinitx proporzjonata. L-ewwel nett, ma kienx ċar għall-Kummissjoni jekk il-kooperattivi finanzjarji kinux se jħallsu remunerazzjoni xierqa għall-garanzija. It-tieni nett, il-Kummissjoni osservat li d-diskrezzjoni tas-sħubija fl-iskema flimkien man-nuqqas ta' verifika ta' vijabbiltà fil-proċedura tad-dħul prevista mill-Istat Belġjan, implikat li l-kooperattivi finanzjarji kellhom inċentiva biex jidħlu biss ladarba kienu ċerti li l-garanzija kienet se tiġi eżegwita. Dan seta' jwassal għal sitwazzjonijiet fejn il-benefiċjarji setgħu jużaw il-garanzija filwaqt li, sa ċertu punt, jevitaw li jħallsu għaliha. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tħassbet ukoll jekk l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi kinitx se toħloq distorsjoni bla bżonn fil-kompetizzjoni, billi l-azzjonisti ta' kumpaniji kompetituri ma kinux protetti, u b'hekk jiġi ffaċilitat l-aċċess għal kapital għall-kooperattivi finanzjarji u jiżdied is-sehem globali tagħhom mis-suq tal-investiment għall-konsumatur.

3.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI DWAR ID-DEĊIŻJONI TA' FTUĦ

3.1.   Kummenti mingħand ARCO

(55)

Skont ARCO, fl-10 ta' Ottubru 2008, il-gvern Belġjan iddeċieda u ħabbar il-ħolqien tal-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi bħala parti minn pakkett usa' (iż-żieda tal-garanzija tad-depożiti għad-depożiti tat-tfaddil ta' istituzzjonijiet ta' kreditu għal EUR 100 000 u l-estensjoni tal-iskema ta' garanzija għall-prodotti ta' assigurazzjoni tal-ħajja tal-“fergħa 21” u għal azzjonisti individwali ta' kooperattivi finanzjarji). ARCO saħaq li d-deċiżjoni tal-10 ta' Ottubru 2008 kienet implimentata għall-prodotti tal-“fergħa 21” permezz tal-liġi tal-15 ta' Ottubru 2008 u tad-Digriet Irjali tal-14 ta' Novembru 2008, u għaċ-ċertifikati ta' ishma maħruġa mill-kooperattivi finanzjarji permezz tal-liġi tal-14 ta' April 2009 u tad-Digriet Irjali tal-10 ta' Ottubru 2011.

(56)

ARCO ddikjara li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi mhijiex għajnuna mill-Istat għax ma tikkonferixxix vantaġġ selettiv lill-kooperattivi finanzjarji. ARCO saħaq ukoll li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema ta' garanzija għall-prodotti tal-fergħa 21 ta' kumpaniji tal-assigurazzjoni ma kinux jinvolvu l-għajnuna mill-Istat, għax l-iskema kienet miftuħa għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni kollha u għaldaqstant ma kinitx selettiva. (46) Barra minn hekk, ARCO jafferma li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi hija miftuħa għall-kooperattivi finanzjarji kollha bl-istess kundizzjonijiet u għalhekk mhijiex selettiva.

(57)

F'konformità mal-osservazzjonijiet tal-gvern Belġjan, ARCO argumenta li l-karatteristiċi kollha tal-ishma f'kooperattivi finanzjarji jikkonfermaw li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet tal-klijenti bħad-depożiti u li l-leġiżlatur jittrattahom bħala tali. ARCO enfasizza li l-gvern Belġjan kien imħasseb dwar l-effett ta' kontaminazzjoni. Kieku l-Istat Belġjan ma ntroduċiex l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi, kien idgħajjef il-fiduċja tal-investitur u seta' wassal għal assalt mill-prodotti kollha tat-tfaddil.

3.2.   Kummenti mingħand l-Istat Belġjan

(58)

L-Istat Belġjan argumenta illi l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi ma tissodisfax il-kriterji kumulattivi kollha tal-għajnuna mill-Istat, imniżżla fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat, u għaldaqstant ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. B'mod konkret, l-Istat Belġjan iddikjara li hemm tliet kriterji tal-għajnuna mill-Istat li mhumiex issodisfati. L-ewwel nett, l-Istat Belġjan iddefenda l-fehma li l-miżura tirrappreżenta biss għajnuna lil individwi u mhux lil impriżi. Imbagħad, l-Istat Belġjan argumenta illi l-miżura ma tirrappreżentax vantaġġ selettiv għall-kooperattivi finanzjarji, u fl-aħħar nett, l-Istat Belġjan sostna li l-miżura ma toħloqx distorsjoni.

(59)

Fir-rigward tal-argument li l-għajnuna mhijiex ta' benefiċċju għall-impriżi, l-Istat Belġjan stqarr li l-iskema normali ta' garanzija għall-kooperattivi għall-istituzzjonijiet ta' kreditu, inkluża l-estensjoni tagħha (jiġifieri, l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi) ġiet adottata fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ECOFIN, tad-Direttiva SGD kif emendata u tad-Direttiva dwar l-Iskema ta' Garanzija tad-Depożiti, u f'konformità magħhom.

(60)

L-Istat Belġjan iddefenda l-fehma li l-ishma individwali f'kooperattivi finanzjarji għandhom il-karatteristiċi kollha tad-depożiti u jinxtraw ukoll bħala tali. Huwa enfasizza l-karatteristiċi segwenti:

(i)

Il-benefiċjarji (individwali) tal-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi jixirqilhom l-istess protezzjoni bħad-depożituri ma' istituzzjonijiet oħrajn, attivi fl-istess settur u soġġetti għall-istess superviżjoni.

(ii)

Għal skopijiet ta' taxxa, kemm id-dividendi mħallsa mill-kooperattivi finanzjarji kif ukoll l-imgħax imħallas fuq id-depożiti huma — sa ċertu ammont fiss — eżentati mit-taxxa minn ras il-għajn. (47)

(iii)

L-azzjonisti individwali ta' kooperattivi finanzjarji jistgħu jinkitbu biss għal ammont massimu speċifiku ta' kapital, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Istatuti ta' Assoċjazzjoni tal-kooperattiva finanzjarja.

(iv)

L-azzjonisti ta' kooperattivi finanzjarji jistgħu joħorġu mill-kumpanija biss fl-ewwel sitt xhur ta' sena finanzjarja, u azzjonist li jkun jixtieq joħroġ ma jkunx intitolat għal parti pro rata tal-gwadanji kapitali tal-kooperattiva. Skont l-Istat Belġjan, il-valur tal-ishma ta' kooperattiva ma jirriflettix il-valur tal-assi sottostanti tal-kooperattiva finanzjarja u għalhekk, l-ishma f'kooperattivi finanzjarji ma jikkompetux mal-prodotti ta' investiment inġenerali iżda jikkompetu biss mas-subsett tal-prodotti li diġà jibbenefikaw minn garanzija mill-Istat (jiġifieri, id-depożiti u l-prodotti ta' assigurazzjoni tal-ħajja tal-“fergħa 21”).

(v)

L-ishma f'kooperattivi finanzjarji huma rreġistrati u t-trasferibbiltà tagħhom hija limitata bil-liġi. (48) Ma jistgħux jiġu mibjugħa b'mod liberu bil-għan li jinħolqu gwadanji kapitali. L-azzjonisti f'kooperattivi finanzjarji huma intitolati biss għal dividend modest (eżentat mit-taxxa) u għal rimborż meta ma jibqgħux iktar azzjonisti.

(vi)

L-ishma f'kooperattivi finanzjarji ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala investiment f'ishma ta' korporattiva jew ta' entità elenkata.

(vii)

L-ishma f'kooperattivi finanzjarji ma jistgħux jiġu meqjusa bħala investiment ta' riskju billi l-azzjonisti ta' kooperattivi finanzjarji mhumiex intitolati jirċievu gwadanji kapitali.

(viii)

L-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi tipproteġi biss l-ishma ta' persuni fiżiċi (għall-kuntrarju tal-istituzzjonijiet).

(61)

Fir-rigward tan-nuqqas ta' vantaġġ selettiv, l-Istat Belġjan indika li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi tkopri biss l-ishma ta' kooperattivi finanzjarji maħruġa qabel l-10 ta' Ottubru 2011. L-Istat Belġjan osserva li wara dik id-data, il-kooperattivi finanzjarji ma setgħux jirrikorru għall-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi biex jiksbu pożizzjoni f'xi suq. L-Istat Belġjan iċċara wkoll li ARCO ma kien ħareġ l-ebda sehem ġdid sa minn Settembru 2008.

(62)

L-Istat Belġjan ċaħad ukoll li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi għenet lill-kooperattivi finanzjarji jżommu l-kapital eżistenti. Sabiex isostni dan l-argument, l-Istat Belġjan iddikjara li l-istqarrija għall-istampa tal-10 ta' Ottubru 2008 kienet sempliċement proposta għal inizjattiva ta' politika, li kemm semmiethom il-kooperattivi finanzjarji. Skont l-Istat Belġjan, l-istqarrija għall-istampa tal-10 ta' Ottubru 2008 ma kinitx tikkostitwixxi ftehim dettaljat li ġie kkoordinat ma' xi stqarrijiet għall-istampa konkorrenti minn kooperattivi finanzjarji. F'dan ir-rigward, l-Istat Belġjan għamel distinzjoni bejn l-istqarrija għall-istampa tiegħu u l-istqarrijiet għall-istampa maħruġa mill-gvern tar-Renju Unit u minn Lloyds fil-kawża Lloyds (49) li l-Kummissjoni għamlet referenza għalihom fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ. L-Istat Belġjan ikkonkluda li l-istqarrija għall-istampa tal-10 ta' Ottubru 2008 mhijiex it-tip ta' miżura li tista' toffri vantaġġ selettiv lill-kooperattivi finanzjarji. Fir-rigward tal-istqarrija għall-istampa sussegwenti tal-21 ta' Jannar 2009, l-Istat Belġjan ikkunsidra l-fatt li ARCO ppubblika mal-ewwel din l-istqarrija għall-istampa tal-gvern fuq il-websajt tiegħu bħala ħaġa normali, billi dak iż-żmien, il-kooperattivi finanzjarji kollha (inkluż ARCO) kienu qed isegwu l-kwistjoni mill-qrib.

(63)

L-Istat Belġjan insista li l-Kummissjoni għandha ssegwi l-istess approċċ li kienet ħadet fir-rigward ta' Ethias, u kkonkluda li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi ma kinitx selettiva. L-Istat Belġjan saħaq ukoll li l-pożizzjoni speċjali ta' kooperattivi ġenwini kienet diġà ġiet rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja f'Paint Graphos (50). L-Istat Belġjan irrefera b'mod speċjali għall-paragrafu 61 ta' Paint Graphos, li minnu jidher biċ-ċar li, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tagħhom, tali kooperattivi “ma jistgħux, fil-prinċipju, jitqiesu bħala li huma f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli għal dik ta' kumpaniji kummerċjali”.

(64)

L-Istat Belġjan ipprovda wkoll tagħrif dwar l-għadd ta' azzjonisti ta' ARCO li ħarġu mill-entità sa mill-bidu tal-kriżi. Fis-snin finanzjarji li wasslu għal-likwidazzjoni volontarja, l-għadd ta' azzjonisti ta' ARCO li talbu li jkollhom il-kapital tagħhom rifuż kienu jammontaw għal 9 764 fl-2007/2008, 21 150 fl-2008/2009 u 23 762 fl-2010/2011.

(65)

Fir-rigward tal-effetti ta' distorsjoni tal-miżura, l-Istat Belġjan argumenta li l-Kummissjoni kellha tispjega sa fejn kien possibbli, ma' liema prodotti finanzjarji, jikkompetu l-ishma f'kooperattivi finanzjarji, anke jekk l-awtoritajiet Belġjani rrikonoxxew li, fi proċedura ta' għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tipproċedi b'eżerċizzju dettaljat ta' definizzjoni tas-swieq. Fis-sustanza, l-Istat Belġjan ddikjara li l-azzjonisti individwali ta' kooperattivi finanzjarji gawdew mill-istess livell ta' protezzjoni li ġie offrut lill-investituri fil-prodotti kollha simili ta' depożitu/tfaddil.

(66)

L-awtoritajiet Belġjani spjegaw ukoll li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi għandha l-istess skop bħad-Direttiva SGD, jiġifieri li tipproteġi d-depożiti ta' faddala individwali, li żżomm il-fiduċja tad-depożituri u li tikseb stabbiltà akbar tas-swieq finanzjarji. L-Istat Belġjan jemmen li l-iskemi ta' garanzija tad-depożiti ta' Stati Membri oħrajn, xi drabi jkopru wkoll prodotti ta' depożitu mhux klassiċi u argumenta li l-Kummissjoni għandha tieħu dan il-fattur inkunsiderazzjoni. (51)

(67)

L-Istat Belġjan insista wkoll li — kieku l-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi tirrappreżenta għajnuna mill-Istat — l-għajnuna għandha titqies bħala kompatibbli mas-suq intern, abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat. L-Istat Belġjan qies li mhux rilevanti jekk ARCO huwiex istituzzjoni finanzjarja jew le skont it-tifsira tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008. Skont l-Istat Belġjan, il-mistoqsija kruċjali li l-Kummissjoni għandha twieġeb hija jekk l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi tikkostitwixxix intervent xieraq u neċessarju biex jiġi evitat taqlib serju tal-ekonomija.

(68)

L-Istat Belġjan iddefenda l-fehma li l-miżura hija neċessarja, li l-effetti tagħha huma limitati għall-minimu meħtieġ u li jeżistu mekkaniżmi ta' kondiviżjoni tal-piżijiet.

(69)

L-ewwel, l-Istat Belġjan żviluppa l-argument li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi hija xierqa u neċessarja biex isserraħ ras id-depożituri fil-Belġju.

(70)

Il-Belġju ammetta li kien teoretikament possibbli li l-istituzzjonijiet li pproteġew id-depożiti fuq il-karta bilanċjali tagħhom setgħu jiksbu benefiċċju indirett mill-eżistenza ta' tali skemi ta' protezzjoni, billi dawn jikkontribwixxu biex jiġu evitati “assalti bankarji”. Madankollu, huwa spjega li l-iskemi ta' garanzija tad-depożiti huma neċessarji biex jiġu evitati l-assalti bankarji u t-taqlib tas-swieq finanzjarji. L-Istat Belġjan ammetta li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi kienet meħtieġa biex jiġi evitat li tonqos il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema finanzjarja Belġjana. Il-fatt li l-ishma ta' kooperattivi jippreżentaw il-karatteristiċi bażiċi tal-prodotti tat-tfaddil u li iktar minn nofs il-fondi miżmuma mill-kooperattivi huma investiti f'banek, irrinforza s-similaritajiet tagħhom għad-depożiti u enfasizza l-importanza tagħhom għas-sistema bankarja Belġjana. Inadempjenza mhux kontrollata tal-kooperattivi finanzjarji jkollha effett valanga fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha u fuq l-ekonomija Belġjana. Li ma jingħatax l-istess livell ta' protezzjoni lill-ishma tal-kooperattivi finanzjarji bħalma jingħata lid-depożiti bażiċi, ikun jinvolvi l-istess riskju bħallikieku ma tingħatax protezzjoni lid-depożiti. Dan ikollu impatt kbir fuq il-fiduċja tal-pubbliku fil-prodotti kollha ta' depożitu fil-Belġju u joħloq riskju sistemiku. B'sostenn għall-argumenti tiegħu, l-Istat Belġjan irrefera għall-fatt li l-għadd ta' azzjonisti (persuni fiżiċi) fil-kooperattivi finanzjarji huwa kbir meta tikkumparah mal-popolazzjoni totali tal-Belġju. (52)

(71)

L-Istat Belġjan oġġezzjona wkoll bis-sħiħ għal-lingwaġġ li l-Kummissjoni użat fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, u b'mod partikolari għat-termini “strumenti kapitali” u “kapital ta' riskju” użati fil-premessa 62 u fin-nota f'qiegħ il-paġna 35 rispettivament.

(72)

Sabiex juri n-neċessità tal-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi, l-Istat Belġjan ipprovda wkoll lill-Kummissjoni bl-ittri mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja u mill-Gvernatur tal-BNB indirizzati lill-Ministru tal-Finanzi ta' dak iż-żmien, iddatati d-29 ta' Ottubru 2008 (53) u s-7 ta' Ottubru 2011 (54) rispettivament.

(73)

Meta kkummenta dwar il-kompatibbiltà tal-miżura, l-Istat Belġjan irrefera għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar Ethias. Skont l-Istat Belġjan, il-Kummissjoni aċċettat miżuri li ffavorixxew lil Ethias, inkluża l-estensjoni tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti għall-prodotti tal-“fergħa 21” kif xieraq u neċessarju, biex jiġi evitat taqlib serju fl-ekonomija Belġjana.

(74)

It-tieni nett, l-Istat Belġjan sostna l-fehma tiegħu li l-miżura hija proporzjonata. Il-kooperattivi finanzjarji jikkondividu l-piż, inter alia permezz tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-Fond ta' Protezzjoni Speċjali. L-Istat Belġjan qies il-livell ta' remunerazzjoni għall-garanzija bħala raġonevoli u simili għall-kontribuzzjonijiet għal skemi ta' garanzija ta' istituzzjonijiet protetti oħrajn. L-Istat Belġjan ma qabilx li n-natura volontarja tal-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi setgħet trendi l-miżura sproporzjonata.

(75)

L-Istat Belġjan afferma li, kieku l-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, hija għandha tqis li l-miżura kienet għajnuna ta' likwidazzjoni kompatibbli mar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. L-Istat Belġjan fakkar li d-Digriet Irjali tas-7 ta' Novembru 2011 jipprevedi ċar u tond li, kwalunkwe pagament mill-Fond ta' Protezzjoni Speċjali f'każ ta' likwidazzjoni ta' kwalunkwe kooperattiva rilevanti, iseħħ biss wara li tinħareġ u tiġi approvata l-ordni finali tal-likwidazzjoni.

(76)

L-Istat Belġjan iddefenda wkoll il-fehma li, minħabba li l-persuni fiżiċi ma kinux impriżi, l-inġunzjoni ta' sospensjoni min-naħa tal-Kummissjoni ma kopritx il-pagament ta' individwi wara l-likwidazzjoni ta' ARCO.

(77)

Il-Belġju ssottometta xi kummenti ulterjuri f'ittra lill-Kummissjoni ddatata t-18 ta' Marzu 2014, li kien wara t-terminu ta' żmien stipulat.

(78)

Huwa argumenta li l-Kummissjoni ma setgħetx tipprojbixxi l-pagament ta' garanziji lill-azzjonisti individwali. Il-Kummissjoni ma setgħetx tobbliga lill-Belġju jissospendi l-pagamenti fil-qafas tal-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi, u lanqas li jirkupra l-pagamenti li kienu saru lill-azzjonisti individwali fil-qafas tal-iskema.

(79)

L-azzjonisti, li kienu persuni fiżiċi, mhumiex impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, u l-pagament tal-garanzija lill-azzjonisti individwali ma kien se jkollu l-ebda impatt fuq ARCO jew fuq il-possibbiltà li l-Istat Belġjan jirkupra l-għajnuna riċevuta minn dawn l-impriżi.

4.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

4.1.   Il-benefiċjarju tal-miżura

(80)

L-ewwel nett, bħala osservazzjoni preliminari, il-Kummissjoni tfakkar li fil-premessa (18) tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, hija argumentat li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi kienet ta' benefiċċju għall-kooperattivi finanzjarji. Madankollu, analiżi bir-reqqa tal-kronoloġija u l-karatteristiċi tal-miżura żvelaw li ARCO kien l-uniku benefiċjarju reali tal-miżura, hekk kif se jiġi deskritt f'din it-taqsima.

(81)

F'dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni tosserva li hemm differenza importanti bejn ARCO u l-kooperattivi finanzjarji l-oħra li kienu potenzjalment eliġibbli li jipparteċipaw fl-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi.

(82)

Mid-deskrizzjoni tal-fatti, (55) jidher biċ-ċar li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi mill-bidu kienet magħmula apposta għal ARCO, li kien daħal fl-inkwiet minħabba l-investimenti li kien għamel f'Dexia. Fl-aħħar mill-aħħar, ARCO kien l-unika kooperattiva finanzjarja li applikat biex tipparteċipa fil-miżura.

(83)

F'dak li jirrigwarda l-kooperattivi finanzjarji l-oħrajn, il-Kummissjoni tinnota li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi hija skema volontarja, li l-Kunsill tal-Ministri kellu d-diskrezzjoni fuq l-ammissjoni jew le ta' kooperattiva finanzjarja fl-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi, u fejn xieraq, abbażi ta' liema kundizzjonijiet; hija tinnota wkoll li l-ebda kooperattiva finanzjarja oħra ma applikat biex tissieħeb mal-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi u li uħud minnhom tbiegħdu minnha b'mod attiv. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-ebda kooperattiva finanzjarja oħra ma kellha problemi marbuta mal-investimenti tagħha bħalma kellu ARCO ma' Dexia.

(84)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-uniku benefiċjarju reali tal-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi, li jwettaq attivitajiet ekonomiċi, huwa ARCO.

4.2.   It-tħabbira u l-implimentazzjoni tal-miżura jikkostitwixxu intervent uniku

(85)

Il-Kummissjoni tosserva li l-miżura ġiet deċiża u mħabbra mill-gvern fl-10 ta' Ottubru 2008. (56) Jidher biċ-ċar li l-gvern Belġjan kien ħa d-deċiżjoni li joffri lil ARCO l-benefiċċju ta' skema ta' garanzija għall-kooperattivi fl-istess waqt meta tfasslet il-miżura favur Dexia fl-2008. (57) Stqarrija oħra mill-istampa, tal-21 ta' Jannar 2009, kompliet tagħti iktar dettalji dwar il-miżura u wara dan inbdiet it-traspożizzjoni legali tal-impenn tal-gvern.

(86)

Il-Kummissjoni tinnota li l-lingwaġġ u t-tip ta' termini (bħal “décidé” u “l'engagement”) użati fl-istqarrijiet għall-istampa tal-10 ta' Ottubru 2008 u tal-21 ta' Jannar 2009, li jixhdu natura vinkolanti u mhux ambigwa, ħolqu aspettattiva leġittima li l-miżura kienet se tiġi implimentata.

(87)

L-istqarrijiet għall-istampa ntbagħtu wkoll permezz tal-kanali uffiċjali: l-istqarrija għall-istampa tal-10 ta' Ottubru 2008 intbagħtet mis-servizzi tal-Ministru tal-Finanzi, filwaqt li l-istqarrija għall-istampa tal-21 ta' Jannar 2009 intbagħtet f'isem il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi. In-natura repetittiva ta' dawn il-komunikazzjonijiet għall-istampa rrinfurzaw il-messaġġ sottostanti.

(88)

Il-Kummissjoni tinnota li sa minn meta ħarġet l-istqarrija għall-istampa tal-10 ta' Ottubru 2008 diġà kien jidher biċ-ċar li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi kienet se tkun imfassla bħala estensjoni tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti. L-istqarrija għall-istampa tal-10 ta' Jannar 2009 fiha dettalji tekniċi oħrajn. Hekk kif l-istqarrija għall-istampa tal-21 ta' Jannar 2009 ġiet ippubblikata, ARCO ppubblikaha fuq il-websajt tiegħu. Jidher ċar li dan il-pass ittieħed bil-ħsieb li l-azzjonisti individwali tiegħu jserrħu moħħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota l-konsistenza tal-miżura tul iż-żmien, minħabba li l-miżura ma nbidlitx materjalment bejn it-tħabbira inizjali tagħha fl-10 ta' Ottubru 2008 u d-Digriet Irjali finali.

(89)

Fis-sentenza tagħha tad-19 ta' Marzu 2013 fil-Kawżi Konġunti C-399/10 P u C-401/10 P (58) il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li t-tħabbira ta' miżura u l-implimentazzjoni effettiva tagħha jistgħu jiġu analizzati bħala intervent uniku, jekk dan seta' jiġi ġġustifikat mill-kronoloġija u mill-iskop tat-tħabbira u tal-implimentazzjoni u miċ-ċirkostanzi tal-impriża fi żmien li seħħ tali intervent. Bl-istess mod, f'dak li jirrigwarda lil din il-miżura, fl-10 ta' Ottubru 2008, l-Istat Belġjan iddeċieda u ħabbar miżura li aktar tard ġiet implimentata għall-istess skop fir-rigward tal-benefiċjarju intiż oriġinarjament. Barra minn hekk, fid-deċiżjonijiet tagħha stess, il-Kummissjoni kkunsidrat it-tħabbira u l-implimentazzjoni bħala miżura waħda u qieset li l-miżura ħolqot vantaġġ sa mid-data li fiha ġiet imħabbra. (59) Tabilħaqq, il-Ministru tal-Finanzi Belġjan attwali kkwalifika l-miżura inkwistjoni bħala impenn li ttieħed fl-2008 (60).

(90)

Abbażi tal-informazzjoni fil-premessi minn 85 sa 89, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tħabbira u l-implimentazzjoni tal-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi jridu jiġu ttrattati bħala miżura unika.

4.3.   L-eżistenza ta' għajnuna

(91)

Kif indikat fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat, “kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(92)

Kemm l-Istat Belġjan kif ukoll ARCO jargumentaw li l-Kummissjoni għandha teżamina jekk ARCO rċeviex l-għajnuna mill-Istat billi tibbaża lilha nnifisha fuq deċiżjoni oħra tal-Kummissjoni, jiġifieri dik li tikkonċerna lil Ethias. (61) Madankollu, l-għajnuna mill-Istat hija kunċett oġġettiv li huwa definit mit-Trattat. Sabiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, miżura trid tissodisfa l-erba' kriterji (kumulattivi) tal-għajnuna mill-Istat li ġejjin: il-miżura (i) għandha tingħata mill-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat; (ii) għandha tipprovdi vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tal-għajnuna; (iii) għandha (potenzjalment) twassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni u (iv) għandha tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(93)

Il-Kummissjoni hija obbligata tevalwa dawn l-erba' kriterji u se tagħmel dan fil-premessi 94 sa 110.

Ir-riżorsi tal-Istat

(94)

Il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi hijiex iffinanzjata permezz tar-riżorsi tal-Istat u hijiex imputabbli għall-Istat.

(95)

Skont ġurisprudenza stabbilita, (62) il-mezzi finanzjarji kollha li s-settur pubbliku jista' effettivament juża biex jappoġġja l-impriżi, irrispettivament minn jekk dawn il-mezzi humiex assi permanenti tas-settur pubbliku jew le, jaqgħu taħt l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, sakemm jibqgħu kostantement taħt il-kontroll pubbliku, u għaldaqstant jibqgħu disponibbli għall-Istat nazzjonali kompetenti.

(96)

B'mod partikolari, l-għajnuna mill-Istat hija involuta meta l-fondi jiġu minn kontribuzzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat u meta dawn il-fondi jkunu mmaniġġjati u mqassma f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dik il-leġiżlazzjoni, anke jekk ikunu amministrati minn istituzzjonijiet li ma għandhom xejn x'jaqsmu mal-Istat. L-istatus tal-korp jew tal-impriża li jagħti/tagħti l-għajnuna inkwistjoni, mhuwiex meqjus bħala l-fattur determinanti għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(97)

Fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi, il-Kummissjoni tosserva li l-leġiżlazzjoni Belġjana tiddetermina l-kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu mill-parteċipanti kif ukoll il-mod kif se jiġu użati dawn il-fondi. Għalhekk, il-kontribuzzjonijiet li jiffurmaw il-Fond ta' Protezzjoni Speċjali huma meqjusa bħala riżorsi tal-Istat anke jekk oriġinarjament dawn irriżultaw minn sorsi privati.

(98)

Barra minn hekk, jekk ikun meħtieġ, l-Uffiċċju tad-Depożiti u l-Kunsinni li huwa korp governattiv, javvanza l-fondi meħtieġa biex jiffinanzja r-rimborżi li l-Fond ta' Protezzjoni Speċjali huwa mistenni li jagħmel. Fi kwalunkwe każ, dan l-aspett tal-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi joħloq riskju ekonomiku konkret biżżejjed ta' piżijiet suxxettibbli li jolqtu l-baġit tal-Istat Membru, biex ikun hemm il-preżenza ta' riżorsi tal-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat. (63)

(99)

Fir-rigward tal-imputabbiltà tal-miżura għall-Istat Belġjan, jidher biċ-ċar li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi ma tistax titqies bħala traspożizzjoni tad-Direttiva SGD. Id-Direttiva SGD tobbliga biss lill-Istati Membri jintroduċu skema ta' garanzija tad-depożiti għad-depożiti tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva espliċitament jipprevedi li l-istrumenti kollha li jaqgħu fit-tifsira ta' fondi proprji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu huma esklużi minn kwalunkwe ripagament mill-iskemi ta' garanzija tad-depożiti. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jistabbilixxi skemi oħra ta' ripagament li jiggarantixxu prodotti finanzjarji oħra, deċiżjoni bħal din ma tkunx toriġina mil-liġi tal-Unjoni iżda tikkostitwixxi inizjattiva tal-Istat Membru stess. (64) Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-Istat Belġjan jirreferi għall-Iskema ta' Kumpens għall-Investituri iżda l-paragun huwa irrelevanti billi l-iskemi ta' kumpens għall-investituri mhumiex maħsuba biex ikopru r-riskji ta' investiment. Kif diġà ġie spjegat fil-premessa (21), l-iskemi ta' kumpens għall-investituri huma sempliċement maħsuba għall-każijiet fejn ditta tal-investiment ma tkunx f'pożizzjoni li tirritorna l-assi li jappartjenu lil xi investitur pereżempju minħabba frodi jew inkella minħabba xi problemi bis-sistemi tad-ditta.

Vantaġġ selettiv

(100)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi ħolqot vantaġġ għal ARCO. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-impriżi jistgħu jakkwistaw vantaġġ fl-għamla ta' aċċess akbar għall-kapital meta miżura meħuda minn Stat Membru favur l-investituri żżid ir-rieda ta' dawn tal-aħħar biex ipoġġu flushom f'sett partikolari ta' miri ta' investiment. (65) F'dan il-każ partikolari, il-miżura għenet lill-entitajiet tal-Grupp ARCO jżommu l-kapital eżistenti tagħhom, filwaqt li kkonvinċiet lill-azzjonisti tal-kooperattivi eżistenti ma jirtirawx minn dawk il-kooperattivi finanzjarji (66), u dan ikkostitwixxa vantaġġ partikolarment sinifikanti meta wieħed jikkunsidra t-tensjoni li kien hemm fis-suq tul il-perjodu li ġie immedjatament wara l-falliment tal-Lehman Brothers. Fil-21 ta' Jannar 2009, ARCO ppubblika stqarrija għall-istampa mill-gvern Belġjan fuq il-websajt tiegħu biex iserraħ ras l-azzjonisti tiegħu, u dan juri biċ-ċar illi l-possibbiltà li jagħti s-serħan il-moħħ lill-investituri kienet ta' vantaġġ kbir għal ARCO. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-prospett ta' ARCOPAR maħruġ fis-sajf tal-2008 (67) kien irrefera għar-riskju mġarrab mill-azzjonisti individwali li jitilqu mill-kooperattiva finanzjarja. (68)(69)

(101)

Jidher b'mod ċar ukoll illi l-miżura hija selettiva. L-ewwel nett, tapplika biss għad-detenturi ta' ishma ta' kooperattiva finanzjarja u mhux għal persuni li għandhom prodotti ta' investiment maħruġa minn impriżi kompetituri. Għaldaqstant l-atturi finanzjarji li pproponew fondi ta' bonds konservattivi jew fondi tas-suq monetarju jew inkella fondi mutwi li jiggarantixxu kapital, setgħu joffru lill-klijenti tagħhom garanzija simili. L-Istat Belġjan isostni illi l-ishma individwali ta' kooperattivi finanzjarji huma, fis-sustanza tagħhom, simili għad-depożiti. (70) Madankollu, diversi elementi li semma l-Istat Belġjan jirreferu għal kooperattivi inġenerali u mhux għall-kooperattivi finanzjarji. Barra minn dan, id-deskrizzjoni tal-ishma ta' kooperattiva finanzjarja li ta l-Istat Belġjan ma fihiex referenzi għal informazzjoni rilevanti, bħalma huma r-riskji ta' investiment f'dawn l-istrumenti, (71) li mhumiex tipiċi għad-depożiti.

(102)

In-natura selettiva tal-miżura tidher ukoll meta wieħed iqabbel it-trattament maħsub għall-kooperattivi finanzjarji ma' dak marbut ma' kooperattivi rikonoxxuti oħrajn li mhumiex finanzjarji. L-Istat Belġjan serraħ fuq is-sentenza Paint Graphos biex jiffavorixxi trattament speċjali li minnu jibbenefikaw azzjonisti individwali ta' kooperattivi finanzjarji. Paint Graphos kienet sentenza preliminari relatata ma' deċiżjoni ta' rinviju minn qorti Taljana li xtaqet tkun taf jekk il-benefiċċji għat-taxxa li gawdew minnhom il-kooperattivi tal-produtturi u tal-ħaddiema jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsra tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti kkonkludiet li l-vantaġġ tat-taxxa kellu jiġi evalwat b'rabta mal-erba' kriterji kumulattivi tal-għajnuna mill-Istat u tat gwida aktar dettaljata dwar kif għandha ssir l-evalwazzjoni li tivverifika jekk benefiċċju għat-taxxa jirrappreżentax vantaġġ selettiv. (72) Il-Qorti saħqet li għandu jiġi determinat (i) jekk tali benefiċċju għat-taxxa jistax jiġi ġġustifikat mill-karatteristiċi inerenti tas-sistema tat-taxxa, (73) (ii) jekk kienx hemm proċeduri xierqa ta' kontroll u monitoraġġ (74) u (iii) jekk il-benefiċċju għat-taxxa kienx proporzjonali u li ma kienx imur lil hinn mill-minimu neċessarju. (75)

(103)

Il-Kummissjoni tqis li l-argument tal-Istat Belġjan ma jistax jiġi aċċettat għax in-natura tal-vantaġġ ikkonferit mill-miżura hija differenti f'termini kwalitattiv minn dik li ġiet eżaminata mill-Qorti fil-Kawża Paint Graphos. Il-miżura adottata mill-Belġju tinvolvi l-ħolqien ta' benefiċċju pożittiv u mhux eżenzjoni minn piż fiskali jew minn obbligu ta' ħlas ta' xi imposta. Konsegwentement, l-analiżi standard maqsuma fi tliet stadji li l-qrati tal-Unjoni kienu approvaw meta eżaminaw jekk vantaġġ fiskali jew eżenzjoni minn xi imposta humiex selettivi jew le, ma tistax tiġi applikata għall-miżura.

(104)

Fi kwalunkwe każ, anke kieku l-analiżi Paint Graphos setgħet tiġi applikata għall-miżura inkwistjoni, il-karatteristiċi speċifiċi ta' din tal-aħħar huma tali li hija tibqa' ta natura selettiva.

(105)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li l-Kawża Paint Graphos tirreferi għall-kooperattivi kollha tal-produtturi u tal-ħaddiema u mhux għal subsettur relattivament żgħir bħalma huma l-kooperattivi finanzjarji. Jekk, kif qed jiddikjara l-Belġju, għandu jkun hemm trattament speċjali għall-kooperattivi “ġenwini”, dak it-trattament speċjali għandu japplika għall-kooperattivi rikonoxxuti kollha. Għalhekk, l-enfasi limitata tal-miżura fuq il-kooperattivi finanzjarji biss, fiha nnifisha, hija biżżejjed biex tistabbilixxi n-natura selettiva tal-miżura.

(106)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tosserva li, fil-fehma tal-Istat Belġjan, il-kooperattivi finanzjarji dehru li jistħoqqilhom privileġġi addizzjonali sa mill-10 ta' Ottubru 2008. Il-Kummissjoni tosserva li qabel dik id-data, il-kooperattivi rikonoxxuti ngħataw tip ta' trattamet favorevoli b'riżultat tal-istatus speċjali tagħhom, fl-għamla ta' eżenżjoni mit-taxxa minn ras il-għajn. (76) Il-Kummissjoni ma tiħux pożizzjoni f'din id-Deċiżjoni dwar jekk il-vantaġġ tat-taxxa huwiex proporzjonat, iżda temmen li ma kien hemm l-ebda raġuni biex f'daqqa waħda fl-10 ta' Ottubru 2008, jiġi introdott kumpens addizzjonali jew tingħata protezzjoni ulterjuri lill-kumpaniji li għandhom status ta' kooperattivi finanzjarji.

(107)

Fl-aħħar nett, anke kieku l-Kummissjoni kellha twettaq analiżi ispirata mill-Kawża Paint Graphos, hekk kif qed jipproponi l-Belġju, hija temmen li xejn ma jiġġustifika l-għoti ta' garanzija ta' 100 % lill-azzjonisti individwali ta' ARCO (jiġifieri, il-parti (i) tal-analiżi tal-Kawża Paint Graphos), li l-entitajiet tiegħu kienu kumpaniji b'responsabbiltà limitata. Minħabba n-natura ta' kumpaniji bħal dawn, hekk kif iddeterminat mir-regoli ġenerali tal-Belġju dwar il-liġi tal-kumpaniji, l-azzjonisti individwali ta' ARCO kellhom ikunu konxji li setgħu jitilfu l-kapital kollu tagħhom f'każ ta' likwidazzjoni. (77) Barra minn hekk, il-protezzjoni ta' 100 % tal-kapital sottoskritt mill-azzjonisti individwali tal-kooperattivi finanzjarji mhijiex miżura proporzjonata (il-parti (iii) tal-analiżi tal-Kawża Paint Graphos) billi b'hekk dawn l-azzjonisti kienu se jkunu mħarsa minn kwalunkwe riskju, u dan joħloq vantaġġ indebitu għall-impriżi li huma azzjonisti tagħhom. (78)

Distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(108)

L-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi tipprovdi lill-kooperattivi finanzjarji b'vantaġġ li atturi oħrajn li joffru prodotti ta' investiment għall-konsumatur u kooperattivi mhux finanzjarji rikonoxxuti oħrajn ma għandhomx. Bis-saħħa tal-miżura, ARCO rnexxielu jippreserva s-sehem mis-suq għal perjodu ta' żmien itwal. ARCO ma batiex minn ħruġ ta' kapital, jew inkella dan seħħ aktar tard u b'livell aktar baxx milli kieku kien jiġri fin-nuqqas tal-miżura. Konsegwentement, dawn l-atturi l-oħrajn, li kellhom jiffaċċjaw il-kompetizzjoni abbażi tal-merti tagħhom u li ma setgħux iserrħu fuq l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi, ma setgħux jibbenefikaw mill-kapital illi seta' kien disponibbli għall-investiment. Għalhekk, l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. (79)

(109)

Meta Stat Membru jagħti l-għajnuna lil xi impriża, l-attività interna tista' tiġi miżmuma jew miżjuda b'konsegwenza ta' dan, b'tali mod li jonqsu l-opportunitajiet għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn li jippenetraw (ulterjorment) fis-suq. (80) Billi hemm bosta fornituri internazzjonali tal-prodotti ta' investiment attivi fis-suq Belġjan, il-miżura bla ebda dubju għandha effett fuq il-kummerċ madwar l-Unjoni kollha.

Konklużjoni

(110)

Abbażi tal-analiżi li saret fil-premessi 91 sa 109, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi tinvolvi r-riżorsi tal-Istat, tirrappreżenta vantaġġ selettiv għal ARCO, toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u tolqot il-kummerċ intern tal-Unjoni, u għaldaqstant tissodisfa l-kriterji kollha ta' għajnuna mill-Istat. Dawn l-elementi kollha kienu preżenti sa mhux aktar tard minn meta ġie adottat id-Digriet Irjali tal-10 ta' Ottubru 2011, iżda l-vantaġġ maħluq mill-miżura kien jeżisti diġà minn meta l-awtoritajiet Belġjani ħabbru, fl-10 ta' Ottubru 2008, il-ħolqien ta' tali miżura. L-ammont globali tal-vantaġġ irid jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-għajnuna u, jekk ikun meħtieġ, l-irkupru mill-benefiċjarji tagħha wkoll.

4.4.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(111)

Wara li stabbilixxiet li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi jekk din l-għajnuna tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

(112)

L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jipprevedi li l-għajnuna mill-Istat tkun inkompatibbli mas-suq intern u għaldaqstant hija pprojbita, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fit-Trattat. Il-paragrafi (2) u (3) tal-Artikolu 107 tat-Trattat sussegwentement jiddefinixxu żewġ kategoriji ta' għajnuna kompatibbli.

(113)

L-ewwel, l-Artikolu 107(2) tat-Trattat jelenka l-kategoriji tal-għajnuna mill-Istat li huma awtomatikament eżentati mill-prinċipju ta' projbizzjoni, iżda l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi ma taqa' taħt l-ebda kategorija minn dawn.

(114)

It-tieni, l-Artikolu 107(3) tat-Trattat ikopri diversi kategoriji ta' għajnuna li jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern. Teoretikament, is-subparagrafi (b) jew (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat jistgħu japplikaw.

(115)

Fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, il-Kummissjoni spjegat fil-linji gwida tagħha kif se tapplika l-eżenzjoni stipulata f'din id-dispożizzjoni għal ċerti tipi ta' għajnuna. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li l-miżura ma tikkorrespondi mal-ebda tip ta' għajnuna minn dawk koperti mil-linji gwida. Barra minn hekk, la l-Belġju u lanqas ARCO ma taw xi indikazzjoni ta' objettiv ta' interess komuni għall-iskopijiet ta' din id-dispożizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha teżamina l-kompatibbiltà possibbli tal-miżura abbażi biss tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat.

(116)

Fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, il-Kummissjoni tosserva li l-Istat Belġjan qed isostni li, jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi tinvolvi l-għajnuna mill-Istat, il-miżura għandha tiġi evalwata skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat. Din id-dispożizzjoni tippermetti li għajnuna tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern jekk l-għajnuna tkun meħtieġa għar-rimedju ta' taqlib serju tal-ekonomija ta' Stat Membru.

(117)

Madankollu, l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat jirrikjedi interpretazzjoni restrittiva ta' x'jista' jitqies bħala taqlib serju tal-ekonomija ta' Stat Membru. It-taqlib inkwistjoni jrid ikun jolqot l-ekonomija kollha ta' Stat Membru u mhux sempliċement l-ekonomija ta' wieħed mir-reġjuni tiegħu jew ta' xi żoni tat-territorju. (81)

(118)

Meta l-kriżi finanzjarja laħqet l-ewwel qofol tagħha fil-ħarifa tal-2008, il-Kummissjoni ddeċidiet fil-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 li l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat seta' jintuża biex jiġu evalwati l-miżuri ta' għajnuna mill-Istat meħuda bil-għan li jiġu indirizzati l-problemi ta' istituzzjonijiet finanzjarji. (82)

(119)

Barra mis-settur finanzjarju, il-Kummissjoni żviluppat ukoll, skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, il-qafas temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (“Qafas Temporanju”). (83) Madankollu, dan il-qafas ma japplikax għall-miżura. Minflok, huwa jimmira lejn l-ekonomija reali billi jippermetti lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex itejbu l-aċċess għal finanzjament għall-impriżi li huma disposti jinvestu matul il-kriżi finanzjarja, f'perjodu meta l-finanzjament bankarju jsir aktar skars. Il-problemi ta' ARCO mhumiex relatati ma' nuqqas ta' finanzjament bankarju iżda huma marbuta ma' assi (jiġifieri, l-ishma ta' Dexia) li l-valwazzjoni tagħhom kellha tiġi aġġustata 'l isfel. Barra minn dan, l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi — li tiggarantixxi 100 % ta' strument ta' obbligazzjoni — mhija koperta mill-ebda kategorija ta' għajnuna minn dawk diskussi f'dak il-qafas, taħt l-intestatura 4.3.

(120)

Billi l-kooperattivi finanzjarji mhumiex istituzzjonijiet finanzjarji għall-finijiet tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 (84), l-għajnuna se jkollha tiġi evalwata direttament fid-dawl tat-Trattat. Sabiex tkun konformi mal-kriterji ġenerali għall-kompatibbiltà skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat, il-miżura għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet segwenti (85):

(a)    L-adegwatezza : L-għajnuna għandha tkun immirata tajjeb sabiex tkun kapaċi tilħaq b'mod effettiv l-objettiv li jiġi rmedjat taqlib serju fl-ekonomija. Dan ma jkunx il-każ jekk il-miżura ma tkunx adegwata biex tirmedja t-taqlib.

(b)    In-neċessità : Il-miżura ta' għajnuna trid, kemm fl-ammont tagħha kif ukoll fl-għamla tagħha, tkun neċessarja biex jintlaħaq l-objettiv. Għaldaqstant, trid tkun tal-ammont minimu meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv, u trid tieħu l-aktar forma adegwata biex tirmedja t-taqlib.

(c)    Il-proporzjonalità : L-effetti pożittivi tal-miżura jridu jikkompensaw, kif xieraq, għad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, sabiex id-distorsjonijiet ikunu limitati għall-minimu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-miżura.

(121)

F'dak li jirrigwarda n-natura adegwata jew le tal-miżura, il-Kummissjoni tosserva li l-impatt tal-kooperattivi finanzjarji fuq l-ekonomija globali huwa fundamentalment differenti minn dak tal-banek tradizzjonali, li huma esposti għal “assalti bankarji”. Kieku d-depożitanti kollha ta' bank kellhom jiddeċiedu li jirtiraw flushom fl-istess ħin, bank ikun obbligat iċedi l-assi likwidi kollha tiegħu fuq perjodu ta' żmien qasir (u għaldaqstant jiskatta l-“bejgħ bl-għaġġla”), u dan ikollu konsegwenzi serji fuq is-self lill-ekonomija reali u jista' joħloq ukoll rigress fil-prezzijiet tal-assi. Min-naħa l-oħra, il-kooperattivi finanzjarji ma jsellfux lill-ekonomija reali. Huma għandhom ukoll dritt statutorju li jillimitaw il-ħruġ (86) biex kwalunkwe ċessjoni ta' assi mhux ordnata, fil-prinċipju, tkun tista' tiġi evitata. Dan l-element aħħari jenfasizza differenza importanti fir-rigward tal-effetti sistemiċi bejn id-depożiti u l-parteċipazzjonijiet azzjonarji tal-kooperattivi.

(122)

Jidher biċ-ċar ukoll li minn lat legali, l-azzjonisti ta' kooperattivi finanzjarji huma l-azzjonisti ta' kumpanija b'responsabbiltà limitata. B'riżultat ta' dan l-istatus, l-azzjonisti individwali ta' kooperattivi finanzjarji huma legalment esposti għall-possibbiltà li jitilfu, parzjalment jew totalment, l-ispiża kapitali inizjali tagħhom. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tieħu nota wkoll tal-fatt li l-Gvernatur tal-BNB ma kkonfermax li l-ishma tal-kooperattivi finanzjarji kienu simili għad-depożiti tat-tfaddil f'istituzzjoni ta' kreditu. (87)

(123)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-pożizzjoni tal-azzjonisti individwali tal-kooperattivi finanzjarji fl-“istruttura kaskata” (88) f'każ ta' likwidazzjoni jew ta' falliment ta' dawn l-entitajiet hija differenti ħafna minn dik li jkollu detentur ta' depożitu tat-tfaddil f'istituzzjoni ta' kreditu. L-istituzzjonijiet ta' kreditu huma entitajiet regolati li għalihom ir-regolatur jaċċerta ruħu li jkun hemm ċertu ammont ta' kapital disponibbli. Dan il-kapital jikkostitwixxi l-ewwel miżura ta' rpar f'każ ta' likwidazzjoni jew falliment. Madankollu, l-azzjonisti ta' kooperattivi finanzjarji ma jgawdux minn din it-tip ta' protezzjoni. F'każ ta' likwidazzjoni jew falliment, huma fost l-ewwel li jintlaqtu.

(124)

Abbażi tal-argumenti żviluppati fil-premessi (121) sa (123), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi sempliċement tħares lill-kooperattivi finanzjarji u lill-azzjonisti individwali tagħhom mill-konsegwenzi tal-investimenti passati tagħhom. Madankollu, mhijiex miżura xierqa biex tevita t-taqlib serju tal-ekonomija Belġjana.

(125)

F'dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta' jekk il-miżura hijiex neċessarja jew le, il-Kummissjoni tfakkar li l-Istat Belġjan diġà kien ħa miżuri sinifikanti biex jipprevjeni t-taqlib fl-ekonomija tiegħu. Kien diġà adotta miżuri oħrajn biex jistabbilizza s-sistema finanzjarja Belġjana u b'mod partikolari l-banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn li fihom kienu qed jinvestu l-kooperattivi finanzjarji. L-Iskema ta' Garanzija tad-Depożiti Belġjana pproteġiet id-depożiti sa limitu ta' EUR 100 000 u l-Istat Belġjan għen lil Fortis, KBC, Dexia u Ethias permezz ta' rikapitalizzazzjoni, miżuri ta' likwidità, miżuri ta' assi danneġġati u miżuri ad hoc. Il-Kummissjoni tikkonkludi li ma kienx meħtieġ li jiġu protetti l-azzjonisti individwali fil-każ ta' kooperattivi finanzjarji li, fl-aħħar mill-aħħar, huma kumpaniji b'responsabbiltà limitata.

(126)

Fir-rigward tal-ittra tal-Gvernatur tal-BNB li rrefera għaliha l-Istat Belġjan, il-Kummissjoni tinnota li din tmur lura għal Ottubru 2011, ħafna wara l-10 ta' Ottubru 2008 meta tħabbret il-miżura. Barra minn hekk, l-ittra ma tgħidx li l-miżura hija neċessarja biex jiġi evitat taqlib serju tal-ekonomija Belġjana. Kulma tgħid huwa li l-miżura tkun tippermetti (89) li jiġu limitati l-effetti negattivi tal-kriżi (sistemika). Fir-rigward tal-ittra tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, il-Kummissjoni tosserva li din sempliċement tittratta l-kopertura miżjuda tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti u l-introduzzjoni tal-iskema ta' garanzija tal-prodotti ta' assigurazzjoni tal-“fergħa 21”.

(127)

F'dak li jirrigwarda l-proporzjonalità jew le tal-miżura, il-Kummissjoni tosserva li t-tfassil tal-miżura ma joffrix biżżejjed protezzjoni kontra l-għażla avversa. (90) In-natura volontarja tal-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi, flimkien man-nuqqas evidenti ta' test ta' vijabbiltà, joħolqu inċentiv biex wieħed jirrikorri għall-iskema ladarba jkun ċert li l-garanzija se tiġi eżegwita. F'xenarju bħal dan, il-benefiċjarju jista' juża l-garanzija filwaqt li jevita sa ċertu punt il-pagament ta' tariffi ta' garanzija sal-aħħar mument eżatt qabel il-likwidazzjoni.

(128)

Il-Kummissjoni temmen ukoll li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi toħloq distorsjonijiet bla bżonn tal-funzjonament normali tas-suq. Il-miżura ppermettiet lil ARCO jħares il-pożizzjoni tiegħu fis-suq ta' prodotti finanzjarji għall-konsumatur u konsegwentement il-kompetituri li ma setgħux iserrħu fuq l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi esperjenzaw jew setgħu jesperjenzaw impatt negattiv fuq is-sehem tagħhom mis-suq u fuq il-profittabbiltà tagħhom.

(129)

B'konklużjoni ta' dan kollu, il-miżura ma tistax titqies kompatibbli mas-suq intern għax la hija xierqa, la neċessarja u lanqas proporzjonata għall-finijiet tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, u ma tinkludix l-kamp ta' applikazzjoni ta' kwalunkwe dispożizzjoni oħra li tirregola l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat.

4.5.   Il-kalkolu tal-għajnuna

(130)

Fir-rigward tal-kalkolu tal-vantaġġ li għandu jiġi rkuprat mingħand ARCO, il-Kummissjoni tqis il-parametri u l-fatti li ġejjin (91):

l-ammont massimu ta' ħruġ ta' kapital abbażi tal-Istatuti ta' Assoċjazzjoni ta' ARCO, li huwa limitat għal 10 % tal-kapital totali jew għal 10 % tal-bażi tal-azzjonisti tiegħu (92),

il-fatt li l-azzjonisti individwali biss huma koperti mill-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi,

it-tfassil speċifiku tal-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi, li min-naħa l-waħda huwa volontarju u jħalli f'idejn il-kooperattivi finanzjarji biex jagħżlu jipparteċipawx jew le, u li min-naħa l-oħra jippermetti anki lill-kooperattivi finanzjarji ta' riskju kbir ta' falliment jew ta' likwidazzjoni japplikaw għall-iskema (kif ġara meta, fit-8 ta' Diċembru 2011, ftit wara li ġew ammessi fl-iskema, il-Laqgħat Ġenerali ta' ARCOFIN, ARCOPAR u ARCOPLUS approvaw il-proposti tal-bords eżekuttivi tagħhom li jipproċedu għal-likwidazzjoni volontarja),

il-fatt li, sew qabel ma pproċeda għal-likwidazzjoni, ARCO kien diġà f'sitwazzjoni finanzjarja dgħajfa, billi — kif deskritt fil-premessi (38), (44) u (82) — hu kien investa ħafna f'ishma ta' Dexia, bank li mill-ħarifa tal-2008 kellu jiġi salvat mill-falliment mill-gvern Belġjan, dak Franċiż u dak Lussemburgiż, u b'konsegwenza ta' dan kwalunkwe waqgħa sinifikanti fil-valur tal-ishma ta' Dexia kienet għadha ta' detriment għall-pożizzjoni finanzjarja ta' ARCO, b'mod partikolari għax ARCO ffinanzja l-parteċipazzjoni tiegħu għas-salvataġġ ta' Dexia billi ħa fuqu parti mid-dejn li kellha.

u l-fatt li fl-2011, ARCO ħallas it-tariffa tad-dħul u l-primjum annwali ta' garanzija.

(131)

Il-vantaġġ li ARCO akkwista kien il-protezzjoni mill-ħruġ ta' kapital illi, li kieku, ARCO kien ikun jista' jwaqqaf biss billi japplika d-dispożizzjonijiet tal-Istatuti ta' Assoċjazzjoni tiegħu hekk kif ikun tilef l-10 % (93) tal-kapital tiegħu jew inkella l-10 % tal-bażi tal-azzjonisti tiegħu. Ħruġ ta' tali kobor aktarx li kien se jiġri hekk kif ARCO kien ikun spiċċa oġġettivament f'sitwazzjoni ta' insolvenza, fi proċedura ta' falliment, jew fi proċedimenti ta' likwidazzjoni, jew inkella — b'mod aktar suġġettiv kif ġara f'ċerti każijiet oħrajn ta' assalti bankarji (94) — hekk kif l-azzjonisti tiegħu jkunu ntebħu li ARCO ma kienx għadu investiment sikur, pereżempju minħabba l-iskopertura kbira tiegħu għas-sitwazzjoni finanzjarja u għall-valur fis-suq ta' Dexia.

(132)

Il-Kummissjoni tieħu approċċ konservattiv (95) fl-ikkalkolar tal-vantaġġ akkwistat minn ARCO, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-ħruġ potenzjali ta' kapital fuq perjodu annwali wieħed biss minflok fuq diversi perjodi. Permezz ta' dan il-proċess, il-kalkolu għandu jirrifletti l-effett minimu tal-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi, minkejja li fil-verità l-garanzija setgħet ukoll pprevjeniet lil ARCO milli jġarrab, għal diversi drabi, it-tluq ta' azzjonisti u l-ħruġ ta' kapital, sal-livell massimu awtorizzat. L-Istatuti ta' Assoċjazzjoni ppermettew lil ARCO jwaqqaf ħruġ ta' kapital f'każ li jkunu ġew irtirati 10 % tal-kapital jew inkella f'każ li jkunu telqu 10 % tal-bażi tal-azzjonisti. Għall-finijiet tal-ikkalkolar tal-ammont ta' għajnuna, il-Kummissjoni tassumi li ARCO kien se jagħżel l-aktar alternattiva effettiva fost dawn iż-żewġ għażliet, jiġifieri l-alternattiva li tkun ippreservat l-ogħla livell ta' kapital. Fir-rigward tal-opzjoni marbuta mat-tluq tal-bażi tal-azzjonisti, il-Kummissjoni se tirreferi għall-aktar numru baxx ta' azzjonisti individwali matul il-perjodu li fih inħoloq il-vantaġġ (li jibda mill-10 ta' Ottubru 2008), li tikkostitwixxi suppożizzjoni konservattiva oħra, u se tattribwixxi lil dawn l-azzjonisti s-sehem medju ta' kapital matul dik is-sena. Fir-rigward tal-opzjoni marbuta mal-ħruġ tal-kapital, il-Kummissjoni se tirreferi wkoll għas-sena bl-inqas ammont ta' kapital.

(133)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-vantaġġ tal-miżura kien parzjalment imnaqqas permezz tal-fatt li ARCO, kostitwit mit-tliet entitajiet legali ARCOPAR, ARCOFIN u ARCOPLUS, kellu jħallas tariffa tad-dħul ta' darba u tariffa ta' garanzija għal sena, anke jekk dawn il-pagamenti seħħew biss fil-ħarifa tal-2011, eżatt qabel ma ARCO applika għal-likwidazzjoni.

(134)

Il-vantaġġ li nkiseb mill-miżura għaldaqstant huwa l-inqas wieħed mill-ammonti li jirriżultaw minn dawn iż-żewġ kalkoli: (a) 10 % tal-kapital tas-sena bl-inqas kapital fil-perjodu li jkopri mill-10 ta' Ottubru 2008 sat-8 ta' Diċembru 2011, wara li jitnaqqas l-ammont totali tat-tariffi mħallsa diġà; u (b) 10 % tal-inqas ammont ta' azzjonisti fil-perjodu li jkopri mill-10 ta' Ottubru 2008 sat-8 ta' Diċembru 2011, immultiplikat bis-sehem medju tal-kapital għal kull azzjonist tal-istess sena, wara li jitnaqqas l-ammont totali tat-tariffi mħallsa diġà;

(135)

F'termini assoluti, il-probabilità li l-investituri jirtiraw il-kapital, qed tikber maż-żmien, u dan jagħmilha aktar diffiċli li jiġi kkalkolat l-imgħax li għandu jitħallas għall-vantaġġ irċevut. Sabiex tippermetti li tiġi eliminata t-totalità tal-vantaġġ miksub minn ARCO filwaqt li fl-istess ħin tippermetti lill-Istat Membru jkollu metodu operabbli li permezz tiegħu jista' jiġi kkalkulat l-imgħax ta' rkupru, (96) il-Kummissjoni tqis li t-totalità tal-vantaġġ kienet kompletament disponibbli tal-inqas mit-8 ta' Diċembru 2011, u titlob li l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jkollhom imgħax mit-8 ta' Diċembru 2011 sal-irkupru effettiv tagħhom.

(136)

Sabiex tkun tista' tivverifika l-kalkoli tal-għajnuna, il-Kummissjoni titlob lill-Belġju jipprovdilha lista tal-għadd ta' azzjonisti ta' ARCOPAR, ARCOFIN u ARCOPLUS rispettivament, għall-perjodu li jkopri mill-10 ta' Ottubru 2008 sat-8 ta' Diċembru 2011, hekk kif irreġistrat fl-aħħar ta' kull sena.

(137)

Fil-kummenti addizzjonali tagħhom sottomessi aktar minn sena u nofs wara l-iskadenza stabbilita għas-sottomissjoni tal-kummenti dwar id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura, l-awtoritajiet Belġjani ma pprovdew l-ebda informazzjoni ġdida dwar is-sustanza tal-każ. Huma jiddikjaraw li l-Kummissjoni ma tistax tipprojbixxi l-pagament tal-garanziji mogħtija lill-azzjonisti individwali, ma tistax tobbliga lill-Istat jissospendi kwalunkwe pagament fil-qafas tal-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi u ma tistax tirkupra pagamenti magħmula fil-qafas ta' dik l-iskema lill-azzjonisti individwali.

(138)

B'sostenn għall-argumenti tagħhom, l-awtoritajiet Belġjani rrimarkaw li l-azzjonisti individwali ma kinux impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u qiesu li l-pagament tal-garanzija lill-azzjonisti individwali ma jkollu l-ebda impatt fuq ARCO jew fuq il-probabbiltà li l-Istat Belġjan jirkupra l-għajnuna.

(139)

Bi tweġiba għal dan, il-Kummissjoni indikat li l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati skont din id-Deċiżjoni, kienu fil-fatt jikkostitwixxu għajnuna lil ARCO.

(140)

Il-Kummissjoni stqarret ukoll li l-fatt li għajnuna mogħtija mill-Istat instabet li kienet inkompatibbli mas-suq uniku skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat, kien biżżejjed biex jiġġustifika li l-Istat jiġi ordnat jabolixxi dik l-għajnuna (97). Għaldaqstant, l-awtoritajiet Belġjani ma setgħux jiddikjaraw li l-projbizzjoni fuq il-pagament ta' garanzija meqjusa bħala għajnuna inkompatibbli kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

(141)

Għalhekk huma kienu obbligati jikkonformaw mal-ordni mniżżla fid-deċiżjoni li jiftħu proċedura biex tiġi sospiża l-implimentazzjoni tal-miżura inkwistjoni, u għaldaqstant li ma jagħmlu l-ebda pagament.

(142)

Għaldaqstant huwa ġġustifikat ukoll li l-Belġju għandu jkompli jastjeni milli jagħmel kwalunkwe pagament skont il-miżura ta' għajnuna.

Konklużjoni

(143)

Il-Kummissjoni tqis li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur ARCOPAR, ARCOFIN u ARCOPLUS implimentata b'mod illeċitu mill-Belġju, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Istat Belġjan għandu jirtira l-leġiżlazzjoni li fuqha tissejjes l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi (b'mod partikolari l-Liġi tal-14 ta' April 2009 u d-Digriet Irjali tal-10 ta' Ottubru 2011) u għandu jirkupra l-vantaġġ mingħand ARCOPAR, ARCOFIN u ARCOPLUS,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema ta' garanzija li ġiet adottata b'mod illeċitu mill-Belġju għall-kooperattivi finanzjarji ta' ARCO, u b'mod partikolari għal ARCOFIN, ARCOPLUS u ARCOPAR, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1.   Il-Belġju huwa mistenni jirkupra l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarji, li l-ammont tagħha jkun dak li jirriżulta l-aktar baxx minn dawn iż-żewġ kalkoli li ġejjin:

(a)

10 % tal-kapital tas-sena bl-inqas kapital matul il-perjodu li jkopri mill-10 ta' Ottubru 2008 sat-8 ta' Diċembru 2011, wara li jitnaqqas l-ammont totali tat-tariffi mħallsa diġà; jew

(b)

10 % tal-inqas ammont ta' azzjonisti fil-perjodu li jkopri mill-10 ta' Ottubru 2008 sat-8 ta' Diċembru 2011, immultiplikat bis-sehem medju tal-kapital għal kull azzjonist tal-istess sena, wara li jitnaqqas l-ammont totali tat-tariffi mħallsa diġà.

2.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jridu jinkludu l-imgħax mit-8 ta' Diċembru 2011 sal-irkupru effettiv tagħhom.

3.   L-imgħax jiġi kkalkulat fuq bażi komposta f'konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (98).

4.   Il-Belġju jkompli jżomm lura milli jagħmel kwalunkwe pagament skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1, b'effett mid-data ta' notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   Il-Belġju jġib fi tmiemha l-miżura ta' għajnuna msemmija fl-Artikolu 1, billi l-miżura hija inkompatibbli mas-suq intern.

2.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 ikun immedjat u effettiv.

3.   Il-Belġju jiżgura li din id-deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur mid-data ta' notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni, il-Belġju jrid jippreżenta l-informazzjoni segwenti lill-Kummissjoni:

(a)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u ta' dawk ippjanati biex tiġi żgurata l-konformità ma' din id-Deċiżjoni;

(b)

id-dokumenti li juru li ħarġet l-ordni lill-benefiċjarju biex jirrimborża l-għajnuna.

2.   Il-Belġju jrid iżomm lill-Kummissjoni informata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 ikun sar kollu. Huwa jipprovdi immedjatament, fuq sempliċi talba min-naħa tal-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri diġà meħuda u dawk ippjanati biex jikkonforma ma' din id-Deċiżjoni. Huwa jipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata fir-rigward tal-ammonti tal-għajnuna u tal-imgħax li jkunu diġà ġew irkuprati mill-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)   ĠU C 213, 19.7.2012, p. 64.

(2)  Il-Kunsill tal-Istat Belġjan ġibed ukoll l-attenzjoni fuq il-fatt li l-miżura potenzjalment tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Ara l-Opinjoni tal-Kunsill tal-Istat Nru 46.131/2 tal-4 ta' Marzu 2009.

(3)   ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(4)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 1.

(5)  ARCO se jiġi deskritt f'aktar dettall fil-premessi 38 sa 44.

(6)  Ara (http://www.dekamer.be/kvvcr/pdf_sections/comm/dexia/N031_20120125reynders.pdf) — Traskrizzjonijiet tal-Kummissjoni Dexia — smigħ tal-25 ta' Jannar 2012 mal-Ministru Reynders, il-paġni 7 u 32; Dawn it-traskrizzjonijiet jgħidu hekk: “…fl-2008, xi membri tal-Gvern ħadmu flimkien fil-Kunsill ristrett biex talbu lill-Istat jintervjeni favur Ethias u ARCO. Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta' kriżi li kien hemm, il-Gvern impenja ruħu, fl-10 ta' Ottubru 2008 u fil-21 ta' Jannar 2009, li jipproteġi s-sehem tal-kapital tal-azzjonisti fil-kooperattivi…” permezz ta' deċiżjoni politika, u ma' ċertu punt, irrealizzajt li ma stajtx (u lanqas il-Prim Ministru ta' dak iż-żmien) nikkonkludi l-ftehim mal-kollegi tagħna [pro memoria: Franza u l-Lussemburgu kienu l-Istati Membri l-oħra involuti fil-fajl Dexia] u flimkien mad-Diretturi ta' Dexia jekk fl-istess ħin ma kinux se jittieħdu deċiżjonijiet dwar Ethias u ARCO. …, Għalhekk, għall-azzjonisti tal-kooperattivi, aħna ħadna dan l-impenn… U għaliex fi tliet stadji u wara li għadda ftit taż-żmien mhux ħażin? Għaliex qabel xejn ridna nittraduċu dan il-ftehim politiku fi strument ġuridiku. (“…en 2008, des membres du gouvernement sont intervenus en Conseil restreint afin de demander à l'Etat d'intervenir pour Ethias et pour ARCO. Compte tenu de la situation de crise dans laquelle on était, le gouvernement s'est engagé le 10 octobre 2008 et le 21 janvier 2009 à protéger la part de capital des coopérateurs personnes physiques dans des sociétés coopératives…' dans une décision politique, j'ai donc bien compris à un moment donné que je ne pourrais paset le premier ministre aussi à l'époqueboucler l'accord avec nos collègues [pro memoria: Franza u l-Lussemburgu kienu l-Istati Membri l-oħra involuti fil-fajl Dexia] et avec la direction de Dexiasi en même temps, il n'y avait pas des décisions prises sur Ethias et sur ARCO. …, Donc, pour les coopérateurs des coopératives, nous avions pris cet engagement …. Alors pourquoi en trois étapes et pourquoi avec pas mal de temps? Parce qu'il a d'abord fallu faire en sorte que cet accord politique puisse se traduire dans un texte” .)

(7)  F'artiklu ppubblikat fir-rivista Trends tal-15 ta' Mejju 2014, li huwa wkoll disponibbli fuq il-websajt tiegħu, il-Ministru ġie kkwotat li qal “lejn l-aħħar ta' Settembru 2008, matul l-ewwel kriżi ta' Dexia, tlabna lil Holding Communal, ARCO u Ethias biex jieħdu sehem f'żieda kapitali li ma kellhomx flus għaliha. In-nies wara ARCO u Ethias kellhom bżonn ta' garanzija, inkella kienu se jirtiraw it-tfaddil tagħhom. Dan kien se jwassal għall-falliment ta' ARCO. Il-garanzija trid tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-mument: ARCO, Ethias u Holding Communal ġew obbligati jieħdu sehem fiż-żieda tal-kapital ta' Dexia billi ma kien hemm l-ebda soluzzjoni oħra. Kienu l-2008…Il-gvern federali — b'ħames partiti politiċi — ta garanzija tal-gvern. Għalhekk il-faddala tal-ARCO ma rtirawx flushom, bil-ħsieb li ‘Irridu nkomplu nappoġġjawhom, u jekk l-affarijiet ma jmorrux sew hemm xibka tas-sigurtà’.” (“ Eind september 2008, bij de eerste Dexia-crisis, werd aan de Gemeentelijke Holding, Arco en Ethias gevraagd om deel te nemen aan een kapitaalverhoging waarvoor ze het geld niet hadden. De achterban van onder andere Arco en Ethias had waarborgen nodig, anders zouden ze hun spaargeld weghalen. Dat had het faillissement van Arco betekend. Die waarborg heeft dus veel te maken met de context van dat moment. Arco, Ethias en de Gemeentelijke Holding waren verplicht om mee te gaan in de kapitaalverhoging van Dexia, omdat er geen andere oplossing was. Dat was 2008. […] Op dat moment kende de federale wetgever — met vijf partijen — een overheidswaarborg toe. Het resultaat was dat de Arcospaarders hun geld lieten staan. Ze dachten: we moeten blijven steunen, en als het misloopt is er een vangnet.”)

(8)  Il-kunċett ta' prodott ta' assigurazzjoni tal-ħajja tal-“fergħa 21” huwa definit fil-punt 21 tal-Anness I ta' mad-Digriet Irjali dwar is-superviżjoni tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni u jirrigwarda lil dawk il-prodotti ta' assigurazzjoni li mhumiex marbuta ma' fond ta' investiment (b'paragun mal-prodotti ta' assigurazzjoni tal-ħajja tal-“fergħa 23”). Il-prodotti tal-“fergħa 21” fil-prinċipju joffru redditu ta' investiment garantit li jista' jiżdied permezz ta' parteċipazzjoni fir-riżultat tal-investiment tal-kumpanija tal-assigurazzjoni.

(9)  L-istqarrija għall-istampa tinkludi l-paragrafu segwenti: “Il-Gvern iddeċieda li jestendi l-protezzjoni mogħtija minn dan il-fond lil istituzzjonijiet oħra tas-settur finanzjarju (b'mod partikolari kumpaniji tal-assigurazzjoni jew kooperattivi approvati) li jagħmlu talba għal prodotti simili għal depożiti bankarji, bħal pereżempju ċerti prodotti li jagħmlu parti mill-fergħa 21. Ċerti korpi diġà wrew l-interess tagħhom”. (“Le gouvernement a décidé d'étendre la protection donnée par ce fonds à 'autres institutions du secteur financier ((notamment des compagnies d'assurances ou des coopératives agrées)) qui en feraient la demande pour des produits assimilables à des dépôts bancaires comme par exemple certains produits faisant partie de la branche 21. Certains organismes ont déjà fait part de leur intérêt”).

(10)  Fit-18 ta' Diċembru 2008, il-gvern preċedenti rriżenja u fit-30 ta' Diċembru 2008 beda l-mandat tiegħu gvern ġdid.

(11)  F'din l-istqarrija għall-istampa, il-gvern Belġjan sostna l-impenn tiegħu li jadotta skema ta' garanzija għall-kooperattivi: “il-Gvern jikkonferma l-impenn meħud mill-Gvern preċedenti li joffri sistema ta' garanziji lill-membri tas-soċjetatijiet kooperattivi approvati” (“le gouvernment confirme l'engagement pris par le gouvernement précédent d'offrir un régime de garantie aux associés des sociétés coopératives agréées”). L-istqarrija għall-istampa kien fiha wkoll dettalji tekniċi dwar l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi.

(12)  Fil-prospett relatat mal-ishma kooperattivi tiegħu tal-5 ta' Ottubru 2010 (il-paġna 4), ArgenCo spjega dan li ġej: “l-ishma kooperattivi ma jikkwalifikawx bħala dejn maħruġ minn istituzzjoni ta' kreditu u lanqas ma jikkwalifikaw bħala depożitu. Konsegwentement, l-ishma mhumiex koperti minn xi skema ta' garanzija tad-depożiti.” Fil-paġna 6 tal-prospett tiegħu tal-15 ta' Mejju 2009, Lanbokas/Agricaisse wassal messaġġ simili fejn iddikjara li l-akkwirenti ta' ishma kooperattivi għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta' protezzjoni mill-iskema ta' garanzija tad-depożiti.

(13)  Moniteur Belge, 17.10.2008, Ed.2, N.2008 — 3690 [2008/03425].

(14)  Moniteur Belge, 17.11.2008, Ed.2, N.2008 — 4088 [2008/03450].

(15)  Il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja kkonkluda li l-estensjoni tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti kienet indispensabbli għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Belġjana, filwaqt li stqarr li “il-miżuri proposti huma effettivament indispensabbli sabiex tinżamm l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Belġjana u għandhom jiddaħħlu fis-seħħ mill-aktar fis possibbli”. (“Le Comité de Stabilité Financière 'estime que les mesures proposées sont effectivement indispensables afin de préserver la stabilité du système financier belge et doivent pouvoir entrer en vigueur dans les plus brefs délais”).

(16)  Moniteur Belge, 21.4.2009, Ed.1, N.2009 1426 [2009/03147].

(17)  Moniteur Belge, 12.10.2011, Ed.2, N.2011 2682 [2011/205241].

(18)  Wara l-introduzzjoni tal-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi, il-Liġi dwar l-organizzazzjoni tal-BNB ġiet aġġustata kif xieraq, u ġie introdott l-Artikolu 36/24 (http://www.nbb.be/doc/ts/Enterprise/juridisch/F/loi_organique.pdf).

(19)   “Jidher li ċ-ċirkostanzi attwali qed iwieġbu għal dawn il-kundizzjonijiet, fis-sens li l-kriżi tad-dejn sovran, it-taqlib attwali fis-swieq finanzjarji u l-falliment tas-swieq interbankarji qed ipoġġu l-ekonomija tagħna f'riskju ta' kriżi sistemika serja. B'hekk, garanzija min-naħa tal-Istat li tkopri l-ishma individwali ta' ċerti kooperattivi approvati, tkun tippermetti li jiġu limitati l-effetti ta' din il-kriżi.” (“Les circonstances actuelles nous semblent répondre à ces conditions, en ce que la crise des dettes souveraines, les perturbations actuelles sur les marches financiers et le dysfonctionnement des marchés interbancaires font peser sur notre économie un risque grave de cette crise systémique. A cet effet, une garantie d'Etat couvrant les parts des coopérateurs de certaines sociétés coopératives agréées permettrait de limiter les effets de cette crise.”)

(20)   “Il-leġiżlatur jiġġustifika din id-dispożizzjoni abbażi ta' analoġija bejn l-ishma individwali ta' ċerti kooperattivi u d-depożiti bankarji. Billi din l-opinjoni hija limitata għall-abbozz tad-Digriet Irjali, hija ma għandhiex għalfejn teżamina l-analoġija msemmija.” (“Le législateur justifie cette disposition sur la base d'une assimilation des parts de coopérateurs de certaines sociétés coopératives à des dépôtsbancaires. Le présent avis étant limité à l'avant-projet d'Arrêté royal, il n'examine pas l'assimilation pratiquée par le législateur.”)

(21)   “Mill-ewwel daqqa t'għajn, ma jidhirx li se jkun faċli nikkonvinċu lill-Kummissjoni dwar il-fatt li l-miżura, li l-abbozz tad-Digriet Irjali għandu l-għan li jimplimenta, hija miftuħa għall-atturi kollha komparabbli tas-suq u għaldaqstant ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.” (“Prima facie, il ne nous semble pas évident de convaincre à coup sûr la Commission de ce que la mesure que l'avant-projet d'Arrêté royal vise à exécuter s'adresse bien à tous les acteurs comparables du marché et ne relève donc pas du champ d'application des règles sur les Aides d'Etat.”)

(22)   “Din in-natura fakultattiva tal-iskema twassal għal riskju ta' għażla avversa, li minħabba fiha l-uniċi kooperattivi li effettivament jikkontribwixxu għall-Fond ta' Protezzjoni Speċjali jkunu dawk esposti ferm għal riskju ta' telf.” (“Ce caractère facultatif donne lieu à un risque de sélection adverse par lequel seules les sociétés coopératives fortement exposées à des risques de perte contribueraient effectivement au Fonds Spécial de Protection.”)

(23)  Moniteur Belge, 18.11.2011 Ed.2, N.2011 2974 [2011/03368].

(24)  L-impriża kooperattiva ARCOPAR ħallset total ta' EUR 1 794 102, ARCOFIN ħallset EUR 193 391 u ARCOPLUS ħallset EUR 63 265.

(25)   ĠU L 135, 31.5.1994, p. 5.

(26)  L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva SGD jiddefinixxi “istituzzjoni ta' kreditu” bħala “intrapriża li n-negozju tagħha jkun li tirċievi depożiti jew fondi oħra ripagabbli mill-pubbliku u li tagħti krediti mill-kont tagħha.”

(27)  L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva SGD jiddefinixxi “depożitu” bħala “xi bilanċ ta' kreditu li jirriżulta minn fondi li jitħallew f'kont jew minn sitwazzjonijiet temporanji li joħorġu minn tranżazzjonijiet bankarji normali u li l-istituzzjoni ta' kreditu għandha tħallas skont il-kundizzjonijiet legali u kontrattwali applikabbli, u xi dejn b'xhieda ta' ċertifikat maħruġ mill-istituzzjoni ta' kreditu”.

(28)  Is-segment tad-depożiti bejn il-EUR 50 000 u l-EUR 100 000 u l-kopertura ta' mhux aktar minn EUR 100 000 tal-prodotti ta' assigurazzjoni tal-ħajja tal-fergħa 21 u tal-ishma individwali tal-kooperattivi finanzjarji.

(29)  http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/ecofin/103250.pdf.

(30)  L-Artikolu 2 tad-Direttiva SGD jgħid dan li ġej: “Dawn li ġejjin għandhom ikunu esklużi minn xi skemi ta' garanzija ta' pagament lura: …

l-istrumenti kollha li jidħlu fid-definizzjoni ta' ‘fondi tagħha’ fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/299/KEE tas-17 ta' April 1989 dwar il-fondi tagħhom tal-istituzzjonijiet ta' kreditu”.

(31)   ĠU L 68, 13.3.2009, p. 3.

(32)   ĠU L 84, 26.3.1997, p. 22.

(33)  Moniteur Belge, 6.8.1999, Ed 2, N.99-2630 [99/09646].

(34)  http://www.ejustice.just.fgov.be/cgi_loi/loi_a.pl?language=nl&caller=list&cn=1962010830&la=n&fromt ab = wet&sql = dt='koninklijk%20besluit'&tri = dd+as+rank&rech=1&numero=1.

(35)  Il-Kunsill Nazzjonali tal-Kooperattivi — imwaqqaf mil-Liġi tal-20 ta' Lulju 1955 — għandu rwol importanti fil-proċess ta' rikonoxximent ta' kooperattivi rikonoxxuti.

(36)  L-istess artikolu tal-Kodiċi tat-Taxxa jelenka prodotti finanzjarji oħrajn li l-introjtu tagħhom ukoll huwa parzjalment jew totalment eżentat mit-taxxi minn ras il-għajn.

(37)  Sors: “Entreprendre avec du capital coopératif: Le Groupe ARCO 1935-2005”; Maarten Van Dijck, Kadoc, Lannoo, paġni 176-177.

(38)  Għandu jiġi rrimarkat li eżatt wara t-tranżazzjoni Dexia fl-2001, ARCOFIN ċeda temporanjament l-istatus tiegħu ta' kooperattiva rikonoxxuta. Fil-pubblikazzjoni “Entreprendre avec du capital coopératif” dan il-perjodu huwa deskritt kif ġej (verżjoni tradotta, mhux uffiċjali): “Ftit tax-xhur wara t-tranżazzjoni Dexia, ARCO bidel l-Istatuti ta' Assoċjazzjoni tal-entitajiet kooperattivi tiegħu biex jippermetti lil dawk l-azzjonisti li kienu diġà azzjonisti qabel it-tranżazzjoni Dexia, jieħdu sehem fil-prospetti mtejbin ta' profitt għall-Grupp Dexia u għall-entitajiet ARCO. L-Istatuti ta' Assoċjazzjoni l-ġodda pprevedew li, minn issa 'l quddiem, il-proporzjon minimu ta' rimborż lill-azzjonisti kien se jammonta għal 80 % u dak massimu għal 90 % tal-profitt annwali ordinarju. Konsegwentement, id-dividend ta' ARCOFIN f'Marzu seta' jiġi miżjud minn 6 % net għal 8 % gross. Minħabba li dik iż-żieda wasslet għal ksur tad-dividend massimu previst (6 %) għall-kooperattivi rikonoxxuti, ARCOFIN tilef l-istatus tiegħu bħala kooperattiva rikonoxxuta għall-Kunsill Nazzjonali għall-Kooperattivi. Dan implika li l-eżenzjoni tat-taxxa minn ras il-għajn ma baqgħetx applikabbli. Wara t-taxxa minn ras il-għajn, il-maġġoranza tal-azzjonisti kooperattivi kienu għadhom qed jaqilgħu dividend nett ta' 6,8 %. F'Marzu 2005, id-dividend gross ġie miżjud għal 8,5 %.”

(39)  http://www.groeparco.be/website/groeparco/assets/files/arcopar/ARCOPAR_20100629_FR.pdf.

(40)  L-Istatuti ta' Assoċjazzjoni jispeċifikaw li “… irtirar bħal dan jista' jiġi miċħud jekk, b'segwitu għall-irtirar, aktar minn 1/10 tal-azzjonisti jew aktar minn 1/10 tal-kapital investit ikollu jitneħħa matul sena finanzjarja waħda…” (“…cette démission peut être refusée si à la suite de la démission, plus d'1/10 des actionnaires ou plus d'1/10 du capital placé devrait disparaître au cours du même exercice…”).

(41)  Dawn huma ishma li ilhom hemm minn qabel l-amalgamazzjoni ma' Dexia.

(42)  Fuq il-websajt tiegħu (http://www.groeparco.be/faq/be-fr/150/detail/item/789/) ARCO jispjega li r-riżerva bonus ġiet introdotta fl-2004 fl-Istatuti ta' Assoċjazzjoni tal-kumpanija. Sakemm ir-riżultati ta' ARCOPAR kienu jippermettu, l-entità setgħet iżżid ammont mar-riżerva bonus sal-2010. L-azzjonisti kooperattivi li kienu diġà azzjonisti qabel it-3 ta' Lulju 2001 (jiġifieri, id-detenturi tal-ishma tal-kategoriji A, B u C) huma intitolati għal sehem proporzjonali tar-riżerva bonus. Din ir-riżerva bonus tiżdied mal-valur kapitali tal-ishma tagħhom. Pereżempju: L-azzjonist X joħroġ mill-kooperattiva b'valur kapitali ta' EUR 100 u l-ammont tal-kapital totali tal-ishma tal-kategoriji A, B u C jammonta għal EUR 10 000. B'riżultat ta' hekk, l-azzjonist X jipposjedi 1/100 tal-kapital totali tal-kumpanija. Ir-riżerva bonus totali tammonta għal EUR 500. L-applikazzjoni tal-proporzjon 1/100 twassal għal ammont ta' EUR 5. L-azzjonist X se jirċievi, fil-mument tal-ħruġ tiegħu, kapital ta' EUR 100 + EUR 5 tar-riżerva bonus.

(43)  L-Artikolu 35 fl-Istatuti ta' Assoċjazzjoni ta' ARCOPAR jistipula li: “Ħlief jekk l-Assemblea Ġenerali ma tiddeċidiex mod ieħor, l-assi kollha tal-kumpanija jridu jiġu likwidati. Fil-każ li l-ishma kollha ma jiġux irrilaxxati bl-istess mod, il-likwidaturi jitolbu li jsiru pagamenti addizzjonali, jew inkella jagħmlu pagamenti minn qabel biex jiżguraw li jinżamm bilanċ. Wara li jitħallsu d-djun u l-imposti soċjali, il-bilanċ qabel xejn iservi bħala rimborż għall-kapital imħallas fuq l-ishma. Fi kwalunkwe każ, il-bilanċ eventwali tal-likwidazzjoni jrid isir b'kunsiderazzjoni tal-objettivi tal-kumpanija” (“Sauf si l'Assemblée générale en décide autrement, tous les actifs de la société sont réalisés. Au cas où les parts ne sont pas toutes libérées dans la même mesure, les liquidateurs restaurent l'équilibre, soit en demandant des versements supplémentaires, soit en effectuant des paiement préalables. Après paiement des dettes et des charges sociales, le solde servira d'abord au remboursement des sommes libérées sur les parts. En tout cas, le solde éventuel de la liquidation doit être affecté en tenant compte des objectifs de la société”).

(44)  Il-proporzjon tad-dejn ta' ARCOPAR (jiġifieri id-dejn/l-obbligazzjonijiet totali) kien jammonta għal 19,1 % (il-31 ta' Marzu 2011), filwaqt li l-proporzjoni tad-dejn ta' ARCOPLUS u ta' ARCOFIN kienu jammontaw għal 6,5 % (il-31 ta' Marzu 2011) u għal 25,9 % (il-31 ta' Diċembru 2010) rispettivament.

(45)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — L-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti (ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8).

(46)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża N256/09 — Għajnuna ta' Ristrutturar għal Ethias, ĠU C 252, 18.9.2010, p. 5. Il-Premessa 99 ta' din id-Deċiżjoni tgħid dan li ġej (verżjoni mhux uffiċjali): “Il-Kummissjoni tirrimarka li minkejja li Ethias ibbenefikat mill-estensjoni tal-iskema, il-parteċipanti kollha fis-suq għandhom aċċess għaliha bl-istess kundizzjonijiet. Fid-dawl ta' dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-vantaġġ ikkonferit mill-miżura mhuwiex selettiv u għaldaqstant ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE”.

(47)  Ara l-premessa 26 u n-nota f'qiegħ il-paġna 36.

(48)  Ara l-premessa 23.

(49)  Il-Kawża N428/09: Ir-ristrutturar tal-Lloyds Banking Group, ĠU C 46, 24.2.2010, p. 2, premessa 124.

(50)  Ara l-Kawżi Konġunti C-78/08 sa C-80/08, Paint Graphos and others, [2011] Ġabra I-7611, il-paragrafu 61.

(51)  L-Istat Belġjan jirreferi pereżempju għall-Iskema ta' Garanzija tad-Depożiti Irlandiża, li tkopri wkoll id-depożiti li jmorru lil hinn mil-livell limitu ta' EUR 100 000, għall-Fond ta' Garanzija għad-Depożituri u l-Investituri Daniż, li skont l-Istat Belġjan ikopri totalment il-kontijiet tal-pensjonijiet, il-kontijiet tal-klijenti tal-avukati kif ukoll id-depożiti tal-prezz tax-xiri ta' proprjetajiet immobbli sa disa' xhur wara li jkun sar id-depożitu, u għall-Awtorità Ċiprijotta għas-Superviżjoni u l-Iżvilupp ta' Kumpaniji Kooperattivi li, skont l-Istat Belġjan, tħares id-depożiti permanenti tal-membri tal-kumpaniji kooperattivi ta' tfaddil.

(52)  L-Istat Belġjan spjega li ARCO għandu 800 000 azzjonist individwali, Cera għandu aktar minn 400 000, Lanbokas/Agricaisse għandu 150 000 u ArgenCo kważi 70 000.

(53)  Ara wkoll il-premessa 11.

(54)  Ara wkoll il-premessa 13.

(55)  Ara b'mod partikolari r-rendikont li ta l-Ministru tal-Finanzi ta' dak iż-żmien lill-Kummissjoni Dexia, deskritt fil-premessa 8 u fin-nota f'qiegħ il-paġna nru 6. Ara wkoll l-istqarrijiet tal-Ministru tal-Finanzi attwali, ippubblikati fir-rivista Trends u ċċitati fin-nota f'qiegħ il-paġna nru 7.

(56)  Hekk kif ġie kkonfermat ukoll mir-rendikont li ta l-Ministru tal-Finanzi ta' dak iż-żmien lill-Kummissjoni Dexia, deskritt fil-premessa 8 u fin-nota f'qiegħ il-paġna nru 6.

(57)   “Fl-istess ħin” (“En même temps” ) fid-dikjarazzjonijiet tal-Ministru tal-Finanzi ta' dak iż-żmien lill-Kummissjoni Dexia, iċċitati fin-nota f'qiegħ il-paġna nru 6.

(58)  Ara l-Kawżi Konġunti C-399/10 P u C-401/10 P, Bouygues SA u Bouygues Télécom SA vs. Il-Kummissjoni Ewropea et al. [2013] Ġabra I-0000.

(59)  Ara pereżempju l-premessa (48) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2010 fil-Kawża NN11/10 dwar il-miżuri ta' appoġġ f'kapital b'rabta mal-Irish Nationwide Building Society, ĠU C 60, 25.2.2011, p. 6, “ Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-għajnuna ġiet effettivament mogħtija fit-22 ta' Diċembru 2009 abbażi tal-indikazzjoni mill-Ministru tal-Finanzi bl-intenzjoni li jirrikapitalizza lill-INBS ”; il-premessa 41 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Awwissu 2010 fil-Kawża NN 35/10 dwar it-tielet rikapitalizzazzjoni favur l-Anglo Irish Bank, ĠU C 290, 27.10.2010, p. 4: “ Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li r-rikapitalizzazzjoni ġiet mogħtija b'mod effettiv fit-30 ta' Ġunju 2010, abbażi tal-indikazzjoni mill-Ministru tal-Finanzi bl-intenzjoni li jirrikapitalizza lill-Anglo ”, il-premessi 49 u 50 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Lulju 2012 fil-Kawża SA.34824 dwar l-impenn ta' rikapitalizzazzjoni tal-Bank Nazzjonali tal-Greċja permezz tal-Hellenic Financial Stability Fund (HFSF), ĠU C 359, 21.11.2012, p. 18Ir-rikapitalizzazzjoni tranżitorja ffinalizzata fit-28 ta' Mejju 2012 hija l-implimentazzjoni tal-obbligu meħud fl-ittra ta' impenn u għaldaqstant hija kontinwazzjoni tal-istess għajnuna ”.Raġunament simili ġie applikat ukoll f'kawżi oħrajn li jirrigwardaw banek Griegi: l-impenn ta' rikapitalizzazzjoni tal-Bank Alpha permezz tal-HFSF, SA.34823, ĠU C 357, 20.11.2012, p. 36; l-impenn ta' rikapitalizzazzjoni tal-Eurobank permezz tal-HFSF, SA.34825, ĠU C 359, 21.11.2012, p. 31, u l-impenn ta' rikapitalizzazzjoni tal-Bank Piraeus permezz tal-HFSF, SA.34826, ĠU C 359, 21.11.2012, p. 43.

(60)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 7.

(61)  Kif deskritt fil-premessi 56 u 63.

(62)  Ara l-Kawża C-262/12 Vent de Colère [2013] Ġabra I-0000, il-paragrafu 21, u l-Kawża T-358/94 Air France vs. Il-Kummissjoni [1996] Ġabra II-2109, il-paragrafi 63 sa 69.

(63)  Ara l-Kawża C-279/08 P Il-Kummissjoni vs. Il-Pajjiżi l-Baxxi [2011] Ġabra I-7671, il-paragrafu 111.

(64)  F'dan ir-rigward, ara l-Kawża C-460/07 Puffer [2009] Ġabra I-3251, il-paragrafi 69 sa 71, u l-Kawża T-351/02 Deutsche Bahn vs. Il-Kummissjoni [2006] Ġabra II-1047, il-paragrafi 99 sa 104.

(65)  Il-Kawża C-156/98 Il-Ġermanja vs. Il-Kummissjoni [2000] Ġabra I-6857, il-paragrafi 26 u 27; u l-Kawża C-382/99 Il-Pajjiżi l-Baxxi vs. Il-Kummissjoni [2002] Ġabra I-5163, il-paragrafi 38 u 60 sa 66. Ara wkoll il-Kawża T-445/05 Associazione italiana del risparmio gestito and Fineco Asset Management vs. Il-Kummissjoni [2009] Ġabra II-289, il-paragrafu 131.

(66)  Ara wkoll l-istqarrijiet tal-Ministru tal-Finanzi Belġjan attwali, ippubblikati fir-rivista Trends u ċċitati fin-nota f'qiegħ il-paġna nru 7.

(67)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 39.

(68)  Ara l-premessa (44).

(69)  Barra minn hekk, ARCO akkwista vantaġġ mill-miżura sal-punt fejn hu seta' juża l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi biex jattira kapital ġdid, anke jekk il-Kummissjoni tirrikonoxxi li sa mill-10 ta' Ottubru 2008, ARCO ma użax din il-possibbiltà. B'kuntrast ma' dan, filwaqt li kooperattivi finanzjarji oħrajn bħal ArgenCo u Lanbokas/Agricaisse tabilħaqq iġġeneraw kapitali ġodda, huma tbiegħdu b'mod espliċitu mill-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi kif deskritt fin-nota f'qiegħ il-paġna nru 12.

(70)  Ara l-premessa 60, li tiddeskrivi dak li l-Istat Belġjan iqis bħala l-karatteristiċi ewlenin tal-ishma individwali ta' kooperattivi finanzjarji.

(71)  Il-premessa 44 b'mod partikolari tindika li l-azzjonisti ta' ARCO kienu investew, permezz tal-ingranaġġ, f'assi li huma kkaratterizzati minn riskju kbir marbut ma' impriża waħda (jiġifieri, Dexia).

(72)  Ara l-paragrafi 48 sa 76 tas-sentenza.

(73)  Il-paragrafi 67 sa 73 tas-sentenza.

(74)  Il-paragrafu 74 tas-sentenza.

(75)  Il-paragrafi 75 sa 76 tas-sentenza.

(76)  Ara l-premessa 26.

(77)  Ara fil-premessa 44, it-taqsira tal-fatturi tar-riskji marbuta mal-ishma ta' ARCOPAR, deskritti mal-prospett ta' dan tal-aħħar, li ġie ppublikat fis-sajf 2008.

(78)  Billi l-analiżi fil-premessa 107 hija biżżejjed biex tindika li l-iskema ta' garanzija għall-kooperattivi ma tissodisfax il-kriterji deskritti f'Paint Graphos, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tesprimi ruħha, f'din id-Deċiżjoni, dwar il-kwistjoni jekk hemmx proċeduri xierqa ta' kontroll u monitoraġġ biex jiġi evitat li l-entitajiet ekonomiċi jagħżlu u jibdlu l-forma legali tagħhom bl-iskop uniku li jieħdu vantaġġ minn ċerti benefiċċji għal dik it-tip ta' impriża (il-parti (ii) tal-analiżi tal-Kawża Paint Graphos).

(79)  Ara, għal analiżi simili, is-sejbiet tal-Qorti fil-Kawża C-156/98 Il-Ġermanja vs. Il-Kummissjoni [2000] Ġabra I-6857, il-paragrafi 29 sa 31.

(80)  Ara l-Kawża C-197/11 Libert et al. [2013] Ġabra I-0000, il-paragrafi 76 sa 79.

(81)  Ara l-Kawżi Konġunti T-132/96 u T-143/96 Freistaat Sachsen, Volkswagen AG u Volkswagen Sachen GmbH vs. Il-Kummissjoni [1999] Ġabra II-3663, il-paragrafu 167.

(82)  Fl-istess ħin, il-punt (11) tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2008 żied jgħid li l-użu tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat ma għandux jiġi estiż lil hinn mis-settur finanzjarju ta' dak iż-żmien.

(83)   ĠU C 83, 7.4.2009, p. 1.

(84)  L-attivitajiet ta' istituzzjonijiet finanzjarji huma, pereżempju dawk elenkati fl-Anness I ta' mad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

(85)  Ara l-Kawża 730/79 Philip Morris [1980] Ġabra 2671.

(86)  Ara l-premessa 41.

(87)  Kif indikat fil-premessa 13.

(88)  Meta kumpanija tfalli, l-azzjonisti tagħha jitilfu l-iskopertura tagħhom skont il-grad li jkollhom fl-istruttura tal-obbligazzjonijiet. Dan il-proċess jissejjaħ l-“istruttura kaskata”.

(89)  Il-Kummissjoni tinnota li l-ittra tabilħaqq tuża l-forma kondizzjonali “permettrait” u mhux il-forma futura aktar assertiva “permettra”.

(90)  Ara wkoll il-kummenti fl-ittra tal-Gvernatur tal-BNB fil-premessa 13.

(91)  Għall-finijiet ta' sempliċità, il-Kummissjoni żviluppat mudell ta' perjodu uniku, li jassumi li l-azzjonisti individwali jistgħu joħorġu biss matul dak il-perjodu. Din hija suppożizzjoni konservattiva.

(92)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 40.

(93)  Il-Kummissjoni tosserva li jekk l-azzjonisti l-oħrajn ta' ARCO ma jirtirawx flushom, l-azzjonisti individwali jkunu jistgħu jirtiraw perċentwal ikbar. Madankollu, sabiex tieħu approċċ konservattiv, il-Kummissjoni użat rata ta' 10 %, għall-finijiet ta' dawn il-kalkoli.

(94)  Sabiex tkun tista' tqabbel ma' każ tipiku ta' bank li ġarrab assalt bankarju fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja reċenti, ara l-Kawża Northern Rock, ĠU C 149, 1.7.2009, p. 16.

(95)  Jiġifieri, billi tissottovaluta potenzjalment il-vantaġġ.

(96)  Ara l-Kawża C-403/10 P Mediaset vs. Il-Kummissjoni [2011] Ġabra I-117*, Pubb. somm., il-paragrafi 126 u 127, u l-każistika ċċitata fiha.

(97)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 2011 fil-Kawża T-384/08, Elliniki Nafpigokataskevastiki et al. vs. Il-Kummissjoni (Ġabra II, il-paġna 380, il-paragrafu 133).

(98)   ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.