20.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 278/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-23 ta' Ġunju 2014

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mat-trattament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-parti l-oħra

(2014/669/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 79(2)(b), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Jannar 2007 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Ukraina għall-konklużjoni ta' ftehim ġdid bejn l-Unjoni u l-Ukraina li jissostitwixxi l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (1).

(2)

B'kont meħud tar-relazzjoni storikament stretta u r-rabtiet li progressivament isiru mill-qrib bejn il-Partijiet, kif ukoll ix-xewqa tagħhom li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b'mod ambizzjuż u innovattiv, in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fl-2012.

(3)

Wara l-iffirmar tal-Preambolu, l-Artikolu 1, u t-Titoli I, II u VII fis-Summit bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, li sar fi Brussell fil-21 ta' Marzu 2014, il-partijiet pendenti tal-Ftehim għandhom jiġu ffirmati f'isem l-Unjoni.

(4)

Din id-Deċiżjoni tirrigwarda biss l-Artikolu 17 tal-Ftehim, li fih obbligi speċifiċi li jirrigwardaw it-trattament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-parti l-oħra u li jaqa' fl-ambitu tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-għan u l-kontenut ta' dawk id-dispożizzjonijiet huma distinti u indipendenti mill-għan u l-kontenut tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-partijiet. Deċiżjoni separata li tirrigwarda d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Ftehim sal-punt li dawn ikunu għadhom ma ġewx iffirmati fil-21 ta' Marzu 2014, ser tiġi adottata b'mod parallel ma' din id-Deċiżjoni.

(5)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawk l-Istati Membri mhumiex jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhumiex marbuta biha jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(6)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(7)

Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) fir-rigward tal-Artikolu 17 tiegħuhuwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi u skont l-Att Finali.

2.   It-test tal-Ftehim huwa mehmuż mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/295/UE tas-17 ta' Marzu 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Preambolu, Artikolu 1, u Titoli I, II u VII tiegħu (2).

L-Att Finali huwa mehmuż mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-Titolu III (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trattament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-parti l-oħra) u t-Titoli IV, V, VI u VII tiegħu, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati (3), adottata b'mod parallel ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati jew tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (ĠU L 49, 19.2.1998, p. 3).

(2)   ĠU L 161, 29.5.2014, p. 1.

(3)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.