17.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 275/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Settembru 2014

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ dwar l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali tal-2005 dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda

(2014/664/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda, 2005 (1) (“il-Ftehim”) se jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2014, sakemm il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) ma jiddeċidix li jestendih f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47(1) u (2) tal-Ftehim.

(2)

Fid-19 ta' Novembru 2013, il-Kunsill ta l-awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati f'isem l-Unjoni għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali ġdid dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda.

(3)

Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet fi ħdan l-IOC dwar ftehim ġdid. Issa hu ċert li d-data ta' skadenza tal-31 ta' Diċembru 2014 mhix se tiġi rrispettata biex jiġi konkluż ftehim. Għalhekk, huwa fl-interess tal-Unjoni li tiżgura li l-Ftehim eżistenti jiġi estiż.

(4)

L-estensjoni tal-Ftehim attwali hija distinta min-negozjati dwar il-konklużjoni ta' ftehim ġdid. Għalhekk, l-Unjoni għandha titlob li l-Ftehim eżistenti jiġi estiż b'sena u tivvota favur tali estensjoni jekk din tiġi proposta lill-Kunsill tal-Membri tal-IOC,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ, hija li titlob estensjoni ta' sena tal-Ftehim dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda eżistenti u li tivvota favur l-estensjoni ta' sena tal-Ftehim Internazzjonali tal-2005 dwar iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda jekk din tiġi proposta lill-Kunsill tal-Membri.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Settembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU L 302, 19.11.2005, p. 47.