3.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 263/29


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-1 ta' Settembru 2014

dwar il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-użu tal-ispettru tar-radju minn tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-ħolqien ta' programmi u avvenimenti speċjali fl-Unjoni

(notifikata bid-dokument C(2014) 6011)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/641/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (id-Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (1), b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

It-tagħmir għall-ħolqien ta' programmi u avvenimenti speċjali (PMSE) jkopri varjetà wiesgħa ta' applikazzjonijiet ta' trażmissjoni tal-awdjo u l-vidjo li huma dejjem aktar importanti għall-iżvilupp tal-midja u l-industrija tad-divertiment fl-Unjoni. Dawn jinkludu xandir, preżentazzjonijiet kulturali, mużikali u teatrali, u avvenimenti sportivi u soċjali. It-tagħmir għall-PMSE jintuża għal skopijiet professjonali u mhux professjonali, minn avvenimenti lokali għal avvenimenti madwar l-Unjoni kollha. Il-mikrofoni mingħajr fili huma l-aktar tip komuni ta' tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE, u huma wkoll l-aktar mifruxa; sistemi assoċjati jinkludu sistemi ta' tagħmir ta' monitoraġġ li jiddaħħal fil-widna u talkback portabbli u links awdjo.

(2)

Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha tas-26 ta' Settembru 2012 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni (2), irrikonoxxiet l-industriji kulturali u kreattivi bħala wieħed mis-setturi ekonomiċi l-iktar dinamiċi tal-Ewropa u xprun essenzjali tad-diversità kulturali fl-Ewropa. Id-Deċiżjoni 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), b'mod partikolari l-Artikolu 8(5) tagħha, tenfasizza aktar l-importanza tal-PMSE u tirrikjedi li l-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jipprovaw jiżguraw il-bandi ta' frekwenza meħtieġa għal dan it-tagħmir, skont l-objettivi tal-Unjoni biex itejbu l-integrazzjoni tas-suq intern u l-aċċess għall-kultura. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(6) ta' dik id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw modi u, fejn xieraq, jieħdu miżuri tekniċi u regolatorji sabiex jiżguraw li l-liberalizzazzjoni tal-banda ta' 800 MHz ma taffettwax ħażin lill-utenti tat-tagħmir għall-PMSE.

(3)

Il-qafas regolatorju attwali mhuwiex kompletament armonizzat fl-Istati Membri tal-UE fir-rigward tal-ispettru użat minn tagħmir għall-PMSE minħabba d-diskrepanzi storiċi fi pjanijiet għall-frekwenzi nazzjonali u fil-ġestjoni ta' talbiet nazzjonali u ħtiġijiet lokali li jvarjaw. Għalkemm ħafna Stati Membri japplikaw ir-Rakkomandazzjoni 70–03 tal-Kumitat tar-Radjukomunikazzjonijiet Ewropej (ERC), u l-Anness 10 tagħha (4), u r-Rakkomandazzjoni 25–10 tal-ERC u l-Anness 2 tagħha (5) li jipprovdu gwida fuq bandi ta' frekwenzi u parametri tekniċi għal tagħmir għall-PMSE, dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma jiggarantixxux legalment l-armonizzazzjoni tal-ispettru użat minn tagħmir għall-PMSE madwar l-Unjoni.

(4)

L-armonizzazzjoni tal-ispettru użat minn tagħmir għall-PMSE għandha tikkontribwixxi għall-għanijiet tas-suq intern billi tittejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tal-użu tal-ispettru; billi tipprovdi viżibbiltà fuq terminu twil u ċertezza legali għall-aċċess għall-bandi tal-ispettru rilevanti mal-Unjoni kollha; tistimola r-riċerka u l-iżvilupp, eż. id-diġitalizzazzjoni tat-tagħmir għall-PMSE u aspetti oħra ta' spettru li jagħmel użu effiċjenti; tħeġġeġ l-investiment mill-manifatturi fit-teknoloġija għall-PMSE; tbaxxi l-prezzijiet; tippermetti l-ekonomiji ta' skala; trawwem il-portabbiltà transkonfinali tat-tagħmir u l-interoperabbiltà; u tevita l-isterilizzazzjoni tal-ispettru li mhux qed jintuża.

(5)

Għalkemm il-ħtiġijiet relatati mal-ispettru ta' tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE jvarjaw b'mod sinifikanti, bejn 8 MHz u 144 MHz (6), skont il-ħtiġijiet speċifiċi lokali u temporanji ta' kuljum, utenti professjonali jindikaw il-ħtiġijiet tagħhom ta' kuljum tal-ispettru għal applikazzjonijiet għall-PMSE tal-awdjo mingħajr fili ta' 96 MHz fl-ispettru UHF.

(6)

Biex inlaħħqu mad-domanda għal tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE, huwa meħtieġ spettru suffiċjenti armonizzat, għall-anqas billi niddefinixxu ammont minimu ta' spettru applikabbli fl-Unjoni kollha li se jiġġenera ekonomiji ta' skala u jiżgura l-funzjonament tas-suq intern. Madankollu, l-ispettru li bħalissa huwa armonizzat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/771/KE (7), jiġifieri 2 MHz (863–865 MHz) għal tagħmir għal meded qosra, inklużi l-applikazzjonijiet tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE, huwa insuffiċjenti biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-utenti peress li din id-deċiżjoni tkopri biss frazzjoni tal-użu tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE u meta jitqies li l-parti l-kbira tar-rekwiżiti tal-ispettru jridu jinstabu barra l-bandi koperti minn dik id-Deċiżjoni.

(7)

Diversi firxiet tal-intunar għal tagħmir tal-awdjo għall-PMSE huma identifikati fir-Rakkomandazzjonijiet tal-ERC 70–03 (l-Anness 10) u 25–10 (l-Anness 2), u l-industrija tat-tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE, fosthom il-manifatturi u l-utenti, li jindika wkoll preferenza qawwija għall-firxa tal-intunar 470-790 MHz. Fir-Rapport 32 (8) tagħha dwar l-armonizzazzjoni tal-banda ta' 800 MHz, il-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT) innutat l-importanza għall-utenti ta' tagħmir għall-PMSE ta' kanali fuljati, jew spazji bojod, fil-medda ta' 470–790 MHz, u insistiet li jinżamm l-aċċess ta' dak l-ispettru primarjament għal applikazzjonijiet għall-PMSE li jirrikjedu ċertu livell ta' protezzjoni. L-Istati Membri jipprovdu informazzjoni lis-CEPT dwar l-użu tal-ispettru u l-kundizzjonijiet tekniċi u regolatorji għal utenti tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE fit-territorju tagħhom kif ukoll lista ta' punti ta' kuntatt fl-amministrazzjonijiet nazzjonali, fejn partijiet interessati għall-PMSE jistgħu jiksbu informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-użu tal-ispettru għal applikazzjonijiet għall-PMSE.

(8)

Ir-Rapport Nru 32 tas-CEPT enfasizza li l-awdjo mingħajr fili għall-PMSE qed jiffaċċja dejjem aktar limitazzjonijiet għall-użu ta' provvista tal-ispettru u ppreveda l-ħtieġa għal adattamenti xierqa. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/267/UE (9) li tarmonizza l-kundizzjonijiet tekniċi tal-użu tal-banda 790–862 MHz għal servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi fuq bażi mhux esklussiva, naqqset id-disponibbiltà ta' din il-banda għal tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE. Jeħtieġ li tinstab soluzzjoni alternattiva fuq terminu twil biex jiġi żgurat il-futur tal-PMSE, jew billi jiġi identifikat spettru ġdid jew bl-introduzzjoni tal-kondiviżjoni tal-ispettru.

(9)

Għalhekk, skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 676/2002/KE, fil-15 ta' Diċembru 2011, il-Kummissjoni ħarġet mandat, għall-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT) (10), dwar il-kundizzjonijiet tekniċi dwar għażliet ta' armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għal mikrofoni tar-radju mingħajr fili u vidjokameras mingħajr fili.

(10)

Bi tweġiba, fit-8 ta' Marzu 2013 is-CEPT adottat ir-Rapport 50 tagħha. (11) Dan ir-rapport jikkonkludi li l-firxiet ta' frekwenzi 821–832 MHz u 1 785–1 805 MHz, li huma duplex gaps fil-bandi ta' frekwenza użati minn sistemi ta' komunikazzjoni elettroniċi, ikunu xierqa għal użu armonizzat minn tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE taħt kundizzjonijiet speċifiċi. Vidjokameras mingħajr fili, li għandhom rekwiżiti differenti tal-ispettru u joperaw f'bandi ta' frekwenza differenti, għandhom jiġu kkunsidrati separatament. Addendum għal Rapport Nru 50 tas-CEPT (12) iddefinixxa aktar il-kundizzjonijiet għall-użu ta' dawn id-duplex gaps għal applikazzjonijiet għal tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE, kif ukoll proċedura sabiex jiġi vvalutat u llimitat ir-riskju ta' interferenza fir-rigward ta' links ta' tagħmir ta' monitoraġġ li jiddaħħal fil-widna u mikrofoni mingħajr fili.

(11)

Ir-Rapport Nru 50 tas-CEPT identifika wkoll il-ħtieġa li n-netwerks ċellulari mobbli fil-bandi 800 MHz u 1 800 MHz jiġu mħarsa kontra interferenzi dannużi minn tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE sabiex ikun żgurat li n-netwerks ċellulari mobbli jistgħu joperaw fil-bandi taħt it-821 MHz u 'l fuq minn 832 MHz kif ukoll taħt l-1 785 MHz u 'l fuq minn 1 805 MHz. Dan ikun jeħtieġ, pereżempju, banda ta' protezzjoni ta' 2 MHz minn 821 sa 823 MHz u restrizzjonijiet f'0,2 MHz tal-ispettru eżatt 'il fuq mill-1 785 MHz u eżatt taħt l-1 805 MHz.

(12)

It-tagħmir għall-PMSE, b'mod partikolari meta jintuża fuq ġewwa, jista' jkun soġġett għal interferenza dannuża minn netwerks ċellulari mobbli u t-tagħmir tal-utent, bħal smart phones, bl-użu tal-bandi ta' frekwenza ħdejn xulxin qrib tal-ispettru użat minn tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE fid-duplex gaps tal-bandi 800 MHz u 1 800 MHz. F'konformità mal-għanijiet u l-prinċipji tal-programm tal-politika tal-ispettru tar-radju biex jinstabu modi biex tiġi evitata l-interferenza dannuża u jiżdied l-użu effiċjenti tal-ispettru, tali interferenza ta' ħsara li tista' tiġi evitata permezz ta' ċerti soluzzjonijiet għall-mitigazzjoni tal-interferenza bħall-proċedura speċifika sabiex tiġi żgurata l-operattività mingħajr interferenza ta' links ta' tagħmir ta' monitoraġġ li jiddaħħal fil-widna u mikrofoni mingħajr fili definiti fl-Anness 2 tal-addendum tar-Rapport CEPT 50 jew billi jiġu applikati soluzzjonijiet oħrajn ta' mitigazzjoni. L-Istati Membri, fejn xieraq għandhom jinkoraġġixxu l-applikazzjoni ta' tali soluzzjonijiet u ftehimiet għall-mitigazzjoni tal-interferenza, inkluż billi jipprovdu assistenza jew gwida lill-partijiet involuti.

(13)

Ir-rekwiżiti għal avvenimenti soċjali u kulturali spiss se jaqbżu l-ammont ta' 29 MHz disponibbli fid-duplex gaps tal-bandi 800 MHz u 1 800 MHz. Peress li r-rekwiżiti tal-ispettru għal użu tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE jvarja b'mod sinifikanti, hemm il-ħtieġa li fil-livell tal-Unjoni tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' linja bażi ta' madwar 60 MHz ta' spettru sostenibbli biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet ordinarji rikorrenti għal utenti tat-tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE, anke jekk dan ma jkunx ikopri r-rekwiżiti kollha possibbli li jista' jkun hemm.

(14)

L-Istati Membri għandhom għalhekk jipprovdu sa ammont addizzjonali possibbli ta' 30 MHz biex jissodisfaw id-domanda possibbli għal applikazzjonijiet tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE f'avvenimenti soċjali u kulturali. Spettru bħal dan għandu jintgħażel minn firxiet tal-intunar li għandhom jiġu deċiżi mill-Istati Membri, preferibbilment fil-firxa tal-ispettru 470–790 Mhz, billi jintużaw spazji bojod. L-ammont eżatt ta' spettru li għandu jiġi assenjat jew awtorizzat għandu jiddependi fuq it-talbiet speċifiċi espressi u mhux bilfors dejjem ikun jeħtieġ it-30 MHz kollha. L-Istati Membri għandhom ukoll jiddeċiedu fil-livell nazzjonali liema proċeduri tat-talba u t-tip ta' awtorizzazzjoni għandhom japplikaw għal tali spettru addizzjonali.

(15)

Barra minn hekk, ir-rekwiżiti tal-ispettru lil hinn minn 59 MHz li jistgħu jidhru f'żoni ġeografiċi speċifiċi, bħal żoni ta' produzzjoni tal-kontenut jew distretti teatrali, jew għal avvenimenti kbar u eċċezzjonali, l-aħjar li jiġu indirizzati huwa fuq bażi ta' każ b'każ fil-livell nazzjonali b'kunsiderazzjoni tal-limiti speċifiċi ġeografiċi u taż-żmien. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jippermettu l-użu ta' aktar mil-linja bażi ta' 59 MHz.

(16)

Bl-użu ta' blokki differenti ta' spettru għal applikazzjonijiet għal awdjo mingħajr fili għall-PMSE analogi differenti bħal mikrofoni mingħajr fili, sistemi talkback u tagħmir ta' monitoraġġ li jiddaħħal fil-widna jiżdiedu l-possibilitajiet għall-użu tal-ispettru billi tiġi evitata l-interferenza kkawżata minn intermodulazzjoni.

(17)

Ir-riżultati tax-xogħol imwettaq mis-CEPT (13) skont il-mandat tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 għandhom isiru applikabbli fl-Unjoni u għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri mingħajr dewmien, minħabba l-ħtieġa li jiġi pprovdut spettru xieraq għal tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE fuq terminu twil bħala tweġiba għad-domanda dejjem tikber għalih.

(18)

Hemm bżonn ta' reviżjoni regolari ta' din id-Deċiżjoni sabiex ikunu koperti żviluppi ġodda b'mod partikolari biex jiġu vvalutati r-rekwiżiti tal-ispettru tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE u l-użu reali tal-bandi armonizzati.

(19)

Il-miżuri inklużi f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Ispettru tar-Radju,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tarmonizza l-kundizzjonijiet tekniċi għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju għal tagħmir tal-awdjo mingħajr fili użat għall-ħolqien ta' programmi u avvenimenti speċjali (“PMSE”).

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE” tfisser tagħmir tar-radju użat għat-trażmissjoni ta' sinjali tal-awdjo analoġiċi jew diġitali bejn numru limitat ta' trażmettituri u riċevituri, bħal mikrofoni tar-radju, sistemi ta' tagħmir ta' monitoraġġ li jiddaħħal fil-widna jew links awdjo, użati prinċipalment għall-produzzjoni ta' programmi mxandra jew avvenimenti soċjali jew kulturali privati jew pubbliċi;

(2)

“bażi bla interferenza u bla protezzjoni” tfisser li ma tista' tiġi kkawżata l-ebda interferenza dannuża lil ebda servizz ta' radjukomunikazzjoni u li ma tista' ssir l-ebda talba għall-protezzjoni ta' dan it-tagħmir minn interferenza dannuża li toriġina minn servizzi ta' radjukomunikazzjoni.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru u jagħmlu disponibbli, fuq bażi bla interferenza u bla protezzjoni, fi żmien sitt xhur wara li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ, il-bandi 823 sa 832 MHz u 1 785 sa 1 805 MHz għal tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE, suġġett għall-kundizzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness.

2.   L-Istati Membri għandhom jaħtru u jagħmlu disponibbli, fi żmien sitt xhur wara li tidħol fis-seħħ din id-Deċiżjoni, l-ispettru tar-radju minbarra l-ispettru kopert bil-paragrafu 1, hekk li ammont addizzjonali ta' mill-inqas 30 MHz jista' jintuża għal tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE, suġġett għad-domanda tal-utent. Użu bħal dan tat-tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE għandu jkun fuq bażi bla interferenza u bla protezzjoni fir-rigward tal-utenti li għandhom tali dritt individwali għall-użu tal-ispettru.

3.   Bla ħsara għall-prinċipju ta' bla interferenza u bla protezzjoni, sabiex tittejjeb il-koeżistenza ta' tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE biex jintuża ġewwa użat fil-bandi ta' 823 sa 832 MHz u 1 785 sa 1 805 MHz u netwerks ta' komunikazzjoni elettroniċi mobbli, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu, fejn fattibbli u meħtieġ, l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet għall-mitigazzjoni tal-interferenza.

Artikolu 4

Minkejja l-Artikolu 3(1), Stat Membru jista' jżomm l-awtorizzazzjonijiet u d-drittijiet għall-użu tal-ispettru fil-bandi 823 sa 832 MHz u 1 785 sa 1 805 MHz li jeżistu fid-data meta din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ, biss sal-iskadenza tiegħu u sa fejn ikun meħtieġ. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b'dan u, ħlief għal raġunijiet ta' sigurtà pubblika jew ta' difiża, jagħmel din l-informazzjoni pubblika.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom iżommu l-użu tal-bandi koperti minn din id-Deċiżjoni taħt skrutinju sabiex jiżguraw użu effiċjenti, u b'mod partikulari għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni kwalunkwe ħtieġa ta' reviżjoni tal-Anness.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni mhux aktar tard minn disa' xhur wara li tidħol fis-seħħ

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Settembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Viċi President


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni “Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UE” COM(2012) 537 final.

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7).

(4)  Ir-rakkomandazzjoni ppubblikata mill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT): Tromsø 1997, emendi sussegwenti 7 ta' Frar 2014; L-Anness 10 Applikazzjonijiet tal-Mikrofonu tar-radju inkluż tagħmir għal dawk in-nies b'indeboliment fis-smigħ.

(5)  Edizzjoni tal-11 ta' Frar 2003.

(6)  Ir-Rapport Nru 32 tas-CEPT, Rapport mis-CEPT lill-Kummissjoni Ewropea b'risposta għall-mandat dwar “Konsiderazzjonijiet tekniċi dwar għażliet ta' armonizzazzjoni għad-dividend diġitali fl-Unjoni Ewropea”, “Rakkomandazzjoni dwar l-aħjar approċċ biex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni ta' servizzi eżistenti ta' ħolqien ta' programmi u avvenimenti speċjali (PMSE) li joperaw fl-UHF (470–862 MHz), inkluża l-valutazzjoni tal-vantaġġ ta' approċċ fil-livell tal-UE”, Rapport Finali fit-30 ta' Ottubru 2009.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/771/KE tad-9 ta' Novembru 2006 dwar l-armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għal użu ma' tagħmir għal meded qosra (ĠU L 312, 11.11.2012, p. 66).

(8)  Ir-rapport finali tas-CEPT fit-30 ta' Ottubru 2009.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/267/UE tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-banda ta' frekwenza 790–862 MHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta' komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 117, 11.5.2010, p. 95).

(10)  Il-mandat lis-CEPT dwar il-kundizzjonijiet tekniċi dwar għażliet ta' armonizzazzjoni tal-ispettru għal mikrofoni tar-radju mingħajr fili u vidjokameras mingħajr fili (tagħmir għall-PMSE), il-15 ta' Diċembru 2011, final.

(11)  Ir-Rapport A mis-CEPT lill-Kummissjoni Ewropea b'risposta għal mandat tal-Kummissjoni Ewropea “Dwar il-kundizzjonijiet tekniċi rigward għażliet ta' armonizzazzjoni tal-ispettru għal mikrofoni tar-radju mingħajr fili u vidjokameras mingħajr fili (tagħmir għall-PMSE)”, il-kundizzjonijiet tekniċi għall-użu tal-bandi 821–832 MHz u 1 785–1 805 MHz għal mikrofoni tar-radju mingħajr fili fl-UE, rapport approvat fit-8 ta' Marzu 2013 mill-KKE.

(12)  Addendum għar-Rapport CEPT 50 dwar “L-użu tal-bandi ta' frekwenza ta' 821–832 MHz u 1 785–1 805 MHz għal mikrofoni tar-radju mingħajr fili”, rapport approvat fit-8 ta' Novembru 2013 mill-KKE.

(13)  Ir-Rapport Nru 50 tas-CEPT u l-addendum tiegħu.


ANNESS

Tabella 1

Il-kundizzjonijiet tal-firxa block edge mask huma applikabbli għat-tagħmir awdjo mingħajr fili għall-PMSE fid-duplex gap frequency division duplex (FDD) tal-banda 800 MHz (821-832 MHz)

Frekwenzi taħt it-821 MHz

821-823 MHz

823-826 MHz

826-832 MHz

Frekwenzi 'l fuq mit-832 MHz

Limiti ta' referenza 'l barra mill-blokk

Banda ta' protezzjoni (għall-protezzjoni kontra interferenzi tal-apparat għall-PMSE f'sistemi terrestri kapaċi li jipprovdu servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (downlink))

Limiti ġewwa l-blokk

Limiti ta' referenza 'l barra mill-blokk

Il-qawwa iżotropa ekwivalenti rradjata 'l barra mill-blokk (e.i.r.p.) hija – 43 dBm/(5 MHz)

e.i.r.p. ġewwa l-blokk ta' 13 dBm għal tagħmir tal-awdjo portabbli għall-PMSE.

e.i.r.p. ġewwa l-blokk ta' 20 dBm għal tagħmir tal-awdjo li jintlibes għall-PMSE.

e.i.r.p. ġewwa l-blokk huwa 20 dBm

e.i.r.p. 'il barra mill-blokk huwa – 25 dBm/(5 MHz).


Tabella 2

Il-kundizzjonijiet tal-firxa block edge mask applikabbli għal tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE fid-duplex gap FDD tal-banda 1 800  MHz (1 785 -1 805  MHz) għal tagħmir portabbli (e.i.r.p.)

 

Firxa ta' frekwenza

Tagħmir portabbli (e.i.r.p.)

'il barra mill-blokk

< 1 785 MHz

– 17 dBm/200kHz

Firxa ta' frekwenza ristretta

1 785 -1 785,2 MHz

4 dBm/200kHz

 

1 785,2 -1 803,6 MHz

13 dBm/kanal

 

1 803,6 -1 804,8 MHz

10 dBm/200kHz, b'limitu ta' 13 dBm/kanal.

Firxa tal-frekwenza ristretta

1 804,8 -1 805 MHz

– 14 dBm/200kHz

'il barra mill-blokk

> 1 805 MHz

– 37 dBm/200kHz


Tabella 3

Kundizzjonijiet tal-firxa block edge mask applikabbli għat-tagħmir tal-awdjo mingħajr fili għall-PMSE fid-duplex gap FDD tal-banda 1 800 MHz (1 785 -1 805 MHz) għal tagħmir li jintlibes (e.i.r.p.)

 

Firxa tal-frekwenza

Tagħmir li jintlibes (e.i.r.p.)

'il barra mill-blokk

< 1 785 MHz

– 17 dBm/200kHz

 

1 785 -1 804,8 MHz

17 dBm/kanal

Firxa tal-frekwenza ristretta

1 804,8 -1 805 MHz

0 dBm/200kHz

'il barra mill-blokk

> 1 805 MHz

– 23 dBm/200kHz