28.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 200/56


DEĊIŻJONI TAL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-16 ta’ Ġunju 2014

li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew

(2014/C 200/02)

IL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 223(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 23 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

B’konfomita’ mal-Artikolu 69(2) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (2) (“il-Miżuri ta’ Implimentazzjoni”), l-ammont massimu ta’ kull xahar li jista’ jitħallas fir-rigward tal-assistenza parlamentari għandu jiġi marbut mal-indiċi skont l-aġġustamenti għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 423/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2014 jistipula li l-aġġustament tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-2011 u l-2012 huwa 0 % u 0,8 %, rispettivament. Barra minn hekk, bħala parti mill-kompromess politiku dwar ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni, kien ġie deċiż li r-remunerazzjoni u l-pensjonijiet għas-snin 2013 u 2014 ikunu ffriżati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 33 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

L-ammont massimu kull xahar li jista’ jitħallas fir-rigward tal-membri kollha tal-istaff personali msemmija fl-Artikolu 34 għandu jkun EUR 21 379 b’effett mill-1 ta’ Lulju 2012.”.

Artikolu 2

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2012.


(1)  Id-Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad- 9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU C 159, 13.7.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 423/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jaġġusta, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2012, ir-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom (ĠU L 129, 30.4.2014, p. 12).