7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/14


DEĊIŻJONI Nru 554/2014/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Mejju 2014

dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Programm ta’ Riċerka u Żvilupp għall-Għajxien Attiv u Megħjun li qed isir b’mod konġunt minn diversi Stati Membri

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 185 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz ta' att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta' Marzu bit-titolu 'Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv' (l-"Istrateġija Ewropa 2020"), il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li jiġu żviluppati kondizzjonijiet favorevoli għall-investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni sabiex ikun hemm tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv fl-Unjoni. Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill approvaw dik l-istrateġija.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa Orizzont 2020 - Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) ("Orizzont 2020"). Orizzont 2020 għandu l-għan li jkollu impatt ikbar fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni billi jikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sħubiji pubbliċi-pubbliċi, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni fi programmi mwettqin minn diversi Stati Membri f'konformità mal-Artikolu 185 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Is-sħubiji pubbliċi-pubbliċi għandu jkollhom l-għan li jiżviluppaw sinerġiji aktar mill-qrib, iżidu l-koordinazzjoni u jevitaw id-duplikazzjoni mhux meħtieġa mal-programmi ta' riċerka tal-Unjoni, internazzjonali, nazzjonali u reġjonali, u għandhom josservaw għalkollox il-prinċipji ġenerali ta' Orizzont 2020, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw attitudni miftuħa u t-trasparenza. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi.

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 742/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tipprevedi kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-Programm Konġunt ta' Riċerka u Żvilupp għall-Għajxien Megħjun Kuntestwalment ("AAL JP") li tikkorrispondi għal dik tal-Istati Membri iżda li ma taqbiżx EUR 150 000 000 għat-tul taż-żmien tas-Seba' Programm Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) stabbilit permezz tad-Deċiżjoni 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(5)

F'Diċembru 2012, il-Kummissjoni kkomunikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-evalwazzjoni interim tal-AAL JP. Dik l-evalwazzjoni saret minn grupp ta' esperti. L-opinjoni ġenerali ta' dak il-grupp ta' esperti kienet li l-AAL JP kiseb progress tajjeb lejn l-objettivi tiegħu u riżultati ammirevoli u li għandu jkompli lil hinn mill-perijodu ta' finanzjament attwali. Il-bord ta' esperti innota madankollu xi nuqqasijiet, b'mod partikolari l-ħtieġa li jkun hemm involviment ikbar mill-utenti fi proġetti mill-iktar stadju bikri possibbli u iktar titjib fil-prestazzjoni operazzjonali fir-rigward tal-perijodu ta' żmien għall-iffirmar tal-kuntratti u ż-żmien għall-pagamenti.

(6)

L-evalwazzjoni interim tal-2010 u l-proċess ta' konsultazzjoni tal-2012 enfasizzaw id-diversità tal-istrumenti finanzjarji, ir-regoli dwar l-eliġibbiltà u s-sistemi ta' rimborż. Permezz tal-Assemblea Ġenerali tal-Għajxien Megħjun Kuntestwalment, l-Istati Parteċipanti jistgħu jirriflettu dwar dan u jippromwovu l-iskambju ta' prattiki tajba.

(7)

Fil-komunikazzjoni tagħha tat-12 ta' Ottubru 2006 bit-titolu 'Il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa, il-bidla ta’ sfida f’opportunità', il-Kummissjoni saħqet dwar il-fatt li t-tixjiħ demografiku huwa waħda mill-isfidi ewlenin li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri kollha u li l-użu li qed jiżdied ta' teknoloġiji ġodda jista' jgħin biex jiġu kkontrollati l-ispejjeż, jittejjeb il-benesseri u tiġi promossa l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà tal-persuni anzjani, kif ukoll tittejjeb il-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni.

(8)

Taħt l-inizjattiva ewlenija 'Unjoni tal-Innovazzjoni' tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kummissjoni indikat li t-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa waħda mill-isfidi tas-soċjetà fejn l-iskoperti fl-innovazzjoni jista' jkollhom rwol importanti u jagħtu spinta lill-kompetittività, jgħinu lill-kumpanniji Ewropej biex imexxu l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, biex ikabbru u jkollhom tmexxija globali fis-swieq il-ġodda tat-tkabbir, itejbu l-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi u b'hekk jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' għadd kbir ta' impjiegi ġodda ta' kwalità.

(9)

Madwar 20 miljun persuna madwar l-Unjoni għandhom impjiegi ta' 'ġagaga bajda' fil-qasam tas-saħħa u fil-qasam tas-servizzi soċjali, ċifra li mistennija tiżdied fis-snin li ġejjin minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni. It-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja f’dan is-settur sensittiv għandhom ikunu prijorità ewlenija. Għalhekk, il-ħtieġa ta' impjiegi fis-settur tas-saħħa u tas-servizzi soċjali u ta' investimenti f’ħiliet moderni, bħal pereżempju l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, għandha tiġi vvalutata b’mod aktar preċiż.

(10)

Fil-komunikazzjoni tagħha tad-19 ta' Mejju 2010 bit-titolu 'Aġenda Diġitali għall-Ewropa', il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ l-AAL JP sabiex tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni.

(11)

Fil-komunikazzjoni tagħha tad-29 ta' Frar 2012 bit-titolu 'Il-progress tal-Pjan Strateġiku tal-Implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu', il-Kummissjoni pproponiet li tanalizza l-prijoritajiet rilevanti tal-Pjan Strateġiku ta' Implimentazzjoni għall-programmi ta' ħidma u l-istrumenti tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-futur li huma parti minn Orizzont 2020. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li jittieħed kont tal-kontributi għas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu li jistgħu jsiru mill-AAL JP.

(12)

Taħt l-Isħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu stabbilita taħt l-Unjoni ta' Innovazzjoni, is-soluzzjonijiet innovattivi bbażati fuq it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) huma mistennija li jkollhom rwol importanti fil-kisba tal-miri tagħha ta' sentejn ħajja addizzjonali b'saħħithom sal-2020 kif ukoll fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u t-titjib fl-effiċjenza tas-sistemi tal-kura fl-Unjoni. Il-Pjan Strateġiku ta' Implimentazzjoni tagħha jistabbilixxi l-prijoritajiet biex tiġi aċċellerata u tiżdied l-innovazzjoni fit-tixjiħ attiv u b'saħħtu mal-Unjoni kollha, fi tliet setturi: il-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa, il-kura u l-fejqan, u l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni soċjali.

(13)

Peress li s-sistemi tal-ICT jittrattaw ammont kbir ta' data u profili personali, u joperaw b'komunikazzjoni f'ħin reali, u għalhekk jimplikaw riskju kbir ta' ksur tas-sigurtà tad-data, l-aspetti tal-protezzjoni tad-data għandhom jiġu kkunsidrati. Barra minn hekk, id-dritt għall-privatezza għandu jiġi rrispettat.

(14)

Il-Programm ta' Riċerka u Żvilupp għall-Għajxien Attiv u Megħjun ('il-Programm AAL') għandu jibni fuq il-kisbiet tal-programm preċedenti u jindirizza n-nuqqasijiet tiegħu billi jinkoraġġixxi biżżejjed parteċipazzjoni mill-utenti fil-proġetti mill-aktar stadju bikri, sabiex jiġi żgurat li s-soluzzjonijiet żviluppati jkunu aċċettabbli u jwieġbu għal ħtiġijiet speċifiċi tal-utenti, u billi jiżgura implimentazzjoni aħjar tal-Programm AAL.

(15)

L-implimentazzjoni tal-Programm AAL għandha tikkunsidra definizzjoni wiesgħa ta' innovazzjoni li tinkludi l-aspetti organizzattivi, kummerċjali, teknoloġiċi, relatati mas-soċjetà u ambjentali. Għandu jiżgura approċċ multidixxiplinari u l-integrazzjoni tax-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi fi ħdan il-Programm AAL.

(16)

L-attivitajiet tal-programm AAL għandhom ikunu konformi mal-objettivi u l-prijoritajiet ta' riċerka u innovazzjoni ta' Orizzont 2020 u mal-prinċipji ġenerali u l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

(17)

Għandu jiġi stabbilit limitu massimu għall-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Unjoni fil-Programm AAL sakemm idum għaddej Orizzont 2020. Il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Unjoni fil-Programm AAL ma għandhiex taqbeż il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istati Parteċipanti sakemm idum għaddej Orizzont 2020 sabiex jinkiseb effett ta' lieva għoli u jiġi żgurat l-involviment attiv tal-Istati Parteċipanti fil-kisba tal-objettivi tal-Programm AAL.

(18)

Sabiex jiġi kkunsidrat it-tul ta' żmien ta' Orizzont 2020, is-sejħiet għal proposti taħt il-Programm AAL għandhom jitniedu mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2020. F'każijiet debitament ġustifikati s-sejħiet għal proposti jistgħu jitniedu sal-31 ta' Diċembru 2021.

(19)

F'konformità mal-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, kwalunkwe Stat Membru u kwalunkwe pajjiż assoċjat ma' Orizzont 2020 għandu jkun intitolat li jipparteċipa fil-Programm AAL fi kwalunkwe mument.

(20)

Sabiex jiġi żgurat li l-impenn finanzjarju mill-Unjoni jiġi mqabbel mill-Istati Parteċipanti, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għal impenji formali mill-Istati Parteċipanti qabel ma jitnieda l-Programm AAL u t-twettiq tagħhom. Il-kontribuzzjoni tal-Istati Parteċipanti għall-Programm AAL għandha tinkludi l-ispejjeż amministrattivi mġarrba fil-livell nazzjonali għat-tħaddim effettiv tal-Programm AAL.

(21)

L-implimentazzjoni konġunta tal-Programm AAL tirrikjedi struttura ta' implimentazzjoni. L-Istati Parteċipanti qablu dwar l-istruttura ta' implimentazzjoni għall-Programm AAL u fl-2007 stabbilixxew l-aisbl "Għajxien Megħjun Kuntestwalment", assoċjazzjoni internazzjonali mingħajr skop ta' qligħ b'personalità legali stabbilita taħt il-liġi Belġjana ('AALA'). Peress li, skont ir-rapport ta' evalwazzjoni interim, l-istruttura eżistenti tal-governanza tal-AAL JP tat prova li hija effiċjenti u ta' kwalità tajba, l-AALA għandha tintuża bħala l-istruttura ta' implimentazzjoni u għandu jkollha r-rwol bħala l-korp ta' allokazzjoni u monitoraġġ tal-Programm AAL. L-AALA għandha tamministra l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni u għandha tiżgura implimentazzjoni effiċjenti tal-Programm AAL.

(22)

Sabiex tikseb l-objettivi tal-Programm AAL, l-AALA għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju primarjament permezz ta' għotjiet lill-parteċipanti f'azzjonijiet magħżula mill-AALA. Dawk l-azzjonijiet għandhom jintgħażlu wara li jsiru sejħiet għall-proposti taħt ir-responsabbiltà tal-AALA, li għandha tkun assistita minn esperti esterni indipendenti. Il-klassifikazzjoni għandha tkun vinkolanti fir-rigward tal-għażla tal-proposti u l-allokazzjoni ta' fondi mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni u mill-baġits nazzjonali għall-proġetti tal-Programm AAL.

(23)

Il-kontribuzzjoni finanzjara tal-Unjoni għandha tkun ġestita f'konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja fis-sod u mar-regoli dwar ġestjoni indiretta stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (7).

(24)

Sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha, permezz ta' miżuri proporzjonati, jkollha d-dritt li tnaqqas, tiċħad jew ittemm il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni meta l-Programm AAL jiġi implimentat b'mod inadegwat, parzjalment jew tard, jew meta l-Istati Parteċipanti ma jikkontribwixxux, jew jikkontribwixxu parzjalment jew tard, għall-finanzjament tal-Programm AAL. Dawk id-drittijiet għandhom jiġu previsti fil-ftehim ta' delega li għandu jiġi konkluż bejn l-Unjoni u l-AALA.

(25)

Għall-fini ta' simplifikazzjoni, il-piżijiet amministrattivi għandhom jitnaqqsu għall-partijiet kollha. Awditi doppji u dokumentazzjoni u rapporti sproporzjonati għandhom jiġu evitati. Meta jsiru l-awditi, għandhom jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet tal-programmi nazzjonali, kif adatt.

(26)

Il-parteċipazzjoni f'azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Programm AAL hija soġġetta għar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Madankollu, minħabba l-ħtiġijiet operattivi speċifiċi tal-Programm AAL jeħtieġ li jiġu previsti derogi minn dak ir-Regolament f'konformità mal-Artikolu 1(3) ta' dak ir-Regolament.

(27)

Is-sejħiet għal proposti mill-AALA għandhom jiġu ppubblikati wkoll fuq portal uniku għall-parteċipanti kif ukoll permezz ta' mezzi elettroniċi ta' disseminazzjoni oħrajn tal-Orizzont 2020, ġestiti mill-Kummissjoni.

(28)

Meħtieġa derogi speċifiċi mir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 peress li l-Programm AAL maħsub li jkun programm ta' riċerka u innovazzjoni orjentat lejn is-suq, fejn jinġabru bosta flussi ta' finanzjament nazzjonali differenti (bħall-programmi ta' finanzjament fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, is-saħħa u l-industrija). Min-natura tagħhom dawk il-programmi nazzjonali għandhom regoli ta' parteċipazzjoni differenti u ma jistgħux ikunu mistennija jallinjaw għalkollox mar-Regolament (UE) Nru 1290/2013. Barra minn hekk, il-Programm AAL qed jimmira b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u organizzazzjonijiet tal-utenti li normalment ma jipparteċipawx fl-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni. Sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni ta' dawk l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiġi pprovduta f'konformità mar-regoli magħrufa sew tal-programmi ta' finanzjament nazzjonali tagħhom u tiġi implimentata permezz ta' għotja unika li tikkombina l-finanzjament tal-Unjoni mal-finanzjament nazzjonali korrispondenti.

(29)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom ikunu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu tan-nefqa kollu, inkluż il-prevenzjoni, l-individwazzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa b'mod skorrett jew użati b'mod skorrett u, fejn xieraq, penali amministrattivi u finanzjarji skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(30)

Il-Kummissjoni għandha twettaq, bl-għajnuna ta' esperti indipendenti, evalwazzjoni interim li tivvaluta b'mod partikolari l-kwalità u l-effiċjenza tal-Programm AAL u l-progress li jkun sar fil-kisba tal-objettivi stabbiliti, kif ukoll evalwazzjoni finali, u għandha tħejji rapport dwar dawk l-evalwazzjonijiet.

(31)

L-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni preċiża u aġġornata. Fuq talba mill-Kummissjoni, l-AALA u l-Istati Parteċipanti għandhom għalhekk jippreżentaw kwalunkwe informazzjoni li l-Kummissjoni tkun teħtieġ fir-rapporti dwar l-evalwazzjoni tal-Programm AAL.

(32)

L-azzjonijiet previsti fil-Programm AAL għandhom jikkontribwixxu biex isaħħu s-sistemi pubbliċi Ewropej tas-saħħa u tal-kura, peress li jikkostitwixxu mezzi essenzjali ta' sostenn tal-assistenza soċjali u ta' tnaqqis tal-inugwaljanzi fil-qasam tal-assistenza soċjali bejn ir-reġjuni u s-setturi tal-popolazzjoni, li qed jiżdiedu b’mod allarmanti minħabba l-kriżi ekonomika u soċjali attwali.

(33)

Il-Programm AAL għandu jiżgura l-promozzjoni effettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi kif stipulat f'Orizzont 2020. Il-Programm AAL għandu jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-dimensjoni relatata mas-sessi fil-kontenut tar-riċerka u l-innovazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-bilanċ bejn is-sessi, soġġett għas-sitwazzjoni fil-qasam, f'bordijiet ta' evalwazzjoni u f'korpi bħalma huma l-gruppi konsultattivi u l-gruppi ta' esperti. Id-dimensjoni relatata mas-sessi għandha tkun integrata b'mod adegwat fil-kontenut tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-istrateġiji, il-programmi u l-proġetti u għandha tiġi segwita tul l-istadji kollha taċ-ċiklu tar-riċerka.

(34)

Il-Programm AAL għandu jikkonforma mal-prinċipji etiċi kif stipulati f'Orizzont 2020. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-prinċipju tal-proporzjonalità, id-dritt għall-privatezza, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għall-integrità fiżika u mentali, id-dritt għan-nondiskriminazzjoni u l-bżonn li jkunu żgurati livelli għoljin ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(35)

Peress li l-Istati Parteċipanti ddeċidew li jkomplu bil-Programm AAL u peress li l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri li jappoġġaw u jikkomplementaw direttament il-politiki tal-Unjoni fil-qasam tat-tixjiħ attiv u b'saħħtu, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba d-daqs tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Parteċipazzjoni fil-Programm AAL

1.   L-Unjoni għandha tipparteċipa fil-Programm ta' Riċerka u Żvilupp għall-Għajxien Attiv u Megħjun ("Programm AAL") li qed isir b'mod konġunt mill-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, Franza, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, l-Isvizzera u r-Renju Unit (l-"Istati parteċipanti"), f'konformità mal-kondizzjonijiet stipulati f'din id-Deċiżjoni.

2.   Kwalunkwe Stat Membru li mhuwiex wieħed minn dawk elenkati fil-paragrafu 1 u kwalunkwe pajjiż ieħor assoċjat ma' Orizzont 2020 jista' japplika biex jingħaqad mal-Programm AAL fi kwalunkwe ħin, dment li jissodisfa l-kondizzjoni stipulata fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1) ta' din id-Deċiżjoni. Jekk jissodisfa l-kondizzjoni stipulata f fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1), għandu jitqies bħala Stat Parteċipanti għall-fini ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Programm AAL li tkopri l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż operazzjonali għandha tkun sa EUR 175 000 000. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati għall-partijiet rilevanti tal-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020, stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE (9) f'konformità mal-punt (c)(vi) tal-Artikolu 58(1) u l-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

2.   L-impenn finanzjarju annwali tal-Unjoni għall-Programm AAL ma għandux jaqbeż l-impenn finanzjarju annwali tal-Istati Parteċipanti għall-Programm AAL.

3.   Ammont li ma jisboqx is-6 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jintuża biex jikkontribwixxi għall-ispejjeż amministrattivi tal-Programm AAL.

Artikolu 3

Kondizzjonijiet għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tingħata bil-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

li l-Istati Parteċipanti juru li l-Programm AAL ġie stabbilit f'konformità mal-Annessi I u II;

(b)

li tiġi nnominata mill-Istati Parteċipanti jew mill-organizzazzjonijiet nominati mill-Istati Parteċipanti, l-Assoċjazzjoni tal-AALA, bħala l-istruttura responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Programm AAL u għall-allokazzjoni u l-monitoraġġ tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni;

(c)

li jkun hemm impenn minn kull Stat Parteċipanti li jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-Programm AAL;

(d)

li l-AALA turi l-kapaċità tagħha li timplimenta l-Programm AAL, inkluż l-allokazzjoni u l-monitoraġġ tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni fil-qafas tal-amministrazzjoni indiretta tal-baġit tal-Unjoni f'konformità mal-Artikoli 58, 60 u 61 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012; u

(e)

l-istabbiliment ta' mudell ta' governanza għall-Programm AAL skont l-Anness III.

2.   Matul l-implimentazzjoni tal-Programm AAL, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha wkoll tingħata bil-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-implimentazzjoni mill-AALA tal-objettivi tal-Programm AAL kif stipulati fl-Anness I u l-attivitajiet stipulati fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, soġġett għall-Artikolu 5 ta' din id-Deċiżjoni;

(b)

iż-żamma ta' mudell amministrattiv xieraq u effiċjenti skont l-Anness III;

(c)

il-konformità min-naħa tal-AALA mar-rekwiżiti ta' rappurtar stipulati fl-Artikolu 60 (5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012; u

(d)

it-twettiq tal-impenji minn kull Stat Parteċipanti msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 u t-twettiq tal-impenji annwali biex jingħata kontribut għall-finanzjament tal-Programm AAL.

Artikolu 4

Kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti

Il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti għandhom jikkonsistu f'dawn li ġejjin:

(a)

il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-azzjonijiet indiretti appoġġati taħt il-Programm AAL skont l-Anness II;

(b)

il-kontribuzzjonijiet in natura li jikkorrispondu għall-ispejjeż amministrattivi mġarrba mill-amministrazzjonijiet nazzjonali għall-implimentazzjoni effettiva tal-Programm AAL skont l-Anness II.

Artikolu 5

Regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni

1.   Għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, l-AALA għandha titqies li hija korp ta' finanzjament u għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-azzjonijiet indiretti f'konformità mal-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

2.   B'deroga mill-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, il-kapaċità finanzjara tal-applikanti għandha tiġi vverfikata mill-organizzazzjoni nazzjonali magħżula biex jamministraw il-programm f'konformità mar-regoli ta' parteċipazzjoni fil-programmi nazzjonali magħżula.

3.   B'deroga mill-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, il-ftehimiet ta' għotja mal-parteċipanti għandhom jiġu ffirmati mill-aġenzija nazzjonali magħżula biex jamministraw il-programm.

4.   B’deroga mill-Artikolu 23(1), (5) sa (7) u l-Artikoli 25 sa 35 tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, ir-regoli dwar il-finanzjament tal-programmi nazzjonali magħżula għandhom japplikaw għall-għotjiet amministrati mill-aġenziji nazzjonali magħżula biex jamministraw il-programm.

5.   B'deroga mill-Artikoli 41 sa 49 tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, ir-regoli tal-programmi nazzjonali magħżula li jirregolaw ir-riżultati, id-drittijiet ta' aċċess għall-isfond u r-riżultati għandhom japplikaw, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi, stipulat fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

Artikolu 6

Implimentazzjoni tal-Programm AAL

Il-Programm AAL għandu jiġi implimentat abbażi ta' strateġija implimentata permezz ta' pjani ta' ħidma annwali f'konformità mal-Anness II.

Artikolu 7

Ftehimiet bejn l-Unjoni u l-AALA

1.   Soġġett għal valutazzjoni pożittiva ex ante tal-AALA f'konformità mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni, għandha tikkonkludi mal-AALA ftehim ta' delega u ftehimiet annwali dwar it-trasferiment ta' fondi.

2.   Il-ftehim ta' delega msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi konkluż f'konformità mal-Artikolu 58(3) u l-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u mal-Artikolu 40 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012. Għandu jistabbilixxi wkoll dan li ġej:

(a)

ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontribuzzjoni tal-AALA fir-rigward tal-indikaturi rilevanti minn fost l-indikaturi tal- prestazzjoni stipulati fl-Anness II għad-Deċiżjoni (UE) Nru 2013/743/UE;

(b)

ir-rekwiżiti rigward il-kontribuzzjoni tal-AALA għall-monitoraġġ imsemmi fid-Deċiżjoni (UE) Nru 2013/743/UE;

(c)

l-indikaturi speċifiċi tal-prestazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ tal-funzjonament tal-AALA f'konformità mal-Artikolu 3(2);

(d)

l-arranġamenti fir-rigward tal-forniment tad-data u l-informazzjoni neċessarja biex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun tista' tissodisfa l-obbligi tagħha ta' disseminazzjoni u rappurtar.

(e)

dispożizzjoni għall-pubblikazzjoni ta' sejħiet għal proposti mill-AALA, b'mod partikolari fuq il-portal uniku għall-parteċipanti, kif ukoll permezz ta' mezzi elettroniċi ta' disseminazzjoni oħrajn tal-Orizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni.

Artikolu 8

Terminazzjoni, tnaqqis jew sospensjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

1.   Fejn il-Programm tal-AAL ma jiġix implimentat skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3, il-Kummissjoni tista' tittermina, tnaqqas proporzjonalment, jew tissospendi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni f'konformità mal-implimentazzjoni attwali tal-Programm AAL.

2.   Fejn l-Istati Parteċipanti ma jikkontribwixxux, jikkontribwixxu parzjalment, jew tard għall-finanzjament tal-Programm AAL, il-Kummissjoni tista' tittermina, tnaqqas proporzjonalment, jew tissospendi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, filwaqt li tikkunsidra l-ammont ta' finanzjament allokat mill-Istati Parteċipanti biex jimplimentaw il-Programm AAL.

Artikolu 9

Awditi ex post

1.   L-awditi ex post tan-nefqa fuq azzjonijiet indiretti għandhom isiru minn aġenziji nazzjonali magħżula biex jamministraw il-programm f'konformità mal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

2.   Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tagħmel hija stess l-awditi msemmija fil-paragrafu 1. F'tali każijiet, hija għandha tagħmel dan f'konformità mar-regoli applikabbli, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 966/2012, (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013.

Artikolu 10

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri adatti biex tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont din id-Deċiżjoni, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' verifiki effettivi u, jekk jinkixfu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa inkorrettament, u fejn xieraq, permezz ta' pieni amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fil-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (10) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim ta' għotja jew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt iffinanzjat f'konformità ma' din id-Deċiżjoni.

3.   Kuntratti, ftehimiet ta' għotja u deċiżjonijiet ta' għotja, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li b'mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-AALA, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu awditi u investigazzjonijiet, f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

4.   L-AALA għandha tagħti lill-persunal tal-Kummissjoni u lil persuni oħra awtorizzati mill-Kummissjoni, kif ukoll mill-Qorti tal-Awdituri, aċċess għas-siti u l-bini tagħha u għall-informazzjoni kollha, inkluż informazzjoni f'format elettroniku, meħtieġa sabiex isiru l-awditi msemmija fil-paragrafu 3.

5.   Fl-implimentazzjoni tal-Programm AAL, l-Istati Parteċipanti għandhom jieħdu l-miżuri leġislattivi, regolatorji, amministrattivi jew miżuri oħrajn meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari, biex jiżguraw l-irkupru totali ta' kwalunkwe ammont dovut lill-Unjoni f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012.

Artikolu 11

Komunikazzjoni tal-informazzjoni

1.   Fuq talba tal-Kummissjoni, l-AALA għandha tippreżenta lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 12.

2.   L-Istati Parteċipanti għandhom jippreżentaw, permezz tal-AALA, kwalunkwe informazzjoni rilevanti mitluba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill li tikkonċerna l-amministrazzjoni finanzjarja tal-Programm AAL.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fir-rapporti stipulati fl-Artikolu 12.

Artikolu 12

Evalwazzjoni

1.   Sat-30 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni, bl-assistenza ta' esperti indipendenti, għandha twettaq evalwazzjoni interim tal-Programm AAL. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar dik l-evalwazzjoni li jinkludi l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni u l-osservazzjonijiet mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2017. Ir-riżultat tal-evalwazzjoni interim tal-Programm AAL għandu jiġi kkunsidrat fl-evalwazzjoni interim ta' Orizzont 2020.

2.   Fi tmiem il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Programm AAL iżda sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-Programm AAL. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar dik l-evalwazzjoni li għandu jinkludi r-riżultati tal-evalwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Opinjoni tal-10 ta' Diċembru 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2014.

(3)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(4)  Deċiżjoni Nru 742/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programm ta' riċerka u żvilupp mibdi minn diversi Stati Membri li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni mdaħħlin fiż-żmien permezz tal-użu ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ġodda (ĠU L 201, 30.7.2008, p. 49).

(5)  Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1).

(6)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(7)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(8)  Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f' "Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)" u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81).

(9)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).

(10)  Regolament tal-Kunsill (EURATOM, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(11)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).


ANNESS I

OBJETTIVI TAL-PROGRAMM AAL

1.

Il-Programm AAL għandu jissodisfa l-objettivi li ġejjin:

1.1.

jaċċellera l-emerġenza u l-użu ta' soluzzjonijiet innovattivi bbażati fuq l-ICT li jkunu rilevanti, bi prezzijiet raġonevoli u integrati għat-tixjiħ attiv u b'saħħtu fid-dar, fil-komunità, jew fuq ix-xogħol, u b'hekk itejjeb il-kwalità tal-ħajja, l-awtonomija, l-inklużjoni soċjali, il-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali, il-ħiliet jew il-kapaċità ta' impjieg ta' adulti aktar avvanzati fl-età u jikkontribwixxi biex tiżdied l-effiċjenza u l-effettività tal-forniment tal-kura tas-saħħa u l-kura soċjali;

1.2.

jappoġġa l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet li jikkontribwixxu għall-indipendenza u għat-tnaqqis ta’ sens ta’ iżolazzjoni soċjali fost adulti aktar avvanzati fl-età, b'mod li l-komponent tal-ICT ma jnaqqasx il-kuntatt uman, iżda jkun komplementari għalih. Is-soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ICT taħt il-programm AAL għandhom jintegraw aspetti mhux tal-ICT fil-mod kif ikunu mfassla;

1.3.

iżomm u jkompli jiżviluppa massa kritika ta' riċerka applikata, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-livell tal-Unjoni fl-oqsma ta' prodotti u servizzi bbażati fuq l-ICT għat-tixjiħ attiv u b'saħħtu;

1.4.

jiżviluppa soluzzjonijiet kosteffettivi, aċċessibbli u, fejn rilevanti, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inkluż l-istabbiliment ta' standards ta' interoperabbiltà rilevanti u l-iffaċilitar tal-lokalizzazzjoni u l-adattament ta' soluzzjonijiet komuni, li huma kompatibbli ma' preferenzi soċjali, fatturi soċjoekonomiċi (inklużi l-faqar enerġetiku, l-inklużjoni soċjali), aspetti ta' ġeneru u aspetti regolatorji fil-livell nazzjonali jew reġjonali li jvarjaw, li jirrispettaw il-privatezza u d-dinjità tal-adulti aktar avvanzati fl-età inklużi l-protezzjoni u s-sigurtà ta' data personali bl-applikazzjoni tal-protezzjoni innovattiva tal-privatezza sa mit-tfassil, u fejn applikabbli, li jappoġġaw l-aċċess għal servizzi f'żoni rurali u periferiċi jew li jkunu ta' benefiċċju għal gruppi ta' nies oħra, bħal nies b'diżabilitajiet. Biex titjieb l-aċċessibbiltà, il-kunċett ta' Disinn Universali ser jiġi promoss fl-iżvilupp u l-użu ta' soluzzjonijiet.

2.

Il-Programm AAL għandu jistabbilixxi ambjent favorevoli għall-parteċipazzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

3.

Il-Programm AAL għandu jiffoka fuq riċerka applikata u innovazzjoni orjentati lejn is-suq u għandu jikkomplementa riċerka relatata aktar fit-tul u attivitajiet għall-innovazzjoni fuq skala kbira previsti f'Orizzont 2020, u inizjattivi Ewropej u nazzjonali oħrajn bħal inizjattivi ta' programmazzjoni konġunta u attivitajiet imwettqin fi ħdan l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u l-Komunitajiet rilevanti tiegħu ta' Għarfien u Innovazzjoni. Għandu jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu.

ANNESS II

ATTIVITAJIET TAL-PROGRAMM AAL

I.   Azzjonijiet indiretti

1.

L-implimentazzjoni tal-Programm AAL għandha prinċipalment tappoġġa proġetti ta' riċerka u innovazzjoni li huma orjentati lejn is-suq għat-tixjiħ attiv u b'saħħtu, li għandhom juru l-kapaċità ta' sfruttament tar-riżultati tal-proġetti f'qafas ta' żmien realistiku; il-finanzjament ta' dawk l-azzjonijiet indiretti taħt il-Programm AAL għandhom ikunu prinċipalment fil-forma ta' għotjiet. Jista' wkoll jieħu forom oħra bħal premjijiet, akkwist prekummerċjali, u akkwist pubbliku ta' soluzzjonijiet innovattivi.

2.

Barra minn hekk, jistgħu jiġu appoġġati azzjonijiet għal finijiet ta' senserija, promozzjoni tal-programm, b'mod partikolari attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni f'pajjiżi li attwalment mhumiex jipparteċipaw fil-Programm AAL, azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni dwar il-kapaċitajiet attwali, għall-promozzjoni tal-użu ta' soluzzjonijiet innovattivi u biex tinħoloq relazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet min-naħa tal-forniment u dawk min-naħa tad-domanda u azzjonijiet li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament u l-investituri.

3.

Jistgħu jiġu appoġġati wkoll azzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-proposti, studji dwar il-fattibbiltà u workshops. Tista' tkun prevista kollaborazzjoni mar-reġjuni tal-Unjoni biex jikber il-grupp ta' partijiet interessati involuti fil-Programm AAL.

4.

L-azzjonijiet għandu jkollhom l-għan li jikkonsolidaw u janalizzaw metodi differenti ta’ involviment tal-utent aħħari sabiex ikunu żviluppati linji gwida tal-aħjar prattika bbażati fuq l-evidenza.

II.   Implimentazzjoni

1.

Il-Programm AAL għandu jiġi implimentat abbażi ta' pjani ta' ħidma annwali li jidentifikaw forom ta' finanzjament u temi għas-sejħiet għal proposti. Il-pjani ta' ħidma għandhom jirriżultaw minn strateġija ppubblikata, li tissottolinja l-isfidi u l-prijoritajiet, adottata mill-AALA.

2.

Il-pjani ta' ħidma għandhom jiġu maqbula mal-Kummissjoni abbażi tal-kontribuzzjoni finanzjarja annwali mill-Unjoni.

3.

L-implimentazzjoni tal-Programm AAL għandha timplika konsultazzjonijiet, inkluż dwar l-istrateġija, mal-partijiet interessati rilevanti (inkluż dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fost l-awtoritajiet pubbliċi, rappreżentanti tal-utenti, fornituri ta' servizzi mis-settur privat u fornituri tal-assigurazzjoni kif ukoll mill-industrija inklużi l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju) fir-rigward tal-prijoritajiet tar-riċerka applikata u tal-innovazzjoni li għandhom jiġu indirizzati.

4.

L-implimentazzjoni tal-Programm AAL għandha tikkonsidra x-xejriet demografiċi u r-riċerka demografika sabiex tipprovdi soluzzjonijiet li jirriflettu s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika madwar l-Unjoni.

5.

L-implimentazzjoni tal-Programm AAL għandha tikkunsidra l-politika industrijali, dik dwar il-klima u dik relatata mal-enerġija. Il-Programm AAL għandu wkoll jippromwovi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jirrifletti l-ħtieġa li jiġi trattat il-faqar enerġetiku.

6.

Għandu jittieħed kont dovut ta' kwistjonijiet relatati mas-sessi, etiċi, kwistjonijiet marbutin max-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi u kwistjonijiet ta' privatezza, f'konformità mal-prinċipji u r-regoli ta' Orizzont 2020. Għandu jittieħed kont ukoll tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali u tal-linji gwida internazzjonali, b'mod partikolari rigward id-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data.

7.

F'konformità man-natura qrib tas-suq tal-Programm AAL u f'konformità mar-regoli stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-AALA għandha tiżgura żmien għall-għotja u żmien għall-pagament f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 u tiżgura konformità magħhom mill-Istati Parteċipanti matul l-implimentazzjoni tal-Programm AAL.

8.

Kull Stat Parteċipanti għandu jippromwovi bis-sħiħ, mill-aktar stadju bikri tal-proġetti kollha ta' riċerka u innovazzjoni, il-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-parteċipanti min-naħa tad-domanda, inklużi l-utenti aħħarin.

9.

Kull Stat Parteċipanti għandu jikkofinanzja lill-parteċipanti nazzjonali tiegħu li jkollhom proposti li jirnexxu permezz tal-aġenziji nazzjonali li barra minn hekk għandhom jiddirezzjonaw il-kofinanzjament tal-Unjoni mill-istruttura ddedikata ta' implimentazzjoni, abbażi ta' deskrizzjoni komuni tal-proġett, li tifforma parti minn ftehim li għandu jiġi konkluż bejn l-aġenziji nazzjonali rispettivi li jamministraw il-programm u l-parteċipanti nazzjonali tagħhom għal kull proġett.

10.

Wara li tingħalaq is-sejħa għal proposti tal-proġetti, l-AALA għandha twettaq verifika ċentrali tal-eliġibbiltà f'kooperazzjoni mal-aġenziji nazzjonali magħżula biex jamministraw il-programm. Dik il-verifika għandha ssir abbażi tal-kriterji komuni tal-eliġibbiltà għall-Programm AAL li għandhom jiġu ppubblikati mas-sejħa għal proposti tal-proġetti.

11.

L-AALA għandha, bl-assistenza tal-aġenziji nazzjonali li jamministraw il-programm, tivverifika li jiġu ssodisfati l-kriterji tal-eliġibbiltà nazzjonali addizzjonali stipulati fis-sejħiet għall-proposti tal-proġett.

12.

Il-kriterji tal-eliġibbiltà nazzjonali għandhom ikunu biss rigward l-istatus legali u finanzjarju tal-applikanti individwali u mhux il-kontenut tal-proposta u għandhom jikkonċernaw l-aspetti li ġejjin:

12.1.

it-tip ta' applikant, inkluż l-istatus legali u l-fini;

12.2.

ir-responsabbiltà u l-vijabbiltà, inkluż is-solidità finanzjarja, it-twettiq tal-obbligi ta' taxxa u soċjali.

13.

Il-proposti eliġibbli għal proġetti għandhom jiġu evalwati mill-AALA bl-assistenza ta' esperti indipendenti, abbażi ta' kriterji ta' evalwazzjoni trasparenti u komuni, kif stipulat fis-sejħa għal proposti ppubblikata u għandha issir lista ta' proġetti skont kif jikklassifikaw. Il-proġetti għandhom jintgħażlu skont dik il-klassifikazzjoni u b'kunsiderazzjoni tal-finanzjament disponibbli. Dik l-għażla, ladarba tiġi adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-AALA, għandha tkun vinkolanti fuq l-Istati Parteċipanti.

14.

Jekk parteċipant fi proġett jonqos milli jissodisfa wieħed jew iktar mill-kriterji nazzjonali tal-eliġibbiltà jew jekk il-baġit nazzjonali korrispondenti għall-impenn għall-finanzjament jiġi eżawrit, il-Bord Eżekuttiv tal-AALA jista' jiddeċiedi li għandha ssir evalwazzjoni indipendenti ċentrali addizzjonali tal-proposta kkonċernata bl-assistenza ta' esperti indipendenti, sabiex tevalwa l-proposta jew mingħajr il-parteċipazzjoni tal-parteċipant inkwistjoni jew inkella b'parteċipant ieħor, kif issuġġerit minn parteċipanti fil-proġett.

15.

Kwistjonijiet legali u finanzjarji li jikkonċernaw il-parteċipanti fi proġetti magħżula għall-finanzjament għandhom jiġu ġestiti mill-aġenzija nazzjonali magħżula biex tamministra l-programm. Għandhom japplikaw regoli u prinċipji amministrattivi nazzjonali.

ANNESS III

GOVERNANZA TAL-PROGRAMM AAL

L-istruttura organizzattiva għall-Programm AAL għandha tkun kif ġej:

1.

L-AALA, għandha tikkostitwixxi l-istruttura ta' implimentazzjoni ddedikata maħluqa mill-Istati Parteċipanti.

2.

L-AALA għandha tkun responsabbli għall-attivitajiet kollha tal-Programm AAL. Il-kompiti tal-AALA għandhom jinkludu l-ġestjoni tal-kuntratti u tal-baġit, l-iżvilupp tal-pjani ta' ħidma annwali, l-organizzazzjoni tas-sejħiet għal proposti, il-ġestjoni tal-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-proposti għall-finanzjament.

3.

Barra minn hekk, l-AALA għandha twettaq superviżjoni u għandha tkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-proġett u għandha tittrasferixxi l-pagamenti assoċjati tal-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni lill-aġenziji nazzjonali magħżula biex jamministraw il-programm. Għandha torganizza wkoll attivitajiet ta' disseminazzjoni.

4.

L-AALA għandha tkun irregolata mill-Assemblea Ġenerali. L-Assemblea Ġenerali għandha tkun il-korp tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Programm AAL. Għandha taħtar il-membri tal-Bord Eżekuttiv u twettaq superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-Programm AAL, inkluż l-approvazzjoni tal-istrateġija u tal-pjani ta' ħidma annwali, l-allokazzjoni ta' fondi nazzjonali għall-proġetti u l-ġestjoni tal-applikazzjonijiet għal sħubija ġdida. Għandha taħdem abbażi tal-prinċipju ta' vot wieħed għal kull pajjiż. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu permezz ta' maġġoranza sempliċi, għajr għal deċiżjonijiet marbutin mas-suċċessjoni, l-ammissjoni jew l-esklużjoni ta' membri jew ix-xoljiment tal-AALA, li għalihom jistgħu jiġu stipulati rekwiżiti speċifiċi tal-vot fl-istatuti tal-AALA.

5.

Il-Kummissjoni għandu jkollha status ta' osservatur fil-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali tal-AALA u għandha tapprova l-pjan ta' ħidma annwali. Il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna għal-laqgħat kollha tal-AALA u tista' tipparteċipa fid-diskussjonijiet. Id-dokumenti rilevanti kollha ċċirkolati b'rata mal-Assemblea Ġenerali tal-AALA għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni.

6.

Il-Bord Eżekuttiv tal-AALA — li jikkonsisti minn tal-inqas president, viċi president, teżorier u viċi teżorier — għandu jkun elett mill-Assemblea Ġenerali tal-AALA biex jassumi r-responsabbiltajiet speċifiċi ta' ġestjoni bħall-ippjanar baġitarju, il-forniment tal-persunal u l-għoti ta' kuntratti. Legalment huwa għandu jirrappreżenta lill-AALA u għandu jirrapporta lill-Assemblea Ġenerali tal-AALA.

7.

L-Unità ta' Ġestjoni Ċentrali stabbilita bħala parti mill-AALA għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni ċentrali tal-implimentazzjoni tal-Programm AAL f'koordinazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib mal-aġenziji nazzjonali li jamministraw il-programm, li għandhom ikunu awtorizzati mill-Istati Parteċipanti biex iwettqu ħidma assoċjata mal-ġestjoni tal-proġett u mal-aspetti amministrattivi u legali għall-parteċipanti nazzjonali tal-proġett kif ukoll biex jipprovdu appoġġ għall-evalwazzjoni u n-negozjar tal-proposti tal-proġett. L-Unità Ċentrali ta' Amministrazzjoni u l-aġenziji nazzjonali li jamministraw il-programm għandhom jaħdmu flimkien bħala Unità ta' Amministrazzjoni taħt is-superviżjoni tal-AALA.

8.

L-AALA għandha tistabbilixxi Bord Konsultattiv b'rappreżentanti mill-industrija, l-utenti, u partijiet interessati rilevanti oħra, li jfittxu bilanċ bejn il-ġenerazzjonijiet u s-sessi. Huwa għandu ipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-AALA dwar l-istrateġija ġenerali tal-programm, fir-rigward tal-prijoritajiet u s-suġġetti li għandhom jiġu indirizzati fis-sejħiet għal proposti u fir-rigward ta' azzjonijiet rilevanti oħra tal-Programm AAL.