19.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 244/59


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta' Novembru 2011

dwar l-għajnuna mill-Istat C 28/10 implimentata mill-Portugall għall-Iskema ta' assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 7756)

(It-test Portugiż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/532/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet, (1)

Billi:

(1)

Din id-deċiżjoni tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat implimentata mill-Portugall fil-forma ta' skema ta' assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir (li minn hawn 'il quddiem se tissejjaħ “l-iskema”).

1.   ASPETTI PROĊEDURALI

(2)

Fit-12 ta' Jannar 2009, il-Portugall innotifika skema ta' assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir taħt it-taqsima 5.1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Qafas temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali' (2) (li minn hawn 'il quddiem se jissejjaħ 'il-Qafas Temporanju').

(3)

Għad li l-iskema kienet oriġinarjament notifikata bħala assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir għall-pajjiżi tal-OECD, l-iskema tkopri wkoll tranżazzjonijiet tal-kummerċ domestiku.

(4)

Peress li l-awtoritajiet Portugiżi kkonfermaw li l-iskema ilha implimentata minn Jannar 2009, il-Kummissjoni għarrfet lill-Portugall permezz ta' ittra datata d-19 ta' April 2010 li l-iskema ġiet trasferita fir-reġistru ta' għajnuniet Mhux Notifikati.

(5)

Permezz tal-ittra tas-27 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni għarrfet lill-Portugall dwar il-ftuħ ta' investigazzjoni skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward tal-iskema.

(6)

Permezz tal-ittra tad-29 ta' Novembru 2010, l-awtoritajiet Portugiżi bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ittra tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010. Huma ehmżu żewġ ittri minn assiguraturi tal-kreditu (CESCE u COSEC) datati t-22 ta' Novembru 2010 u t-23 ta' Novembru 2010 rispettivament.

(7)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta' April 2011. (3) Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu kummenti dwar l-iskema. Ma daħal l-ebda kumment.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

2.1.   OBJETTIV

(8)

L-awtoritajiet Portugiżi allegaw li l-kriżi finanzjarja attwali rriżultat f'riskju miżjud għall-operazzjonijiet kummerċjali. Min-naħa tagħhom, dawn wasslu għal attitudni dejjem aktar konservattiva min-naħa tal-assiguraturi tal-kreditu, u dan huwa rifless fil-livell ta' kopertura tal-assigurazzjoni għar-riskji inerenti fl-operazzjonijiet kummerċjali.

(9)

L-objettiv tal-iskema huwa li tindirizza nuqqas tas-suq minħabba l-indisponibbiltà ta' assigurazzjoni ta' kreditu u li tgħin sabiex terġa' tiġi stabbilita l-kunfidenza fis-suq tal-assigurazzjoni ta' kreditu.

(10)

Dawk l-għanijiet qed jippruvaw jintlaħqu permezz ta' forniment ta' kopertura ta' assigurazzjoni ta' kreditu lil esportaturi u lil kumpaniji li temporanjament qed jaffaċċjaw l-indisponibbiltà ta' kopertura tal-assigurazzjoni tal-esportazzjoni fis-suq privat għal tranżazzjonijiet b'xerrejja f'pajjiżi tal-OECD jew għal tranżazzjoni domestika.

(11)

Skont l-awtoritajiet Portugiżi, is-settur tal-assigurazzjoni ċkien b'mod konsiderevoli mill-2008 'l hawn, u dan irriżulta fl-indisponibbiltà ta' kopertura. Fit-30 ta' Settembru 2010, il-valur totali tal-portafoll assigurat naqas bi 32,84 % bejn il-31 ta' Diċembru 2009 u l-31 ta' Diċembru 2009 u bi 22,4 % ulterjuri mill-31 ta' Diċembru 2009 sat-30 ta' Settembru 2010. Il-valur totali tal-portafoll ta' assigurazzjoni naqas għal EUR 15,9 biljun fl-2010 minn EUR 30,6 biljun fi tmiem l-2008. In-numru ta' impriżi assigurati naqas minn 3 709 fi tmiem l-2008 għal 2 290 f'Settembru 2010. Ġew ipprovduti wkoll ittri mingħand assiguraturi sabiex l-awtoritajiet jiġġustifikaw il-ħtieġa għat-tkomplija tal-iskema sa tmiem l-2010, minkejja allegazzjonijiet fl-ittri li l-ammont ta' kopertura massima mogħti mill-iskema ma kienx se jintlaħaq. Dawk l-ittri spjegaw il-ħtieġa għall-iskema billi rreferew għar-riskju miżjud tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni minħabba s-sitwazzjoni ekonomika ġenerali fiż-żminijiet ta' rkupru mill-kriżi, b'żieda sussegwenti fil-prezzijiet u tnaqqis tal-kopertura minn assiguraturi privati f'ċerti setturi.

2.2.   BAŻI ĠURIDIKA

(12)

Il-bażi ġuridika nazzjonali għall-iskema hija d-Digriet-Liġi Nru 175/2008 li jistabbilixxi l-Finova tas-26 ta' Awwissu 2008 u d-Digriet-Liġi Nru 211/1998 tas-16 ta' Lulju 1998 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għas-soċjetajiet ta' garanzija reċiproka (kif emendat mid-Digriet-Liġijiet Nru 19/2001 tat-30 ta' Jannar 2001 u Nru 309-A/2007 tas-7 ta' Settembru 2007).

2.3.   KORP TA' IMPLIMENTAZZJONI

(13)

L-iskema hija implimentata permezz tal-assiguraturi tal-kreditu privati attivi fis-suq Portugiż li ġejjin: COSEC, CESCE, COFACE u Credito y Caución.

2.4.   BENEFIĊJARJI

(14)

Skont it-tagħrif imressaq fis-26 ta' Novembru 2010 mill-awtoritajiet Portugiżi, kien hemm 399 benefiċjarju abbonat għall-iskema f'Ottubru 2010.

(15)

Is-segmentazzjoni tal-limiti tal-kreditu mogħtija f'Ottubru 2010 hija pprovduta mill-ġdid fit-tabelli li ġejjin:

(16)

Użu mill-assiguratur intermedjarju:

Kumpanija tal-assigurazzjoni

Benefiċjarji

Limitu ta' kreditu f'euro

Numru

(%)

Valur

(%)

COSEC

273

68,42

151 693 571

71,68

Credito y Caución

43

10,78

28 259 171

13,35

CESCE

55

13,78

24 747 850

11,69

COFACE

28

7,02

6 929 700

3,27

Total

399

100

211 630 292

100

(17)

Analiżi disaggregata skont id-daqs tas-suq f'euro skont jekk it-tranżazzjoni hiex waħda domestika jew ta' esportazzjoni f'Ottubru 2010:

 

Limitu ta' kreditu effettivament użat (4)

Valur (Eur)

(%)

Tranżazzjonijiet tal-kummerċ domestiku

137 175 542

73,20

Tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni

50 221 841

26,80

Total

187 397 383

100

(18)

Analiżi disaggregata skont id-daqs tal-benefiċjarju:

Daqs tal-benefiċjarju

Benefiċjarji

Limitu ta' kreditu f'euro

Numru

(%)

Valur (Eur)

(%)

Impriżi kbar

126

31,58

101 135 009

47,79

Impriżi medji

158

39,60

71 507 618

33,79

Mikro-impriżi/Impriżi żgħar

115

28,82

38 987 665

18,42

Total

399

100

211 630 292

100

2.5.   TERMINI U KUNDIZZJONIJIET TAL-APPLIKAZZJONI TAL-ISKEMA

(19)

L-iskema tkopri riskji kummerċjali (bħal insolvenza u inadempjenza mtawla) marbutin ma' tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni għal perjodi ta' inqas minn sentejn ma' pajjiżi tal-OECD, u r-riskji marbutin ma' tranżazzjonijiet tal-kummerċ domestiku.

(20)

L-assigurazzjoni pubblika topera bħala faċilità ta' kondiviżjoni tar-riskji (“assigurazzjoni miżjuda”) ma' assiguraturi privati. Tigħata biss bħala suppliment għall-kopertura pprovduta minn assiguratur privat.

(21)

Skont l-awtoritajiet Portugiżi, l-assigurazzjoni pubblika tingħata bl-istess termini u kundizzjonijiet eżatti bħall-assigurazzjoni privata. Għalhekk, l-ammont kopert mill-assigurazzjoni pubblika qatt ma jista' jaqbeż l-ammont kopert mill-assiguratur privat. Madanakollu, il-primjum tal-assigurazzjoni applikabbli huwa ta' 60 % tal-primjum mitlub mill-assiguratur privat. Ir-rata medja applikabbli taħt l-iskema rrappreżentat 0,21 % tal-fatturat, filwaqt li fl-2009, ir-rata tas-suq mitluba mill-assiguraturi privati rrappreżentat medja ta' 0,36 % tal-fatturat. Anki r-rati medji tas-suq — ta' 0,23 % u 0,24 % fl-2007 u l-2008 rispettivament — kienu ogħla mir-rata medja applikabbli taħt l-iskema mill-2009 'l quddiem.

(22)

F'każ li jseħħ l-avveniment assigurat, kwalunkwe ammonti rkuprati jinqasmu bejn l-Istat u l-assiguratur privat li jipprovdi l-kopertura bażika, b'mod proporzjonat għas-sehem tal-kopertura totali garantita, jiġifieri s-sehem tal-kwota. Il-proċedura ta' rkupru hija amministrata mill-assiguratur privat.

2.6.   DURATA

(23)

L-iskema ġiet notifikata fit-12 ta' Jannar 2009 u testendi bejn l-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2010. Ma ġiet notifikata l-ebda estensjoni lill-Kummissjoni.

2.7.   BAĠIT

(24)

Skont it-tagħrif sottomess mill-awtoritajiet Portugiżi lill-Kummissjoni, il-garanzija massima għal kull benefiċjarju individwali hija ta' EUR 1,5 miljun.

(25)

Skont it-tagħrif sottomess mill-awtoritajiet Portugiżi lill-Kummissjoni, il-baġit globali għall-iskema kemm għat-tranżazzjonijiet domestiċi kif ukoll għal dawk ta' esportazzjoni huwa ta' EUR 2 biljun. (5)

3.   DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI DWAR IL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(26)

Fid-deċiżjoni tagħha tas-27 ta' Ottubru 2010 sabiex tiftaħ proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Kummissjoni fasslet il-valutazzjoni preliminari tagħha u esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-iskema mas-suq intern. Id-dubji espressi f'dik id-deċiżjoni kkonċernaw:

L-applikazzjoni tal-iskema għall-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir, li fiha l-ipprezzar tal-garanzija kien aktar baxx mil-livell normalment meħtieġ skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar assigurazzjoni ta' esportazzjoni bi kreditu fuq żmien qasir (6) (li minn hawn 'il quddiem se tissejjaħ “il-Komunikazzjoni”). Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-fatt li r-remunerazzjoni kienet meħtieġa u proporzjonata sabiex jinkiseb l-objettiv, meta wieħed iqis id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni li din timplika.

L-applikazzoni tal-iskema għal tranżazzjonijiet domestiċi. Il-Kummissjoni esprimiet dubji rigward il-kompatibbiltà fir-rigward tal-miżura u mill-ġdid xeħtet dubji dwar l-ipprezzar tal-garanzija pprovduta.

4.   KUMMENTI MILL-PORTUGALL

(27)

Fil-kummenti tagħhom dwar il-ftuħ tal-proċedura formali ta' investigazzjoni, l-awtoritajiet Portugiżi jargumentaw li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-kumpaniji taħt l-iskema jibbenefikaw minn vantaġġ li ma kienx ikun disponibbli mhijiex konsistenti mal-objettivi espressi fil-Qafas Temporanju. Sabiex jixhdu l-falliment tas-suq, l-awtoritajiet Portugiżi jirreferu għall-proporzjon tat-telf, li laħaq rekord ta' 102 % fl-2008, minkejja l-fatt li n-numru ta' impriżi koperti mill-assigurazzjoni kien naqas b'29,41 % fi tmiem l-2009 meta mqabbel ma' tmiem l-2008 u bi 12,53 % ulterjuri sa tmiem Settembru 2010. Il-valur tal-portafoll assigurat kien naqas bi 32,84 % fi tmiem l-2009 meta mqabbel ma' tmiem l-2008 u b'22,36 % ulterjuri f'Settembru 2010. Il-Portugall jargumenta li anki Stati Membri oħrajn adottaw skemi bħal dawn.

(28)

Fir-rigward tan-natura selettiva tal-vantaġġ, il-Portugall jargumenta li l-iskema mhijiex selettiva, iżda tikkostitwixxi miżura ta' karattru ġenerali li ma tinvolvix diskriminazzoni intra-settorjali jew trans-settorjali. Il-Portugall jikkritika wkoll in-nuqqas ta' definizzjoni mill-Kummissjoni ta' x'jiddefinixxi miżura ġenerali. Skont il-Portugall, in-nuqqas ta' diskriminazzjoni tintwera permezz ta': (i) l-applikazzjoni tal-iskema anki għal kumpaniji minn Stati Membri oħrajn li huma attivi fil-Portugall; (ii) l-aċċettazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-iskema mill-erba' assiguraturi kollha attivi fil-Portugall, li tal-inqas f'parti minnhom kollha kemm huma għandhom entitajiet barranin bħala proprjetarji tagħhom; (iii) in-nuqqas ta' bidla tal-ħtiġijiet ta' finanzjament matul il-kriżi; (iv) il-benefiċjarju ewlieni tal-iskema, li f'Ottubru 2010 kien is-segment tal-operazzjonijiet relatati mas-suq nazzjonali (73,2 %); (v) il-possibbiltà li l-impriżi kollha li joperaw fil-Portugall jużaw l-iskema, indipendentement minn jekk in-natura tal-attivitajiet tagħhom hijiex marbuta mal-kummerċ fi prodotti (is-setturi tal-“kostruzzjoni”, “trasport” u “servizzi oħrajn — ħlief il-kummerċ” ibbenefikaw mill-iskema b'ammonti ta' EUR 2 155 000, EUR 471 500 u EUR 4 580 000 rispettivament), għad li fin-natura tagħhom, il-krediti għall-esportazzjoni huwa relatat l-aktar mat-tranżazzjonijiet fi prodotti. Barra minn hekk, skont il-Portugall, il-mudell ta' assigurazzjoni miżjuda mhuwiex sors ta' diskriminazzjoni peress li ma jipprevjeni lill-ebda impriża milli tinnegozja polza bħal din ma' assiguratur privat. L-awtoritajiet pubbliċi jiddependu kompletament mill-valutazzjoni tar-riskji tal-assiguraturi privati. Barra minn hekk, skont l-awtoritajiet Portugiżi, il-limitu massimu stabbilit għal kull assigurazzjoni ma jipprevjenix aċċess għaliha mill-impriżi l-kbar, li bbenefikaw mill-iskema (sa 47,79 % f'termini ta' valur ta' operazzjonijiet, meta mqabbla ma' 33,79 % għall-impriżi ta' daqs medju u 18,42 % għall-impriżi ż-żgħar, iżda li jitilgħu għal 31,58 % biss f'termini ta' numru ta' benefiċjarji, meta mqabbla ma' 39,60 % għall-impriżi ta' daqs medju u 28,82 % għall-impriżi ż-żgħar). Dak il-limitu massimu huwa mfassal sabiex jiżgura li r-riżorsi tal-Istat involuti jkunu proporzjonati għall-objettivi mixtieqa, u li r-riskju jkun diversifikat sew, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat aċċess għall-iskema għal numru akbar ta' impriżi. Skont l-awtoritajiet Portugiżi, il-fatt li ma ntużax l-ammont massimu tal-iskema huwa prova tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni għall-impriżi l-kbar. Fl-aħħar nett, il-Portugall jixħet dubju dwar ir-rabta bejn il-ġurisprudenza indikata mill-Kummissjoni fil-punt 36 tad-deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta' investigazzjoni formali u d-diskriminazzjoni. L-awtoritajiet Portugiżi jiddispjaċihom li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx kriterji li miżura tkun trid tilħaq sabiex tkun definita bħala ta' natura ġenerali.

(29)

Il-Portugall iġġustifika l-ipprezzar aktar baxx tal-iskema meta mqabbla mal-assigurazzjoni privata, billi jargumenta li tista' tiġi osservata għażla avversa hekk kif l-impriżi jagħżlu li jassiguraw l-inqas operazzjonijiet riskjużi taħt l-iskema, filwaqt li jħallu l-operazzjonijiet aktar riskjużi għall-kopertura mill-assigurazzjoni privata. F'dan ir-rigward, skont l-awtoritajiet Portugiżi, ir-raġunament tal-Kummissjoni ma jkunx relevanti fis-settur tal-krediti għall-esportazzjoni, fejn ir-riskju ma jikbirx mal-ammont ta' kreditu kif jagħmel għall-kreditu tal-banek. Skont l-awtoritajiet Portugiżi, ir-riskju baxx jintwera wkoll mill-fatt li f'Ottubru 2010 l-volum ta' pretensjonijiet akkumulati fl-iskema żdiedu b'0,26 % biss tal-valur totali ta' kuntratti ta' assigurazzjoni. Barra minn hekk, skont l-awtoritajiet Portugiżi, l-ipprezzar applikat għall-garanzija mill-Istat jikkorrispondi għall-ipprezzar tas-suq qabel il-kriżi u għaldaqstant, ma jinvolvix vantaġġ għall-benefiċjarji tiegħu.

(30)

Barra minn hekk, skont l-awtoritajiet Portugiżi, l-iskema ma twassalx għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri għaliex: (i) hija tkopri wkoll operazzjonijiet nazzjonali; (ii) il-kostijiet tal-assigurazzjoni huma differenti fl-Istati Membri, kif muri mill-ipprezzar differenti ta-assigurazzjoni; u (iii) dak it-tip ta' servizz huwa indisponibbli fis-suq.

5.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI OĦRAJN

(31)

Wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex tiftaħ proċedura ta' investigazzjoni formali fil-Ġurnal Uffiċjali tad-9 ta' April 2011, il-Kummissjoni ma rċiviet l-ebda kummenti minn partijiet terzi.

6.   VALUTAZZJONI

6.1.   KWALIFIKA TAL-MIŻURI BĦALA GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(32)

L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jiddikjara:

Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(33)

Sabiex l-Artikolu 107(1) tat-TFUE jkun applikabbli, hemm bżonn ta' miżura ta' għajnuna imputabbli għall-Istat li tingħata mir-riżorsi tal-Istat, taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq intern billi tagħti vantaġġ selettiv lil ċerti intrapriżi.

Riżorsi tal-Istat

(34)

Kif spjegat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 li tiftaħ proċedura ta' investigazzjoni formali, l-assigurazzjoni hija direttament ipprovduta mill-Istat u kwalunkwe telf li joħroġ mill-iskema jaffettwa l-baġit nazzjonali. Għaldaqstant, l-iskema tinvolvi riżorsi tal-Istat. L-involviment tar-riżorsi tal-Istat mhuwiex ikkontestat mill-Portugall.

Vantaġġ selettiv għall-utenti

(35)

Il-Kummissjoni analizzat is-swieq tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fid-deċiżjonijiet tagħha dwar l-iskemi ta' assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir. (7) Tipikament, ir-rati tal-primjum fis-suq tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal perjodu ta' żmien qasir huma stabbiliti f'kuntratti għal perjodi b'minimu ta' sena. Għaldaqstant, kull bidla fl-ipprezzar tal-kopertura hija effettiva biss wara ċertu żmien. Barra minn hekk, il-prattika tas-suq hija li tiġi aġġustata l-provvista tal-assigurazzjoni ta' kreditu billi jiżdiedu jew jonqsu l-ammonti ta' kreditu offruti u mhux billi tinbidel ir-rata imposta fuq il-kopertura. Din il-prattika ilha titħaddem sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, kif muri mill-ittri ta' ċaħda ta' kopertura mibgħuta mill-Portugall u l-ittri ta' ċaħda mibgħuta f'każijiet oħrajn ta' skemi ta' assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir. (8) B'mod ġenerali, l-ittri ta' ċaħda mill-assiguraturi ma joffrux lill-esportaturi l-alternattiv ta' prezz ogħla għall-kopertura ta' ċerti xerrejja. L-evidenza turi li bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja, l-assiguraturi privati naqqsu b'mod sinifikanti l-kopertura offruta, spiss billi rtirawha kollha kemm hi. Dejta oħra pprovduta mill-operaturi tas-suq tikkonferma dak li ntqal sa issa. (9) Għalhekk, il-kompetizzjoni bejn l-assiguraturi hija bbażata l-aktar fuq il-kwantitajiet u mhux fuq il-prezzijiet. Permezz tal-miżura, l-Istat wieġeb għad-domanda mhux koperta mill-operaturi privati eżistenti. Madanakollu, f'suq kompetittiv mingħajr interventi mill-Istat, operatur ġdid kien iwieġeb għad-domanda billi jagħti kopertura tal-assigurazzjoni addizzjonali. Konsegwentement, l-effett tal-intervent tal-Istat kien li jipproteġi l-pożizzjonijiet tas-suq tal-operaturi privati diġà attivi fis-suq Portugiż.

(36)

L-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir hija prodott li fih l-assiguratur jieħu fuqu r-riskju kummerċjali u politiku ta' inadempjenza mix-xerrej fi tranżazzjoni kummerċjali. Il-banek ukoll joffru li jieħdu fuqhom riskji kummerċjali ta' tranżazzjonijiet kummerċjali permezz ta' kreditu dokumentarju u fatturament mingħajr id-dritt ta' rikors. Assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir offruta minn kumpaniji tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni u kreditu dokumentarju offrut minn banek huma sostituti min-naħa tad-domanda fis-suq għal protezzjoni kontra r-riskju kummerċjali fit-tranżazzjonijiet kummerċjali. Tal-inqas sa ċertu punt, fin-nuqqas ta' interventi tal-Istat, l-esportaturi setgħu rrikorrew għal kreditu dokumentarju (ittra ta' kreditu) offrut mill-banek. (10) Minħabba s-sostitwibbiltà possibbli bejn l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir offruta mill-assiguraturi u l-kreditu dokumentarju offrut mill-banek, il-miżura tinvolvi vantaġġ favur is-settur tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir, għax tikkontribwixxi għaż-żamma tas-sehem mis-suq tal-assiguraturi tal-kreditu għall-esportazzjoni fis-suq għall-protezzjoni kontra r-riskji kummerċjali u politiċi tat-tranżazzjonijiet kummerċjali. Peress li l-banek mhumiex eliġibbli li japplikaw għall-iskema, li fiha l-assigurazzjoni pubblika hija offruta biss bħala suppliment għall-kopertura mogħtija mill-assiguraturi privati, il-vantaġġ huwa selettiv.

(37)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura tagħti vantaġġ selettiv lill-assiguraturi.

Vantaġġ selettiv għall-esportaturi u l-kumpaniji tal-kummerċ domestiku

(38)

L-esportaturi u l-kumpaniji ta' kummerċ li jissottoskrivu għall-iskema jħallsu primjum li huwa aktar baxx mill-primjum tas-suq. Dan iwassal għal tisħiħ tal-pożizzjoni tal-kumpaniji li jibbenefikaw mill-iskema meta mqabbla ma' dawk li potenzjalment jirċievu l-kopertura mill-assiguraturi privati biss bi prezz tas-suq. Is-sempliċi tisħiħ, permezz ta' miżuri ta' skema, tal-pożizzjoni ta' uħud mill-atturi fis-suq meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom f'sitwazzjoni komparabbli, tqies li jikkostitwixxi vantaġġ. (11) F'dan il-każ, it-tisħiħ tal-pożizzjoni ta' dawk il-benefiċjarji ma kienx ikun possibbli bl-istess mod mingħajr l-intervent tal-Istat.

(39)

Barra minn hekk, kif iddikkjarat mill-Portugall, il-kopertura mhijiex disponibbli fis-suq, tal-inqas sal-istess punt, għar-riskji koperti bl-iskema. Għalhekk, il-kumpaniji li jibbenefikaw mill-iskema jirċievu vantaġġ doppju fil-forma ta' aċċess għal kopertura tal-assigurazzjoni li ma kinitx tkun disponibbli: mhux biss jibbenefikaw minn primjum aktar baxx mill-prezz tas-suq, iżda jibbenefikaw ukoll mill-eżistenza ta' kopertura addizzjonali.

(40)

L-iskema tal-Portugall hija de facto selettiva.

(41)

Indikazzjoni inizjali li l-iskema hija selettiva hija li l-kumpaniji li jibbenfikaw mill-miżura huma kważi esklussivament kumpaniji li jinnegozjaw fi prodotti, filwaqt li l-kumpaniji li jipprovdu servizzi jibbenefikaw ferm inqas minnha. Fil-kuntest tal-proċeduri ta' investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Portugiżi jiddikkjaraw li ma hemm l-ebda xkiel legali li jipprevjeni lill-kumpaniji mhux involuti f'attivitajiet kummerċjali milli jibbenefikaw mill-iskema u li s-setturi tal-“kostruzzjoni”, “trasport” u “servizzi oħrajn — ħlief il-kummerċ” ibbenefikaw mill-iskema. Madanakollu, il-Portugall jammetti wkoll li fin-natura tagħha, l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni tikkonċerna l-aktar it-tranżazzjonijiet fi prodotti. Il-kumpaniji li jipprovdu trasport u servizzi oħrajn ammontaw biss għal 2,4 % mill-assigurazzjoni pprovduta mill-iskema f'Ottubru 2010. Peress li l-intrapriżi li pprovdew servizzi kienu 8 biss minn total ta' 361 intrapriża li bbenefikaw mill-iskema u madwar 1,25 % tas-sehem tal-limiti ta' kreditu, jidher biċ-ċar li essenzjalment, il-miżura inkwistjoni għenet lill-kumpaniji li jinnegozjaw fi prodotti.

(42)

Hemm elementi oħrajn li juru li l-iskema hija de facto selettiva.

(43)

L-ewwel nett, minkejja d-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Portugiżi li l-iskema hija ta' karattru ġenerali għaliex il-benefiċjarji huma definiti minn kriterji oġġettivi li ma jinvolvux diskriminazzjoni kontra entitajiet minn Stati Membri oħrajn, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-iskema jagħtu ċerta marġni ta' diskrezzjoni fl-għażla tal-benefiċjarji. L-iskema ssegwi mudell ta' “assigurazzjoni miżjuda”, li skontu huma biss dawk il-kumpaniji li għandhom limitu ta' kreditu ma' assiguratur privat li jkunu eliġibbli għall-iskema, filwaqt li l-kumpaniji li l-assiguraturi tal-kreditu privati jiċħdu milli jkopruhom kompletament ma jkunux eliġibbli għall-“assigurazzjoni miżjuda”. L-iskema tħalli kompletament f'idejn il-kumpaniji privati sabiex jiddeċiedu dwar l-eliġibbiltà għall-kopertura. Fin-nuqqas ta' kriterji uniformi u oġġettivi għad-determinazzjoni tar-riskju involut fit-tranżazzjonijiet li jwettaq kull esportatur jew negozjant, l-iskema tagħti lill-operaturi privati grad ta' latitudni meta jiddeċiedu dwar l-affidabbiltà kreditizja tal-kumpaniji li huma eliġibbli sabiex japplikaw għall-kopertura. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li sabiex titqies bħala mhux selettiva, miżura għandha tkun ibbażata fuq kriterju ta' applikazzjoni li huwa oġġettiv, li ma jkollu l-ebda konnotazzjoni ġeografika jew settorjali, u li jkun konformi mal-objettiv tal-miżura. (12) F'dan il-każ, in-nuqqas ta' kriterji oġġettivi għad-deċiżjoni ta' għoti ta' kopertura privata iwassal għal diskriminazzjoni potenzjali bejn il-benefiċjarji li huma f'sitwazzjoni fattwali komparabbli. (13)

(44)

It-tieni nett, anki jekk il-kriterji ta' aċċess għall-iskema kellhom jitqiesu oġġettivi, il-Qorti ddeċidiet li s-sempliċi eżistenza ta' kriterji oġġettivi ma tippreġudikax in-natura selettiva tal-miżura fejn il-miżura jkollha l-effett li tagħti vantaġġ lil ċerti intrapriżi għad-detriment ta' oħrajn. Għalhekk, il-Qorti ddikkjarat li 'il-fatt li, fil-mira tagħha, l-għajnuna ma għandhiex riċevitur speċifiku wieħed jew aktar definiti minn qabel, iżda hija soġġetta għal serje ta' kriterji oġġettivi li skonthom tista' tingħata, fi ħdan il-qafas ta' allokazzjoni ta' baġit ġenerali predeterminata, lil numru indefinit ta' benefiċjarji li mhumiex inizjalment identifikati b'mod individwali, ma jistax ikun biżżejjed sabiex jinxteħet dubju dwar in-natura selettiva tal-miżura u, konsegwentement, il-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 92 tat-Trattat [107(1) TFUE].L-aktar, dik iċ-ċirkustanza tfisser li l-miżura inkwistjoni mhijiex għajnuna individwali.Madanakollu, ma tipprekludix lil dik il-miżura pubblika milli titqies bħala sistema ta' għajnuna li tikkostitwixxi miżura selettiva, u għaldaqstant, speċifika, jekk minħabba l-kriterji li jirregolaw l-applikazzjoni tagħha, din tipprovdi vantaġġ lil ċerti intrapriżi jew għall-produzzjoni ta' ċerti prodotti, b'esklużjoni ta' oħrajn'. (14) Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-interventi tal-Istat ma għandhomx jiġu ġġudikati fuq il-kawżi jew il-miri tagħhom, iżda fuq l-effetti tagħhom. (15) F'dan il-każ ikkonċernat, l-iskema hija de facto selettiva.

(45)

It-tielet, sabiex tkun ta' natura ġenerali, miżura ma tridx tkun ibbażata biss fuq kriterji oġġettivi u orizzontali, iżda lanqas ma trid tkun limitata fiż-żmien u fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Minkejja l-insistenza tal-Portugall dwar il-karattru ġenerali tagħha, l-iskema hija limitata kemm fiż-żmien kif ukoll fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha, anki minħabba n-natura essenzjali tal-mudell ta' assigurazzjoni miżjuda, kif ġie spjegat aktar 'il fuq fil-premessa 43.

(46)

Fl-aħħar nett, il-kriterji taħt l-iskema mhumiex konformi mal-għan u l-loġika tal-miżura. (16) Anki li kieku l-iskema kellha tiġi applikata b'mod oġġettiv mill-assiguraturi privati, għall-iskema ikunu eliġibbli biss dawk il-kumpaniji li kellhom il-kopertura tagħhom imnaqqsa matul il-kriżi. Dawn il-kumpaniji li l-assiguraturi privati neħħewlhom kompletament il-limiti ta' kreditu huma esklużi mill-iskema. Għaldaqstant, minkejja l-għan tal-iskema li tindirizza indisponibbiltà allegata ta' kopertura fis-suq privat, din ma tkoprix il-kumpaniji li huma l-aktar affettwati mit-tnaqqis tal-kapaċità tal-assigurazzjoni privata fis-suq. F'dan ir-rigward, it-tfassil tal-miżura mhuwiex xieraq sabiex jindirizza n-nuqqas tas-suq identifikat

(47)

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet li nġiebu sa issa, il-vantaġġi mogħtija lill-esportaturi u lill-kumpaniji ta' negozjar li jissottoskrivu mal-iskema huma ta' natura selettiva.

Effett fuq il-kummerċ u distorsjoni tal-kompetizzjoni

(48)

Rigward l-effett fuq il-kummerċ, l-iskema tkopri tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni u tranżazzjonijiet domestiċi fi prodotti negozjabbli.

(49)

Billi tkopri t-tranżazzjonijiet domestiċi, l-iskema tista' potenzjalment tħalli effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri sal-punt li tista' tgħawweġ sew il-flussi tal-kummerċ, pereżempju billi ċċaqlaq l-attivitajiet ekonomiċi mill-esportazzjoni għal tranżazzjonijiet domestiċi.

(50)

Fir-rigward tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi fatt li l-pożizzjoni kompetittiva ta' intrapriża tissaħħaħ meta mqabbla ma' impriżi oħrajn li jikkompetu, billi tingħata benefiċċju ekonomiku li ma kinitx tirċievi fil-perkors normali tan-negozju taħha, jindika possibbiltà ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni. (17)

(51)

Peress li l-iskema tapplika għall-esportazzjoni, anki għal Stati Membri oħrajn, il-miżura taffettwa biċ-ċar il-flussi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, hekk kif tiffaċilita l-eżerċizzju tal-attività ta' esportazzjoni mill-benefiċjarji.

(52)

L-iskema taffettwa wkoll il-kummerċ peress li tkopri tranżazzjonijiet domestiċi. Hija ġurisprudenza stabbilita sew li fejn għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' kumpanija meta mqabbla ma' kumpaniji oħra f'kompetizzjoni fil-kummerċ ġewwa l-Unjoni, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu affettwati mill-għajnuna. F'dan ir-rigward, il-fatt li settur ekonomiku ġie liberalizzat fil-livell tal-Unjoni jista' jservi sabiex jiddetermina li l-għajnuna għandha effett reali jew potenzjali fuq il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, mhuwiex bilfors li l-kumpanija benefiċjarja stess tkun involuta fil-kummerċ fi ħdan l-Unjoni. L-għajnuna minn Stat Membru lil kumpanija tista' tikkontribwixxi għaż-żamma jew għaż-żieda tal-attività fis-suq domestiku, bir-riżultat li l-kumpaniji mwaqqfa fi Stati Membri oħrajn ikollhom inqas opportunitajiet sabiex jidħlu fis-suq tal-Istat Membru inkwistjoni. Barra minn hekk, it-tisħiħ ta' intrapriża li, sa dak iż-żmien, ma kinitx involuta f'kummerċ ġewwa l-Unjoni jista' jqiegħed lil dik l-intrapriża f'pożizzjoni li tippermettilha tidħol fis-suq ta' Stat Membru ieħor. (18)

(53)

F'dan il-każ, il-miżura tibbenefika lil kumpaniji attivi f'diversi setturi miftuħa għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Għalhekk, anki l-vantaġġi mogħtija lil tranżazzjonijiet domestiċi ta' kumpaniji attivi biss fis-suq tal-Portugall jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(54)

Barra minn hekk, l-iskop tal-miżura huwa li tappoġġja l-attivitajiet ta' negozjar kummerċjali tal-kumpaniji stabbiliti fil-Portugall u mhux impriżi mwaqqfa fi Stati Membri oħrajn. Għaldaqstant, din il-miżura tista' tgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq intern.

Konklużjoni

(55)

Konsegwentement, dan il-proġett jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. L-għajnuna tista' titqies kompatibbli mas-suq komuni jekk tista' tikkwalifika għal waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati fit-Trattat.

6.2.   KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA LILL-ASSIGURATURI

(56)

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni stabbilixxiet kundizzjonijiet li skonthom, l-għajnuna lill-assiguraturi fil-forma ta' skemi ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir appoġġjati mill-Istat titqies kompatibbli. Fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, il-Qafas Temporanju jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni.

(57)

Il-punt 2.5 tal-Komunikazzjoni kif emendata (19) jiddefinixxi “riskji kummerċjabbli” bħala r-riskji kummerċjali u politiċi relatati mad-debituri pubbliċi u dawk mhux pubbliċi stabbiliti fil-pajjiżi elenkati fl-Anness (20) għall-Komunikazzjoni. Normalment, il-vantaġġi finanzjarji favur l-assiguraturi tal-kreditu għall-esportazzjoni li jidħlu jew li jkopru tranżazzjoni kwalifikata bħala riskju kummerċjabbli (“marketable”) huma projbiti.

(58)

Il-punt 3.1 tal-Komunikazzjoni jistabbilixxi li l-fatturi li jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni bejn assiguraturi tal-kreditu għall-esportazzjoni privati u pubbliċi jew dawk appoġġjati pubblikament u li jassiguraw riskji kummerċjabbli jinkludu garanziji tal-Istat de jure u de facto tat-teħid b'self u t-telf. Dawn il-garanziji jippermettu lill-assiguraturi sabiex jieħdu b'self b'rati aktar baxxi mir-rati normali tas-suq jew jagħtu lil dawn l-assiguraturi l-possibbiltà li jieħdu flus b'self. Barra minn hekk, dawn irendu inutli l-ħtieġa li l-assiguraturi jassiguraw lilhom infushom mill-ġdid fis-suq privat,

(59)

F'dak li jikkonċerna lill-pajjiżi mhux elenkati fl-Anness għall-Komunikazzjoni, dawn ir-riskji huma “mhux kummerċjabbli” fit-tifsira tal-Komunikazzjoni u l-appoġġ pubbliku sabiex jiġu assigurati mhuwiex kopert mill-Komunikazzjoni.

(60)

Il-punt 4.2 tal-Komunikazzjoni jistipula li r-'riskji kummerċjabbli' ma jistgħux jiġu koperti mill-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni b'għajnuna mill-Istati Membri. Madanakollu, il-punt 4.4 tal-Komunikazzjoni jistipula li f'ċerti kundizzjonijiet, dawn ir-riskji jistgħu jiġu temporanjament koperti mill-assiguraturi tal-kreditu għall-esportazzjoni pubbliċi jew dawk pubblikament appoġġjati. B'mod partikolari, jiddikkjara li r-riskji mġarrba fir-rigward tad-debituri stabbiliti fil-pajjiżi elenkati fl-Anness għall-Komunikazzjoni huma meqjusa bħala temporanjament mhux kummerċjabbli biss jekk ikun jista' jintwera li mhijiex disponibbli l-kopertura tal-assigurazzjoni privata għar-riskji ġeneralment meqjusa bħala kummerċjabbli. L-Istati Membri li jixtiequ jinvokaw dik il-klawżola ta' eċċezzjoni jridu jipprovdu rapport tas-suq u provi minn żewġ assiguraturi tal-kreditu għall-esportazzjoni ewlenin u internazzjonalment rikonoxxuti kif ukoll minn assiguratur tal-kreditu nazzjonali, fejn fit-tnejn li huma juru l-indisponibbiltà tal-kopertura għar-riskji fis-suq tal-assigurazzjoni privata. Barra minn hekk, sa fejn dan ikun possibbli, l-assiguratur tal-kreditu għall-esportazzjoni appoġġjat pubblikament irid jallinja r-rati tal-primjum tiegħu għal dawn ir-riskji mhux kummerċjabbli mar-rati mitluba xi mkien ieħor minn assiguraturi tal-kreditu għall-esportazzjoni privati għat-tip ta' riskju inkwistjoni u jipprovdi spjegazzjoni tal-kundizzjonijiet li l-assiguratur tal-kreditu għall-esportazzjoni pubbliku jkun beħsiebu japplika fir-rigward ta' dawn ir-riskji.

(61)

Sabiex titħaffef il-proċedura, sal-31 ta' Diċembru 2010, il-Qafas Temporanju ssimplifika l-provi li l-Istati Membri jridu jipprovdu sabiex juru l-indisponibbiltà tal-kopertura. Għal dan il-għan, l-Istati Membri kellhom jipprovdu provi forniti minn assiguratur tal-kreditu għall-esportazzjoni privat, kbir u rikonoxxut internazzjonalment u assiguratur tal-kreditu nazzjonali jew minn tal-inqas erba' esportaturi stabbiliti sew fis-suq domestiku. Il-Qafas Temporanju ġie estiż sal-31 ta' Diċembru 2011. (21)

Indisponibbiltà tal-kopertura

(62)

Il-Portugall issottometta numru ta' ittri minn espotaturi li juru li huma ġew miċħuda kopertura għal għadd ta' tranżazzjonijiet. Minkejja dan, il-Kummissjoni ma sabitx biżżejjed provi ta' indisponibbiltà tal-kopertura fl-ittri pprovduti mill-awtoritajiet tal-Portugall. Ir-raġunijiet ipprovduti f'dawk l-ittri għaċ-ċaħda jew huma kunfidenzjali jew inkella jiddikjaraw b'mod speċifiku li ċ-ċaħda hija dovuta għal-likwidità baxxa u l-pożizzjoni finanzjarja tal-klijent, jiġifieri prattika tan-negozju normali f'suq tal-assigurazzjoni li jaħdem sew. Fit-tweġiba tiegħu għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 li tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Portugall ipprovda dejta li turi tnaqqis fin-numru ta' impriżi li jagħmlu assigurazzjoni (hemm nuqqas ta' 29,41 % sa tmiem l-2009 meta mqabbla mas-sena preċedenti, u ta' 12,53 % ulterjuri sa Settembru 2010), kif ukoll tnaqqis fil-valur tal-portafoll assigurat (tnaqqis ta' 32,84 % fi tmiem l-2009 meta mqabbla mas-sena preċedenti, u ta' 22,36 % ulterjuri sa' Settembru 2010). Madanakollu, miż-żewġ ittri mill-assiguraturi privati pprovduti mill-Portugall li jindikaw l-indisponibbiltà ta' kopertura fis-suq privat, waħda minnhom (minn CESCE, datata t-22 ta' Novembru 2010) tiddikkjara li l-ħtiġijiet finanzjarji tal-impriżi naqsu wkoll minħabba tnaqqis fis-swieq ta' xiri. Għaldaqstant, tnaqqis allegat ta' volumi assigurati mhijiex prova biżżejjed tal-indisponibbiltà ta' kopertura fis-suq.

(63)

Barra minn hekk, jekk tabilħaqq il-kopertura ma tkunx disponibbli fis-suq privat u mbagħad issir disponibbli meta l-Istat jagħti kopertura parzjali, dan jista' jindika li l-assiguraturi rċivew għajnuna mill-Istat. Peress li dak is-suq jaġġusta l-aktar bil-kwantità u mhux bil-prezzijiet, kif spjegat fil-premessa 35, id-disponibbiltà tal-kreditu mill-għajnuna mill-Istat tippermetti lill-operaturi diġà preżenti fis-suq sabiex iżommu l-pożizzjoni tagħhom.

Allinjament tar-rati tal-primjum mar-rati mitluba mill-assiguraturi tal-kreditu privati

(64)

Ir-rati mitluba fl-iskema jirrappreżentaw 60 % tar-rata mitluba minn assiguratur privat għall-kopertura lill-istess klijent. Barra minn hekk, kuntrarju għall-allegazzjonijiet tal-Portugall, ir-riskju trasferit fl-Istat bl-iskema jista' jitqies ogħla mir-riskju kopert mill-assiguratur privat fuq bażi awtonoma. Għandu jiġi mfakkar li r-riskju ta' inadempjenza jiżdied meta jiżdied l-ammont assigurat. Għalhekk, b'ammont akbar ta' kopertura tal-assigurazzjoni, l-esportatur ikun jaċċetta li jwettaq aktar operazzjonijiet kummerċjali ma' xerrej partikolari. Il-volum totali ta' tranżazzjonijiet jista' jaqbeż il-kapaċità li x-xerrej iħallas lura.

(65)

L-awtoritajiet Portugiżi jqisu li r-riskju ta' tranżazzjonijiet addizzjonali huwa aktar baxx, meta wieħed iqis li l-ewwel nett, esportatur li kiseb kopertura limitata jassigura l-ewwel lix-xerrejja l-aktar riskjużi; b'kopertura miżjuda, l-esportatur ikompli jassigura progressivament lil xerrejja li huma inqas riskjużi. Madanakollu, dak l-argument jinjora l-fatt li l-limiti ta' kreditu jingħataw lil kull xerrej, u għaldaqstant, l-esportatur ma għandux l-għażla li juża b'mod esklussiv il-limitu kollu mogħti lix-xerrejja bl-inqas affidabbiltà kreditizja.

(66)

Barra minn hekk, l-argument tal-awtoritajiet Portugiżi li t-tranżazzjonijiet addizzjonali assigurati huma ta' riskju aktar baxx mit-tranżazzjonijiet assigurati mill-assiguratur privat iwassal għall-konklużjoni li l-assiguraturi privati jaċċettaw, għal livell partikolari ta' primjum, riskju ogħla, filwaqt li jirrifjutaw li jkopru tranżazzjonijiet b'riskju aktar baxx għall-istess livell ta' primjum. Li kieku dan l-argument kien korrett, assiguratur privat razzjonali jassigura aktar tranżazzjonijiet, xi ħaġa li tkun twassal għal żieda fl-introjtu mill-primjum filwaqt li jnaqqas ir-riskju. Fi kliem ieħor, l-argument tal-awtoritajiet Portugiżi jkun qed juri imġiba irrazzjonali tal-assiguraturi privati, li jkunu jaqblu li jassiguraw parti aktar riskjuża tal-portafoll minflok l-inqas parti riskjuża. Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax jintlaqa'.

(67)

Minħabba r-riskju akbar kopert mill-miżura, l-Istat qiegħed jieħu fuqu skopertura ogħla għal telf finali mistenni meta mqabbel mal-assiguratur privat, meta jagħti u jipprezza l-kopertura inizjali fuq bażi awtonoma. Għaldaqstant, fil-każ ta' skema ta' assigurazzjoni miżjuda fejn id-deċiżjoni ta' estensjoni tal-kopertura tittieħed biss wara li jitfassal il-primjum għal-limitu inizjali tal-assigurazzjoni ta' kreditu, il-prezz tal-assigurazzjoni miżjuda jrid jirrifletti riskju ogħla ta' eċċess ta' kopertura possibbli. L-argument tal-awtoritajiet Portugiżi, li skonthom l-impriżi joperaw għażla avversa li tkun tiżgura li l-aktar operazzjonijiet riskjużi jiġu koperti minn assigurazzjoni privata, ma huwa appoġġjat mill-ebda dejta konkreta u lanqas mill-prattika magħrufa tas-suq. L-aktar forma komuni ta' assigurazzjoni ta' kreditu privata fuq perjodu ta' żmien qasir (politika tal-fatturat sħiħ) teħtieġ li l-portafoll sħiħ ta' bejgħ kreditat ikun kopert mill-politika. Għalhekk, il-kumpanija assigurata ma tkunx tista' tassigura r-riskji tagħha b'mod selettiv. Il-Kummissjoni tqis li l-prezz tal-assigurazzjoni supplementari kellu jieħu f'kunsiderazzjoni l-livell ogħla ta' riskju assunt. Għaldaqstant, il-prezz kellu jkun ogħla mill-prezz mitlub għall-kopertura bażi mill-assiguraturi privati.

(68)

F'dan il-każ, ir-rati mitluba fl-iskema huma aktar baxxi mir-rati attwali fis-suq tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni, u dan huwa kkonfermat mill-Portugall fit-tweġiba tiegħu għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 li tiftaħ proċedura ta' investigazzjoni formali. Dak il-prezz huwa wkoll aktar baxx mir-rati tas-suq tal-2007 u tal-2008. Għal dik ir-raġuni, lanqas ma huwa kkonfermat l-argument imressaq mill-awtoritajiet Portugiżi, li skonthom il-prezz jikkorrispondi għar-rati tas-suq ta' qabel il-kriżi. Barra minn hekk, il-prezz għandu jieħu f'kunsiderazzjoni anki l-livell ta' riskju assunt. Għaldaqstant, fil-fatt, il-prezz għandu jkun ogħla mill-prezz tas-suq.

(69)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, l-iskema kif applikata għall-assiguraturi hija inkompatibbli mal-Komunikazzjoni u l-Qafas Temporanju.

6.3.   KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA LILL-ESPORTATURI U LILL-KUMPANIJI TAL-KUMMERĊ DOMESTIKU

6.3.1.   Kompatibbiltà tal-miżura mmirata lejn l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir

(70)

L-Artikolu 107(3)(c), applikabbli fiċ-ċirkostanzi normali tas-suq, u l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, applikabbli f'perjodi ta' taqlib serju fl-ekonomija, jippermettu li l-għajnuna titqies kompatibbli mas-suq intern f'ċerti kundizzjonijiet.

(71)

Il-Kummissjoni tfakkar li skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE jrid jiġi applikat b'mod restrittiv u jrid jindirizza taqlib fl-ekonomija sħiħa ta' Stat Membru. (22)

    Proprjetà L-għajnuna trid tkun immirata sew sabiex tkun tista' tilħaq l-objettivi ta' rimedju tat-taqlib serju fl-ekonomija b'mod effikaċji. Dan ma jkunx il-każ jekk il-miżura ma tkunx xierqa sabiex tirrimedja t-taqlib.

    Ħtieġa Il-miżura tal-għajnuna, fl-ammont u l-forma tagħha, trid tkun meħtieġa sabiex tilħaq l-objettiv. Għalhekk, trid tkun tal-inqas ammont meħtieġ sabiex tilħaq l-objettiv, u tieħu l-aktar forma xierqa sabiex tirrimedja t-taqlib. Fi kliem ieħor, jekk ammont inqas ta' għajnuna jew miżura f'forma li tikkawża inqas taqlib kienu biżżejjed sabiex jiġi rimedjat taqlib serju fl-ekonomija sħiħa, il-miżura inkwistjoni ma kinitx tkun meħtieġa. Dik l-analiżi hija kkonfermata minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. (23)

    Proporzjonalità L-effetti pożittivi tal-miżuri jridu jiġu mwieżna sew kontra d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, sabiex id-distorsjonijiet ikunu limitati għall-minimu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-miżuri. L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jipprojbixxi kull miżura pubblika selettiva li tkun kapaċi tgħawweġ il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Kull deroga fl-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE li tawtorizza l-għajnuna mill-Istat trid tiżgura li din l-għajnuna tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb l-għan iddikkjarat tagħha.

(72)

B'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Qafas Temporanju (paragrafu 5.1), kif estiż sal-31 ta' Diċembru 2012, sabiex il-miżuri tal-għajnuna jitqiesu kompatibbli, dawn iridu jissodisfaw ċerti kriterji:

a.

b.

c.

Proprjetà

(73)

Kif spjegat fil-premessa 46, it-tfassil tal-iskema jeskludi lill-kumpaniji l-aktar milquta mill-kriżi u għaldaqstant, mhiex xierqa biex tindirizza l-allegat nuqqas tas-suq ta' indisponibbiltà ta' kopertura privata.

Neċessità u proporzjonalità: allinjament tar-rati tal-primjum mar-rati mitluba mill-assiguraturi tal-kreditu privati

(74)

Kif iddikkjarat aktar 'il fuq fil-premessa 62, għad li t-tagħrif ipprovdut mill-Portugall jindika pressjoni fuq is-suq tal-assigurazzjoni ta' kreditu privat, dan jonqos milli juri indisponibbiltà ta' kopertura. Għaldaqstant, ma tistax tiġi stabbilita l-ħtieġa tal-intervent tal-Istat.

(75)

Kif spjegat fil-premessi 21 u 64, ir-rati mitluba fl-iskema jirrappreżentaw 60 % tar-rati mitluba mill-assiguraturi privati għal kopertura tal-istess klijent.

(76)

Kif spjegat aktar 'il fuq fil-premessi 65 sa 67, fil-każ ta' skema ta' assigurazzjoni miżjuda fejn id-deċiżjoni ta' estensjoni tal-kopertura tittieħed biss wara li jiġi stabbilit il-primjum għal-limitu inizjali tal-assigurazzjoni ta' kreditu, il-prezz tal-assigurazzjoni miżjuda jrid jirrifletti riskju ogħla ta' eċċess ta' kopertura possibbli.

(77)

L-objettiv li tiġi pprovduta l-kopertura tal-assigurazzjoni allegatament indisponibbli jista' jinkiseb ukoll permezz ta' skema pprezzata b'tali mod li tirrifletti r-riskju sottostanti mġarrab mill-Istat. Għaldaqstant, l-ipprezzar tal-iskema bbażat fuq primjum aktar baxx mill-primjum li jintalab mis-suq għal riskji simili mhuwiex proporzjonat għall-objettiv tal-iskema.

(78)

Minħabba dak li ntqal hawn fuq, il-parti tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni tal-iskema ma tistax titqies bħala għajnuna kompatibbli għall-esportaturi skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE u l-Qafas Temporanju.

(79)

Rigward l-Artikolu 107(3)(c), l-argumenti kollha fir-rigward tal-proprjetà:, il-ħtieġa u l-proporzjonalità huma pertinenti indaqs fl-analiżi tal-kompatibbiltà fl-Artikolu 107(3)(b). Għaldaqstant, l-għajnuna lill-assiguraturi tal-kreditu għall-esportazzjoni fl-iskema taffettwa l-kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li tkun kuntrarja għall-interess komuni.

6.3.2.   Kompatibbiltà tal-iskema fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' assigurazzjoni tal-kummerċ domestiku

(80)

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-iskema għal tranżazzjonijiet domestiċi, l-assigurazzjoni tal-kummerċ domestiku bi prezz inqas minn dak tas-suq tista' ċċaqlaq it-tranżazzjonijiet mill-esportazzjoni favur tranżazzjonijiet domestiċi u jkollha impatt kbir fuq l-importazzjoni. Għaldaqstant, f'kundizzjonijiet normali tas-suq, l-appoġġ tal-Istat favur l-operazzjonijiet ta' kummerċ domestiku huwa strettament projbit. Madanakollu, is-subparagrafi (c) u (b) tal-Artikoli 107(3) tat-TFUE jippermettu li l-għajnuna titqies kompatibbli mas-suq intern f'ċerti ċirkustanzi. F'dak il-kuntest, il-Komunikazzjoni u l-Qafas Temporanju jistabbilixxu kriterji għall-kompatibbiltà tal-miżuri tal-għajnuna għal assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir. Madanakollu, dawk it-testi ma jkoprux tranżazzjonijiet tal-kummerċ domestiku.

(81)

Minkejja dan, il-Portugall innotifika l-iskema fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja attwali taħt il-Qafas Temporanju. Għaldaqstant, irid jiġi stabbilit jekk fir-rigward tal-konsegwenzi b'effetti kbar tal-kriżi ekonomika attwali, l-iskema tistax titqies kompatibbli direttament skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE. Jekk le, f'dak il-każ irid jiġi analizzat jekk il-miżura tistax titqies kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(c).

(82)

Rigward il-kompatibbiltà skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, dik id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kummissjoni sabiex tiddikjara għajnuna kompatibbli mas-suq intern jekk ikollha l-għan “sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta' Stat Membru”.

(83)

Il-Kummissjoni ttenni li l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE jrid jiġi applikat b'mod ristrettiv u jrid jindirizza taqlib li jaffettwa l-ekonomija sħiħa ta' Stat Membru. (24) Tfakkar ukoll li, kif sptipulat aktar 'il fuq fil-premessa 73, il-miżura trid tissodisfa l-prinċipji ta' proprjetà, ħtieġa u proporzjonalità. Il-miżura ġiet implimentata fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja attwali u hija limitata fiż-żmien.

(84)

Il-Kummissjoni rċiviet ittri minn esportaturi u assiguraturi privati li jindikaw tnaqqis fil-kopertura tal-assigurazzjoni għat-tranżazzjonijiet domestiċi.

(85)

L-awtoritajiet Portugiżi jargumentaw li l-proporzjon tat-telf żdied għal 102 %. Madanakollu, dik l-osservazzjoni mhijiex konklussiva peress li ż-żieda ilha ssegwi xejra kostanti sa mill-2004, kif muri fl-osservazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Portugiżi. Dik iż-żieda kostanti fil-proporzjon ta' telf anki qabel ma bdiet il-kriżi finanzjarja tista' tindika, mhux nuqqas tas-suq fil-finanzjament tal-kummerċ domestiku, iżda problema strutturali fis-suq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma sabitx provi li l-iskema hija adattata sabiex tindirizza taqlib serju fl-ekonomija u tqis li l-iskema ma tistax tiġi ddikkjarata kompatibbli skont il-Qafas Temporanju jew l-Artikolu 107(3)(b).

(86)

Rigward il-kompatibbiltà tal-miżura skont il-Komunikazzjoni u l-Artikolu 107(3)(c), l-għan tal-iskema huwa li tindirizza l-indisponibbiltà ta' kopertura fis-suq tal-assigurazzjoni. Madanakollu, peress li hija skema ta' assigurazzjoni miżjuda li tagħti ċertu grad ta' latitudni fl-għażla tal-benefiċjarju f'idejn l-assiguraturi privati, l-iskema potenzjalment teskludi mill-kopertura kumpaniji li huma f'sitwazzjoni fattwali komparabbli mal-kumpaniji koperti, iżda li ġew affettwati aktar mill-kriżi. Kumpaniji esklużi bħal dawn kellhom il-kopertura tal-assigurazzjoni kompletament irtirata u mhux parzjalment koperta bħal fil-każijiet l-oħrajn. Barra minn hekk, il-miżura mhux biss tipprovdi kopertura addizzjonali lill-benefiċjarji, iżda tipprovdi wkoll vantaġġ f'termini ta' pprezzar, peress li l-primjums huma aktar baxxi mir-rati tas-suq. Kif diġà ġie osservat, ir-rati mitluba fl-iskema jirrappreżentaw 60 % tar-rati mitluba minn assiguratur privat għal kopertura tal-istess klijent, filwaqt li l-fatt li l-limitu tal-kopertura huwa estiż sad-doppju tal-limitu inzijali jimplika riskju ogħla li mhuwiex rifless mill-primjum. Il-livell tal-ipprezzar fl-iskema mhuwiex ġustifikat fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi indirizzata l-indisponibbiltà ta' kopertura tal-assigurazzjoni. L-iskema mhijiex proporzjonata sabiex tilħaq l-objettiv li ddikkjarat minħabba d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni.

(87)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat mogħtija għal operazzjonijiet ta' assigurazzjoni tal-kummerċ domestiku ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tas-subparagrafi (b) jew (c) tal-Artikoli 107(3) tat-TFUE u hija inkompatibbli mas-suq intern.

7.   KONKLUŻJONI

(88)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema tagħti għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE li ma tistax tiġi ddikkjarata kompatibbli mas-suq intern.

8.   IRKUPRU

(89)

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (25), fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarji. Għandha tiġi rkuprata biss dik l-għajnuna li hija inkompatibbli mas-suq intern.

(90)

L-iskop tal-irkupru huwa li jreġġa' lura s-sitwazzjoni lejn dik li kien hemm qabel l-għoti tal-għajnuna. Dan jinkiseb ladarba l-għajnuniet inkompatibbli jitroddu lura mill-benefiċjarji, li għaldaqstant, jirrinunzjaw għall-vantaġġi li gawdew fuq il-kompetituri tagħhom. L-ammont li għandu jiġi rkuprat għandu jkun tali li jelimina l-vantaġġ ekonomiku mogħti lill-benefiċjarji.

(91)

Għall-kwantifikazzjoni eżatta tal-ammont tal-għajnuna, peress li ma huwa disponibbli l-ebda prezz tas-suq għal remunerazzjoni tal-kopertura tal-Istat, irid jiġi definit punt ta' riferiment xieraq. Kif stabbilit fl-ewwel inċiż tal-punt 4.2 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-garanziji, (26) l-'ekwivalenti fi flus' ta' garanzija ta' self f'sena partikolari li jista' jiġi kkalkolat bl-istess mod bħall-ekwivalenti fi flus ta' self b'kundizzjonijiet favorevoli. Għalhekk, l-ammont tal-għajnuna jista' jiġi kkalkolat bħala d-differenza bejn rata tas-suq teorika u r-rata miksuba grazzi għall-garanzija tal-Istat wara li jkunu tnaqqsu kwalunkwe primjums imħallsa.

(92)

Fir-rigward tal-għajnuna lill-assiguraturi, il-vantaġġ jieħu l-forma tal-preservazzjoni tas-sehem mis-suq tal-assiguraturi. Fin-nuqqas tal-għajnuna, il-kopertura setgħet tiġi pprovduta minn attur ieħor tas-suq. B'mod partikolari, kif spjegat aktar 'il fuq fil-premessa 35, il-kompetizzjoni fis-suq hija bbażata l-aktar fuq il-kwantitajiet u mhux fuq il-prezzijiet. Barra minn hekk, il-prattika tas-suq hija li jiġi ffissat prezz medju għall-portafoll sħiħ li mbagħad għandu jiġi assigurat mal-istess assiguratur (27) sabiex jiġi evitat li l-kumpanija assigurata tagħżel biss dak li jkun jaqblilha. L-għażla ta' dak li jaqblilha tista' sseħħ jekk il-kumpanija assigurata tkun ħallset prezz medju biss għal klijenti b'riskju għoli u ma tassigurax lill-klijenti b'riskju aktar baxx jew tassigura lil klijenti b'riskju baxx ma' assiguratur ieħor. Għaldaqstant, jekk attur ieħor tas-suq ikun ipprovda kopertura lill-esportaturi għal-limiti ta' kreditu mitluba sħaħ anki bi prezz ogħla, l-esportaturi aktarx li jkunu ħadu l-poloz tal-assigurazzjoni sħaħ tagħhom tal-fornitur ta' kopertura alternattiv. Il-vantaġġ f'termini monetarji huwa l-marġni ta' profitt li jkun sar fuq il-volum assigurat minn kull assiguratur privat mingħajr il-kostijiet assoċjati ma' dan il-volum. Dawn l-elementi, mibdula fi profitti li l-assiguraturi privati jaqilgħu billi jieħdu sehem fl-iskema matul il-perjodu li fih il-kopertura tal-assigurazzjoni miżjuda kienet ipprovduta mill-Istat, ikunu ġew irreġistrati minn attur ieħor tas-suq fin-nuqqas tal-iskema. Għaldaqstant, l-għajnuna favur l-assiguraturi hija kwantifikata bħala l-profitti li l-assiguraturi jkunu qalgħu billi ħadu sehem fl-iskema matul il-perjodu li kienet implimentata bħala riżultat tal-kopertura tagħhom tal-esportaturi individwali u l-kumpaniji tal-kummerċ domestiku li jabbonaw għall-iskema. Il-vantaġġ għall-klijenti li jabbonaw għall-iskema għandu jiġi kkalkolat fil-livell ta' kull assiguratur individwali li jieħu sehem fl-iskema u fil-każ ta' profitt li jaqbeż l-ammont de minimis, dan għandu jiġi rkuprat.

(93)

Fir-rigward tal-esportaturi, il-benefiċjarji kellhom iħallsu remunerazzjoni għall-kopertura tal-Istat fil-kundizzjonijiet tas-suq. Għaldaqstant, l-ammont tal-għajnuna għandu jkun ikkalolata bħala d-differenza bejn ir-rata tas-suq attwali, adattata għall-bidla fil-livell ta' riskju. Il-Kummissjoni żviluppat metodu għall-kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rkuprat (spjegat fl-Anness għal din id-deċiżjoni) ibbażat fuq suppożizzjonijiet raġonevoli u fuq prattika komuni tas-suq. B'dan il-metodu, prezz tas-suq teoriku għal kopertura mogħtija mill-Istat huwa ekwivalenti għal 110 % tal-prezz (f'termini ta' rata tal-primjum) mitlub mill-assiguratur privat fil-każ ta' kull esportatur individwali. Peress li l-prezz mitlub fl-iskema huwa 60 % tal-primjums mitluba mill-assiguratur privat, l-ammont li għandu jiġi rkuprat f'kull tranżazzjoni huwa ekwivalenti għall-ammont mitlub mill-Istat fl-iskema multiplikat b'5/6.

(94)

L-ammont imsemmi fil-premessa 93 jikkostitwixxi l-ammont li għandu jiġi rkuprat, miżjud bl-imgħax ta' rkupru effettivament dovut fuq dak l-ammont mid-data li fiha l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji (data tal-garanziji individwali) sad-data ta' rkupru attwali tiegħu. L-imgħax ta' rkupru għandu jiġi kkalkolat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (28), kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 271/2008 (29).

(95)

Din id-deċiżjoni għandha tiġi implimentata minnufih, b'mod partikolari fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuniet individwali kollha mogħtija fl-iskema ħlief għall-għajnuniet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolamenti adottati skont l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (30) jew minn kwalunkwe skema ta' għajnuna approvata oħra sal-intensità tal-għajnuna massima jew il-limiti de minimis applikabbli għal dan it-tip ta' għajnuna.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat involuta fl-iskema ta' assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir fl-applikazzjoni tad-Digriet-Liġi Nru 175/2008 li jistabbilixxi l-Finova tas-26 ta' Awwissu 2008 u d-Digriet-Liġi Nru 211/1998 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għas-soċjetajiet ta' garanzija reċiproka tas-16 ta' Lulju 1998 (kif emendat mid- Digriet-Liġi Nru 19/2001 tat-30 ta' Jannar 2001 u d-Digriet-Liġi Nru 309-A/2007 tas-7 ta' Settembru 2007), mogħtija illegalment mill-Portugall, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

L-għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 li, fiż-żmien li ngħatat l-għajnuna, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn Regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 jew minn kwalunkwe skema ta' għajnuna oħra approvata, hija kompatibbli mas-suq intern sal-intensitajiet tal-għajnuna massimi jew il-limiti de minimis applikabbli għal din it-tip ta' għajnuna.

Artikolu 3

1.   Il-Portugall għandu jirkupra l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 mill-benefiċjarji.

2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha saru disponibbli għall-benefiċjarji sal-irkupru attawli tagħhom.

3.   3. L-imgħax għandu jiġi kkalkolat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 271/2008.

4.   Minnufih, il-Portugall għandu jabolixxi l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 u jikkanċella kull pagament pendenti tal-għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 b'effett mid-data ta' notifika ta' din id-deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   1. L-irkupru tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ikun immedjat u effikaċji.

2.   Il-Portugall għandu jiżgura li din id-deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba' xhur mid-data ta' notifika ta' din id-deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta' din id-deċiżjoni, il-Portugall għandu jissottometti t-tagħrif li ġej lill-Kummissjoni:

(a)

Il-lista ta' benefiċjarji li rċivew l-għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 u l-ammont totali ta' għajnuna rċevuta minn kull wieħed minnhom;

(b)

L-ammont totali (prinċipali u l-imgħax ta' rkupru) li għandu jiġi rkuprat minn kull benefiċjarju;

(c)

Deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħuda u ppjanati sabiex tinkiseb konformità ma' din id-deċiżjoni;

(d)

Dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jroddu lura l-għajnuna.

2.   Il-Portugall għandu jżomm lill-Kummissjoni aġġornata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda għall-implimentazzjoni ta' din id-deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmi fl-Artikolu 1. Fuq talba sempliċi mill-Kummissjoni, għandu jissottometti minnufih tagħrif dwar il-miżuri diġà meħuda u dawk ippjanati sabiex jikkonforma ma' din id-deċiżjoni. Għandu jipprovdi wkoll tagħrif dettaljat rigward l-ammonti ta' għajnuna u imgħax ta' rkupru diġà rkuprat mill-benefiċjarji.

Artikolu 6

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Portugall.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni,

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)   ĠU C 111, 9.4.2011, p. 46.

(2)   ĠU C 16, 22.1.2009, p. 1. Il-Kummissjoni applikat il-Qafas Temporanju mis-17 ta' Diċembru 2008 u awtorizzat l-iskema ta' “Ammonti limitati ta' għajnuna” tal-Portugall (każ N 13/09) fid-19 ta' Jannar 2009 fuq il-bażi tal-Qafas Temporanju.

(3)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(4)  L-ammont totali tal-limitu ta' kreditu mogħti huwa ta' EUR 211,6 miljun, filwaqt li l-limitu ta' kreditu effettivament użat sabiex jiġu koperti l-operazzjonijeit kummerċjali kien ta' EUR 187,3 miljun.

(5)  Skont in-notifika tat-12 ta' Jannar 2009.

(6)   ĠU C 281, 17.9.1997, p. 4.

(7)  Ara, b'mod partikolari, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir tal-Awstrija fil-każ N 434/09 (ĠU C 25, 2010, 2.2.2010, p. 4), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Kreditu għall-esportazzjonijiet tad-Danimarka fil-Każ N 198/09 (ĠU C 179, 1.8.2009, p. 2) id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir tal-Belġju fil-Każ N 532/09 (ĠU C 19, 26.1.2010, p. 7), fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir tal-Finlandja fil-Każ N 258/09 (ĠU C 227, 22.9.2009, p. 1), id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir tal-Ġermanja fil-Każ N 384/09 (ĠU C 212, 5.9.2009, p. 11), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir tal-Ungerija fil-Każ N 187/10 (ĠU C 259, 15.9.2010, p. 6), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir tal-Lussemburgu fil-Każ N 50/09 (ĠU C 143, 24.6.2009, p. 6), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir tal-Litwanja fil-Każ N 659/09 (ĠU C 33, 10.2.2010, p. 5), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir tal-Latvja fil-Każ N 84/10, (ĠU C 213, 6.8.2010, p. 11), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Assigurazzjoni ta' kreditu tal-esportazzjonijietskema ta' riassigurazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-Każ N 409/09 (ĠU C 270, 11.11.2009, p. 11), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir tas-Slovenja fil-Każ N 713/09 (ĠU C 108, 28.4.2010, p. 3).

(8)  Ara, b'mod partikolari, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir tal-Belġju fil-każ N 532/09, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir tal-Finlandja fil-każ N 258/09,, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir tal-Ġermanja fil-każ N 384/09, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir tal-Lussemburgu fil-każ N 50/09, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir tal-Latvja fil-każ N 84/10, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Assigurazzjoni ta' kreditu tal-esportazzjonijietskema ta' riassigurazzjoni tad-Danimarka fil-każ N 409/09, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir tas-Slovenja fil-każ N 713/09.

(9)  Ara Credit insurance in support of international trade, Fabrice Morel, Berne Union, 2010, (“Assigurazzjoni ta' kreditu b'appoġġ għall-kummerċ internazzjonali”) http://www.berneunion.org.uk/pdf/Credit%20insurance%20in%20support%20of%20international%20trade.pdf.

(10)  Ara The Report on Market Trends of Private Reinsurance in the Field of Export Credit Insurance, il-KummissjoniEwropea (“Ir-Rapport dwar it-Tendenzi tas-Suq tar-Riassigurazzjoni privata fil-Qasam tal-Assigurazzjoni ta' kreditu għall-Esportazzjonijiet”), http://ec.europa.eu/competition/state_aid/studies_reports/export_credit_insurance_report.pdf.

(11)  Ara s-sentenza tal-Qorti (It-Tielet Awla) tat-8 ta' Settembru 2011 fil-każ C-279/08 P, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, għadha ma ġietx ippubblikata.

(12)  Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-10 ta' April 2008 fil-każ T-233/04 ir-Renju tal-Olanda vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej [2008] Ġabra II-00591, punt 88.

(13)  Sentenza fil-każ C-143/99 Adria-Wien Pipeline GmbH u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke GmbH vs Finanzlandesdirektion für Kärnten[2001] Ġabra I-08365, punt 41.

(14)  Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla Estiża) tad-29 ta' Settembru 2000 fil-każ T55/99, Confederación Española de Transporte de Mercancias vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Ġabra II-3207, punt 40 (Mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  Sentenza fil-każ C-173/73 ir-Repubblika Taljana vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1974] Ġabra 00709, punt 13.

(16)  Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla Estiża) tal-10 ta' April 2008 fil-każ T233/04 ir-Renju tal-Olanda vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej [2008] Ġabra II-00591, punt 88.

(17)  Ara s-Sentenza fil-każ 730/79 Philip Morris Holland BV vs Il-Kummissjoni [1980] Ġabra 2671, punt 11.

(18)  Ara, b'mod partikolari, il-Każ C-222/04 Cassa di Risparmio di Firenze, Ġabra2006, p. I-289, paragrafi 141-143, u l-ġurisprudenza ċitata hemmhekk.

(19)  Ara r-rettifika ppubblikata fil-ĠU C 217, 2.8.2001, p. 2.

(20)  Il-lista tinkludi pajjiżi tal-UE u tal-OECD.

(21)   ĠU C 6, 11.1.2011, p. 5.

(22)  Ara, pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla Estiża) fil-każijiet magħquda T-132/96 u T-143/96 Freistaat Sachsen, Volkswagen AG u Volkswagen Sachsen GmbH vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1999] Ġabra II-3663, punt 167.

(23)  Ara s-Sentenza fil-każ 730/79 Philip Morris Holland BV vs Il-Kummissjoni [1980] Ġabra 2671, punt 17. Dan il-prinċipju ġie reġa' ġie kkonfermat mis-sentenza fil-każ C-390/06 Nuova Agricast Srl vs Ministero delle Attività Produttive [2008] Ġabra I-02577, punt 68.

(24)  Ara, pereżempju, s-Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla Estiża) fil-każijiet magħquda T-132/96 u T-143/96 Freistaat Sachsen, Volkswagen AG u Volkswagen Sachsen GmbH vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1999] Ġabra II-3663, punt 167.

(25)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(26)  Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' garanziji (ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10).

(27)  Din il-prattika tas-suq hija bbażata fuq l-użu predominanti tal-prodotti tal-fatturat sħiħ minflok il-prodotti ta' riskju individwali.

(28)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(29)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat- 30 ta' Jannar 2008 li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).

(30)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1).


ANNESS

IPPREZZAR TAL-KOPERTURA TAL-ASSIGURAZZJONI TAL-KUMMERĊ TA' ASSIGURAZZJONI MIŻJUDA

Il-primjums għall-kopertura tal-assigurazzjoni huma stabbiliti b'tali mod li tal-inqas ikopru t-telf mistenni u l-kostijiet amministrattivi. Għaldaqstant, il-primjum minimu aċċettabbli għal operatur ekonomiku solidu jista' jiġi espress kif ġej: PR = Prob × telf previst + amm = Prob × (Skopertura f'każ ta' inadempjenza — Ammont ta' Rkupru) + amm

Formula
, fejn:

PR – primjum mitlub mill-assiguraturi privati fuq il-bażi awtonoma;

Prob – probabbiltà tal-avveniment assigurat;

Ammont ta' Rkupru – ammont mistenni ta' rkupru, ibbażat fuq id-dejta storika tas-suq;

Adm – kostijiet amministrattivi. Għall-finijiet ta' sempliċità, f'din l-analiżi huwa ssopponut li l-kostijiet amministrattivi huma żero (). Din is-suppożizzjoni ma taffettwax l-eżitu tal-analiżi għax il-kostijiet amministrattivi mhumiex komponent deċiżiv għat-tfassil tal-livell tal-primjum. Jekk tkun disponibbli dejta affidabbli dwar il-kostijiet amministrattivi, il-varjabbli faċilment jista' jiġi inkluż fl-analiżi.

(Skopertura f'każ ta' inadempjenza — l-ammont ta' telf massimu li għalih istituzzjoni tkun skoperta f'każ tal-inadempjenza tal-kontroparti tagħha.)

F'dan li ġej, is-sottoskrizzjoni “0” jirrappreżenta varjabbli fin-nuqqas ta' (jew qabel) intervent tal-Istat, u is-sottoskrizzjoni “S” taħt il-vers jirrappreżenta varjabbli mal-intervent tal-Istat.

Mill-formula ta' hawn fuq, jista' jidher li:

Formula

Skont id-definizzjoni:

Formula

Jew

Formula

L-espressjoni hija trasformata kif ġej:

Formula

Karatteristika tal-miżura taħt skrutinju hija li l-kopertura taħt l-iskema, bħala massimu, hija ugwali jew inkella hija inqas mill-kopertura pprovduta mill-assiguratur (bażi) privat fin-nuqqas ta' għajnuna mill-Istat (jiġifieri, il-kopertura appoġġjata mill-Istat hija l-aktar ekwivalenti għall-kopertura pprovduta mill-assiguratur privat). Jekk għalissa jiġi supponut li l-kopertura appoġġjata mill-Istat hija eżattament daqs il-kopertura pprovduta mill-assiguratur privat, tirriżulta r-relazzjoni li ġejja:

Formula
.

F'dak il-każ, l-espressjoni hija trasformata kif ġej:

Formula

Il-konsegwenzi ta' x'inhu magħruf fl-industrija bħala “sovrakkreditar” fuq l-ipprezzar korrett ta' kopertura tal-assigurazzjoni tal-kummerċ huma spjegati hawn taħt. Is-sovrakkreditar huwa osservat kemm fil-livell tal-probabbiltà ta' inadempjenza kif ukoll fil-livell tar-rata ta' rkupru.

—   

Probabbiltà ta' inadempjenza

Il-probabbiltà ta' inadempjenza tiżdied mal-attività kummerċjali tax-xerrej. Il-kreditu tal-kummerċ u s-self tal-bank huma sostituti imperfetti: b'mod partikolari, it-tnejn li huma jistgħu jintużaw sabiex jespandu l-attività tax-xerrej/mutwatarju. Għaldaqstant, bħal fil-każ ta' self mill-bank, kreditu tal-kummerċ miżjud joħloq riskju ta' sovrakkreditar, jiġifieri x-xerrej jespandi l-attività tiegħu lil hinn minn dak li huwa ekonomikament effiċjenti. Fit-termini tal-formulas ippreżentati, is-sovrakkerditar jista' jiġi espress bħala:

ProbS

Image 1
Prob 0

B'mod partikolari, dik is-sitwazzjoni tfeġġ f'każijiet fejn l-esportatur ikun il-fornitur ewlieni tax-xerrej. F'dak il-każ, l-attività ekonomika tax-xerrej tiżdied b'mod proporzjonat mat-tranżazzjoni tal-kummerċ konkluża mal-esportatur assiguratur u għaldaqstant, tiżdied b'mod proporzjonat mal-ammont ta' kopertura tal-kreditu mogħtija.

—   

Proporzjon ta' rkupru

Minħabba ż-żieda fl-iskopertura tal-kreditu, l-ammont li għandu jiġi rkuprat jiżdied ukoll. Madanakollu, peress li l-ammont rekuperabbli jiddependi fuq ir-rikavat mil-likwidazzjoni ipotetika, dan l-ammont teorikament rekuperabbli huwa limitat mill-ammont tal-assi li x-xerrej (jew l-amministratur tal-likwidazzjoni) jista' jbigħ sabiex ikopri l-obbligazzjoni tal-kreditu tal-kummerċ u, peress li l-ammont tal-assi jkun limitat, ir-rata ta' rkupru tiżdied b'inqas minn kemm huwa proporzjonali meta mqabbla maż-żieda tal-kopertura tal-kreditu.

Formula
, fejn:

0.5 ≤ a ≤ 1 ( a = 0,5, jekk l-ammont ta' rkupru ma jiżdiedx affattu fejn l-esportatur jingħata l-assigurazzjoni miżjuda tal-Istat għal tranżazzjoni ma' ċertu xerrej; a = 1 fil-każ teoriku fejn l-ammont ta' rkupru jiżdied bl-istess pass bħal-limitu totali ta' kreditu riċevut mill-esportatur għat-tranżazzjoni ma' ċertu xerrej.)

Meta jitqies dak li ntqal hawn fuq, jista' jiġi konkluż li PRS

Image 2
2PR 0.

Għaldaqstant, il-primjum li għandu jitħallas fuq il-kopertura tal-Istat huwa ogħla mill-primjum imħallas lill-assiguratur privat għall-kopertura inizjali.

Primjum ta' 110 % tal-primjum imħallas għall-kopertura inizjali jista' jiġi kkunsidrat li sa ċertu punt adegwat iqis iż-żieda fil-probabbiltà ta' inadempjenza u n-nuqqas fir-rata ta' rkupru. Livell ta' primjum bħal dan ikun konsistenti mal-ipprezzar fis-suq. Taħt skemi ta' kreditu għall-esportazzjoni approvati, iż-żidiet fil-primjums minn kategorija waħda ta' riskju għal oħra kienu fil-medda ta' 25-50 %. (1)

Jekk, Exposure S

Image 3
2 × Exposure 0, PR Sjonqos b'mod proporzjonali (iżda dejjem jibqa' ogħla minn PR 0). Sabiex jittieħed f'kunsiderazzjoni dak il-fattur, il-premessa 93 tad-Deċiżjoni tipprevedi kwantifikazzjoni tal-ammont li għandu jiġi rkuprat f'kull tranżazzjoni bħala l-ammont mitlub mill-Istat multiplikat b'5/6, fuq il-bażi tar-raġunament li ġej. F'kull tranżazzjoni, l-Istat jitlob 60 % tar-rata mitluba mill-assiguratur privat, filwaqt li l-prezz tas-suq kien ikun 110 % tar-rata mitluba mill-assiguratur privat. Għaldaqstant, il-primjum tas-suq huwa kkalkolat billi l-primjum effettivament imħallas lill-Istat jiġi diviż b'60 % u jiġi moltiplikat b'110 %. Minn dak il-primjum, għandu jitnaqqas l-ammont diġà mħallas lill-Istat sabiex jinkiseb l-ammont li għandu jiġi rkuprat.

Formula


(1)  Ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir tal-Finlandja fil-każ N 258/09 (ĠU C 227, 22.9.2009, p. 1).