25.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 219/53


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/496/PESK

tat-22 ta' Lulju 2014

dwar aspetti tal-iskjerament, l-operazzjoni u l-użu tas-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni Globali bis-Satellita li jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni Ewropea u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

B'kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, tad-dimensjoni strateġika, il-kopertura reġjonali u globali, u l-użu multiplu, is-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni Globali bis-Satellita (“GNSS”) tikkostitwixxi infrastruttura sensittiva li l-iskjerament u l-użu tagħha huma suxxettibbli li jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

(2)

Fejn is-sitwazzjoni internazzjonali tirrikjedi azzjoni operattiva mill-Unjoni u fejn l-operazzjoni tal-GNSS tista' taffettwa s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, jew fil-każ ta' theddida għall-operazzjoni tas-sistema, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-miżuri meħtieġa li għandhom jittieħdu.

(3)

Għal din ir-raġuni, fit-12 ta' Lulju 2004 l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK (1).

(4)

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-kompiti u r-responsabbiltajiet li qabel kienu eżerċitati mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għandhom issa jiġu eżerċitati mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“ir-RGħ”).

(5)

Il-progress tal-iżvilupp, il-bidu tal-iskjerament u l-bidu li jmiss tal-użu tas-sistema stabbilita taħt il-programm Galileo jeħtieġu li tiġi adattata l-proċedura kif previst fl-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK.

(6)

L-informazzjoni u l-għarfien espert fir-rigward ta' jekk avveniment relatat mas-sistema jikkostitwixxix theddida lill-Unjoni, lill-Istati Membri jew lill-GNSS stess għandha tingħata lill-Kunsill u lir-RGħ mill-Aġenzija Ewropea tas-Sistema ta' Navigazzjoni Globali bis-Satellita (“GSA”), l-Istati Membri, jew il-Kummissjoni. Barra minn hekk, pajjiżi terzi jistgħu wkoll jipprovdu tali informazzjoni.

(7)

Ir-rwoli rispettivi tal-Kunsill, ir-RGħ, il-GSA bħala operatur taċ-Ċentru ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo (“GSMC”) u l-Istati Membri għandhom jiġu ċċarati fi ħdan il-katina ta' responsabbiltajiet operattivi li għandha tiġi stabbilita sabiex ikun hemm reazzjoni għal theddida għall-Unjoni, għall-Istati Membri jew għall-GNSS.

(8)

F'dan ir-rigward, ir-referenzi bażiċi għat-theddidiet jinsabu fid-Dikjarazzjoni dwar ir-Rekwiżiti ta' Sigurtà Speċifiċi għal Sistema li fiha t-theddidiet ġeneriċi ewlenin li għandhom jiġu ttrattati mis-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) inġenerali, u l-Pjan tas-Sigurtà tas-Sistema (PSS) li tinkludi r-reġistru ta' riskju tas-sigurtà fil-proċess ta' akkreditament tas-sigurtà. Dawn ser iservu bħala referenzi biex jidentifikaw it-theddidiet li għandhom jiġu ttrattati speċifikament minn din id-Deċiżjoni u biex jikkompletaw il-proċeduri operazzjonali għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(9)

Id-deċiżjonijiet f'każijiet ta' urġenza jistgħu jkollhom jittieħdu fi żmien ftit siegħat mill-wasla tal-informazzjoni dwar it-theddida.

(10)

Fil-każ li ċ-ċirkostanzi ma jippermettux li l-Kunsill jieħu deċiżjoni biex titbiegħed theddida jew biex tiġi mitigata ħsara serja għall-interessi essenzjali tal-Unjoni jew ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri, ir-RGħ għandha tkun mogħtija s-setgħa li tieħu l-miżuri proviżorji meħtieġa.

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u r-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) immodifikaw il-governanza tas-sistemi Ewropej tal-GNSS. B'mod partikolari, l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 jipprevedi li l-GSA għandha tiżgura l-operat tal-GSMC.

(12)

Ir-Regolament (UE) Nru 512/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jassenja lid-Direttur Eżekuttiv tal-GSA r-responsabbiltà li jiżgura li l-GSA, bħala l-operatur tal-GSMC ikun jista' jirreaġixxi għall-istruzzjonijiet mogħtija taħt l-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK, kif sostitwiti b'din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Nru 1104/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tistipula r-regoli li taħthom l-Istati Membri, il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-aġenziji tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jaċċedu għas-servizz pubbliku regolat (SPR) ipprovdut mill-GNSS stabbilita taħt il-programm Galileo. B'mod partikolari, l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 1104/2011/UE tiddefinixxi lill-GSMC bħala l-interfaċċja operattiv bejn l-awtoritajiet kompetenti tas-SPR, il-Kunsill u r-RGĦ u ċ-ċentri ta' kontroll,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-responsabbiltajiet li għandhom ikunu eżerċitati mill-Kunsill u r-RGħ biex tkun evitata theddida lis-sigurtà tal-Unjoni jew ta' wieħed mill-Istat Membri jew aktar jew biex ikun mitigat dannu serju lill-interessi essenzjali tal-Unjoni jew ta' wieħed mill-Istat Membri jew aktar, li tkun ġejja mill-iskjerament, l-operazzjoni jew l-użu tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita Ewropea, b'mod partikolari b'konsegwenza ta' sitwazzjoni internazzjonali li titlob azzjoni mill-Unjoni jew fil-każ ta' theddida lill-operazzjoni tas-sistema nnifisha jew is-servizzi tagħha.

Artikolu 2

Fil-każ ta' tali theddida, l-Istati Membri, il-Kummissjoni jew il-GSA, skont il-każ, għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kunsill u lir-RGħ bl-elementi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom li huma jqisu rilevanti.

Artikolu 3

1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mir-RGħ, għandu jiddeċiedi dwar l-istruzzjonijiet meħtieġa lill-GSA.

2.   Il-GSA u l-Kummissjoni għandhom jagħtu parir lill-Kunsill dwar l-impatt usa' probabbli fuq il-GNSS ta' kwalunkwe struzzjoni li għandha ħsieb li tagħti..

3.   Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (“KPS”) għandu jagħti opinjoni lill-Kunsill dwar kwalunkwe struzzjoni proposta, kif ikun xieraq.

Artikolu 4

1.   Jekk l-urġenza tas-sitwazzjoni titlob li tittieħed azzjoni immedjata qabel ma l-Kunsill ikun ħa deċiżjoni skont l-Artikolu 3(1), ir-RGħ tkun awtorizzata tagħti l-istruzzjonijiet proviżorji meħtieġa lill-GSA. Ir-RGħ tista' tidderieġi lis-Segretarju Ġenerali Eżekuttiv, jew lil wieħed mid-Deputati Segretarji Ġenerali tas-SEAE biex jagħti tali struzzjonijiet lill-GSA. Ir-RGħ għandha minnufih tgħarraf lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b'kull struzzjoni maħruġa skont dan il-paragrafu.

2.   Il-Kunsill għandu jikkonferma, jimmodifika jew jirrevoka l-istruzzjonijiet proviżorji tar-RGħ kemm jista' jkun malajr.

3.   Ir-RGħ għandha żżomm l-istruzzjonijiet proviżorji tagħha taħt rieżami kostanti, temendahom kif adatt jew tirrevokahom jekk ma tkunx meħtieġa aktar l-azzjoni immedjata. Fi kwalunkwe każ, l-istruzzjonijiet proviżorji għandhom jiskadu erba' ġimgħat wara li jinħarġu, jew b'deċiżjoni mill-Kunsill skont il-paragrafu 2.

Artikolu 5

Fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, ir-RGħ għandha tħejji, bl-appoġġ tal-esperti mill-Istati Membri, il-proċeduri operattivi bikrija meħtieġa għall-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni u tippreżentahom għall-approvazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà. Il-proċeduri operazzjonali kompleti għandhom jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) fi żmien sena mill-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-proċeduri operazzjonali għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati mill-KPS mill-inqas kull sentejn.

Artikolu 6

1.   F'konformità ma' ftehimiet internazzjonali preċedenti konklużi mill-Unjoni jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, inklużi dawk li jagħtu aċċess għall-PRS, ir-RGħ skont l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni 1104/2011/UE, għandu jkollha l-awtorità li tikkonkludi arranġamenti amministrattivi ma' Stati terzi dwar kooperazzjoni fil-kuntest ta' din id-Deċiżjoni. Tali arranġamenti għandhom ikunu soġġetti għal approvazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu.

2.   Jekk tali arranġamenti jitolbu aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-Unjoni, ir-rilaxx jew l-iskambju ta' informazzjoni klassifikata għandu jkun approvat f'konformità mar-regoli tas-sigurtà applikabbli.

Artikolu 7

Il-Kunsill għandu jirrevedi u, kif meħtieġ, jemenda r-regoli u l-proċeduri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni mhux aktar tard minn tliet snin mid-data tal-adozzjoni tagħha, jew fuq talba ta' Stat Membru jew wara kwalunkwe miżura li tittieħed skont l-Artikolu 3.

Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom, jekk ikun xieraq, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fil-qasam tar-responsabbiltà rispettiv tagħhom, f'konformità, fost l-oħrajn, mal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013. Għal din l-għan, l-Istati Membri għandhom jaħtru punti ta' kuntatt biex jassistu fil-ġestjoni operattiva ta' theddida. Dawn il-punti ta' kuntatt jistgħu jkunu persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

Artikolu 9

L-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK hija b'dan imħassra.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Lulju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/552/PESK tat-12 ta' Lulju 2004 dwar aspetti tal-operazzjoni tas-sistema Ewropea tar-radjunavigazzjoni bis-satellita li jaffetwaw is-sigurtà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 246, 20.7.2004, p. 30).

(2)  Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) (ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1).

(3)  Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1).

(4)  Regolament (UE) Nru 512/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 912/2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 72).

(5)  Deċiżjoni Nru 1104/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar ir-regoli ta' aċċess għas-servizz pubbliku regolat offrut mis-sistema dinjija ta' navigazzjoni bis- satellita li ġiet stabbilita taħt il-programm Galileo (ĠU L 287, 4.11.2011, p. 1).