30.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 261/744


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Ġunju 2014

li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra

(2014/495/Euratom)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Ġeorġja għall-konklużjoni ta’ ftehim ġdid bejn l-Unjoni u l-Ġeorġja biex jissostitwixxi l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni. (1)

(2)

Meta jitqiesu r-relazjoni storika mill-qrib u r-rabtiet progressivament eqreb bejn il-Partijiet, kif ukoll ix-xewqa tagħhom li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b’mod innovattiv u ambizzjuż, in-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġew finalizzati b’suċċess billi kien inizjalat il-Ftehim fid-29 ta’ Novembru 2013.

(3)

Fl-10 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill li l-Ftehim għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea u applikat parzjalment fuq bażi provviżorja, skont l-Artikolu 431 tal-Ftehim, sakemm jiġi konkluż f’data aktar tard.

(4)

Il-Ftehim ikopri wkoll kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, jiġifieri dawk elenkati fil-punt (k) tal-Artikolu 298 tal-Ftehim.

(5)

Il-Ftehim għandu għalhekk jiġi konkluż, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, rigward kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom.

(6)

L-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim huma soġġetti għal proċedura separata fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(7)

Skont l-Artikolu 102 tat-Trattat tal-Euratom, il-Ftehim ma għandux jidħol fis-seħħ għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ġiet notifikata mill-Istati Membri li l-Ftehim sar applikabbli skont id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

(8)

Il-konklużjoni tal-Ftehim mill-Kummissjoni, li taġixxi f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, għandha għalhekk tiġi approvata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-konklużjoni mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, hija b’dan approvata. (2)

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta’ Ġunju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

G. KARASMANIS


(1)  Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 205, 4.8.1999, p. 3).

(2)  It-test tal-Ftehim hu mehmuż mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).