30.8.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 260/739 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-16 ta' Ġunju 2014
dwar l-approvazzjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra
(2014/493/Euratom)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fil-15 ta' Ġunju 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Moldova għall-konklużjoni ta' ftehim ġdid bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova biex jissostitwixxi l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (1). |
(2) |
Filwaqt li jitqiesu r-relazjoni storika mill-qrib u rabtiet progressivament eqreb bejn il-Partijiet, kif ukoll ix-xewqa tagħhom li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b'mod innovattiv u ambizzjuż, in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġew finalizzati b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fid-29 ta' Novembru 2013. |
(3) |
Fl-10 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill li l-Ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u applikat parzjalment fuq bażi provviżorja, skont l-Artikolu 464 tal-Ftehim, sakemm jiġi konkluż f'data aktar tard. |
(4) |
Il-Ftehim ikopri kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, jiġifieri dawk elenkati fil-punt (i) tal-Artikolu 77 tal-Ftehim. |
(5) |
Il-Ftehim għandu għalhekk jiġi konkluż ukoll f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika f'dak li għandu x'jaqsam ma' kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom. |
(6) |
L-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim huma soġġetti għal proċedura separata fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
(7) |
Skont l-Artikolu 102 tat-Trattat Euratom, il-Ftehim ma għandux jidħol fis-seħħ għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ġiet notifikata mill-Istati Membri li l-Ftehim sar applikabbli skont id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom. |
(8) |
Il-konklużjoni tal-Ftehim mill-Kummissjoni, li taġixxi f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, għandha għalhekk tiġi approvata, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-konklużjoni mill-Kummissjoni Ewropea, f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, hija b'dan approvata. (2)
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta' Ġunju 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
G. KARASMANIS
(1) Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Moldova (ĠU L 181, 24.6.1998, p. 3).
(2) It-test tal-Ftehim hu mehmuż mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).