30.8.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 260/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-16 ta' Ġunju 2014
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra
(2014/492/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 u l-Artikolu 31(1) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 218(7) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fil-15 ta' Ġunju 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Moldova għall-konklużjoni ta' ftehim ġdid bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova biex jissostitwixxu l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (1). |
(2) |
Filwaqt li jitqiesu r-relazzjoni storika mill-qrib u r-rabtiet progressivament eqreb bejn il-Partijiet, kif ukoll ix-xewqa tagħhom li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b'mod ambizzjuż u innovattiv, in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fid-29 ta' Novembru 2013. |
(3) |
Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u applikat parzjalment, fuq bażi proviżorja, skont l-Artikolu 464 tal-Ftehim, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu. |
(4) |
L-applikazzjoni provviżorja ta' partijiet tal-Ftehim ma tippreġudikax l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha taħt it-Trattati. |
(5) |
Skont l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tapprova l-modifiki għall-Ftehim li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni kummerċjali tiegħu, kif stabbilit fl-Artikolu 438(4) tal-Ftehim, kif propost mis-Sottokumitat tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Artikolu 306 tal-Ftehim. |
(6) |
Huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-proċeduri rilevanti għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li jingħataw protezzjoniskont il-Ftehim. |
(7) |
Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħrahuwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.
2. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
1. Sakemm il-Ftehim jidħol fis-seħħ, skont l-Artikolu 464 tal-Ftehim u soġġett għan-notifiki previsti fih, il-partijiet segwenti tal-Ftehim għandhom jiġu applikati b'mod proviżorju bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova, iżda biss sa fejn dawn ikopru materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, inklużi materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politika estera u ta' sigurtà komuni:
(a) |
Titolu I; |
(b) |
Titolu II: l-Artikoli 3, 4, 7 u 8; |
(c) |
Titolu III: l-Artikoli 12 u 15; |
(d) |
Titolu IV: il-Kapitoli 5, 9 u 12 (bl-eċċezzjoni tal-punt (h) tal-Artikolu 68), Kapitolu 13 (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 71 sa fejn dan jikkonċerna l-governanza marittima u bl-eċċezzjoni tal-punti (b) u (e) tal-Artikolu 73 u l-Artikolu 74), il-Kapitolu 14 (bl-eċċezzjoni tal-punt (i) tal-Artikolu 77), il-Kapitolu 15 (bl-eċċezzjoni tal-punti (a) u (e) tal-Artikolu 81 u l-Artikolu 82(2)), il-Kapitolu 16 (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 87, il-punt (c) tal-Artikolu 88 u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 89, sa fejn dak il-punt (b) jikkonċerna l-protezzjoni tal-ħamrija), il-Kapitoli 26 u 28, kif ukoll l-Artikoli 30, 37, 46, 57, 97, 102 u 116; |
(e) |
Titolu V (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 278 sa fejn dan jikkonċerna l-infurzar kriminali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, u bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 359 u 360 sa fejn dawn japplikaw għal proċedimenti amministrattivi u reviżjoni u appell fil-livell ta' Stat Membru); |
(f) |
Titolu VI; |
(g) |
Titolu VII (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 456(1) sa fejn id-dispożizzjonijiet ta' dak it-Titolu huma limitati għall-iskop li jiżguraw l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim kif definit f'dan il-paragrafu); |
(h) |
L-Annessi II sa XIII, l-Annessi XV sa XXXV, kif ukoll il-Protokolli I sa IV. |
2. Id-data minn meta l-Ftehim ser jiġi applikat proviżorjament ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
Artikolu 4
Għall-finijiet tal-Artikolu 306 tal-Ftehim, il-modifiki fil-Ftehim permezz ta' deċiżjonijiet tas-Sottokumitat tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni. Fejn il-partijiet interessati ma jistgħux jilħqu qbil wara oġġezzjonijiet li jirrigwardaw xi indikazzjoni ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta pożizzjoni bbażata fuq il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).
Artikolu 5
1. Isem protett taħt is-Subtaqsima 3 “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” tal-Kapitolu 9 tat-Titolu V tal-Ftehim jista' jintuża minn kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza prodotti agrikoli, prodotti tal-ikel, inbejjed, inbejjed aromatizzati jew spirti li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti.
2. F'konformità mal-Artikolu 301 tal-Ftehim, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jinfurzaw il-protezzjoni prevista fl-Artikoli 297 sa 300 tal-Ftehim, inkluż fuq it-talba ta' parti interessata.
Artikolu 6
Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta' Ġunju 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
G. KARASMANIS
(1) Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Moldova (ĠU L 181, 24.6.1998, p. 3).
(2) Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).