23.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 217/88


DEĊIŻJONI Nru 2 TAL-KUMITAT KONĠUNT TAL-KONVENZJONI REĠJONALI DWAR IR-REGOLI PREFERENZJALI TAL-ORIĠINI PAN-EWRO-MEDITERRANJI

tal-21 ta' Mejju 2014

rigward it-talba tar-Repubblika tal-Moldova biex issir Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji

(2014/490/UE)

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (1),

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) jistipula li parti terza tista' ssir Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni, dment li l-pajjiż jew territorju kandidat ikollu fis-seħħ ftehim dwar il-kummerċ ħieles, li jkun jipprovdi għal regoli preferenzjali tal-oriġini, ma' mill-inqas waħda mill-Partijiet Kontraenti.

(2)

Ir-Repubblika tal-Moldova ssottomettiet talba bil-miktub għall-adeżjoni mal-Konvenzjoni lid-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-17 ta' Lulju 2013.

(3)

Ir-Repubblika tal-Moldova hija membru tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali bejn l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzergovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja, u l-Kosovo (2). Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Moldova għandha ftehim dwar il-kummerċ ħieles fis-seħħ ma' sitt Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni u tikkonforma mal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni biex issir Parti Kontraenti.

(4)

L-Artikolu 4(3)(b) tal-Konvenzjoni jipprovdi li l-Kumitat Konġunt jadotta permezz ta' deċiżjoni stediniet lil partijiet terzi biex jaderixxu ma' din il-Konvenzjoni,

(5)

Il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein għarrfu lis-segretarjat tal-Kumitat Konġunt li ma rnexxilhomx ilestu l-proċeduri interni tagħhom qabel il-laqgħa tal-21 ta' Mejju u li, skont l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni, l-aċċettazzjoni tagħhom tad-deċiżjoni f'dik il-laqgħa hija soġġetta għat-tlestija ta' dawn il-proċeduri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Repubblika tal-Moldova se tkun mistiedna biex taderixxi mal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2014.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Mejju 2014.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-President

P.-J. LARRIEU


(1)  ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

(2)  Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi ma' UNSCR 1244(1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Kosovo.