12.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 205/76


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta' Lulju 2014

dwar it-tqegħid fis-suq għall-użu essenzjali ta' prodotti bijoċidali li jkun fihom ir-ram

(notifikata bid-dokument C(2014) 4611)

(It-testi bil-Grieg, bl-Ingliż, bil-Kroat u bl-Ispanjol u biss huma awtentiċi)

(2014/459/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta' Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta' ħidma ta' 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1896/2000 (2), ir-ram ġie notifikat għall-użu fi prodotti tat-tip 11, kif definit fl-Anness V tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(2)

Ma tressaq l-ebda dossier komplut fl-iskadenzi rilevanti bħala appoġġ għall-inklużjoni tar-ram fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE. Skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/78/EU (4) flimkien mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, mill-1 ta' Frar 2013 ir-ram ma għandux jibqa' jitqiegħed fis-suq għall-użu fi prodotti tat-tip 11.

(3)

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007 il-Kroazja, Spanja, l-Irlanda u l-Greċja ressqu applikazzjonijiet separati lill-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali li fihom ir-ram għal numru ta' użi.

(4)

Il-Kummissjoni poġġiet dawn il-listi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b'mezzi elettroniċi.

(5)

Minn xi applikazzjonijiet jirriżulta li l-prodotti bijoċidali li jkun fihom ir-ram jintużaw biex jipprevjenu t-tkabbir ta' organiżmi fil-pajp ewlieni għad-dħul tal-ilma għall-pjattaformi taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar kif ukoll istallazzjonijiet oħra fuq il-baħar u kostali, fejn dak l-użu huwa essenzjali biex jiġi evitat l-imblukkar tal-pajp tad-dħul ta' ilma użat, fost l-oħrajn, għall-ipproċessar, il-produzzjoni tal-ilma tax-xorb u tal-banju u t-tifi tan-nar, minħabba li l-imblukkar tal-pajp jista' jkun fatali għas-saħħa u s-sigurtà tal-persunal tal-installazzjoni.

(6)

Barra minn hekk, minn xi applikazzjonijiet jirriżulta li prodotti bijoċidali li jkun fihom ir-ram jintużaw biex jipprevjenu t-tkabbir ta' organiżmi fil-pajp ewlieni għad-dħul tal-ilma f'bastimenti, fejn dak l-użu huwa essenzjali biex jiġi evitat l-imblukkar tal-pajp tad-dħul tal-ilma użat fis-sistema kollha tal-pajpijiet u tal-kanali tal-ilma ta' bastiment. Dan jinkludi l-intern tal-pajpijiet kollha, bħas-sistema ta' trażżin tan-nar, li hija vitali għat-tħaddim bla perikolu tal-bastiment.

(7)

Matul il-konsultazzjoni pubblika ma wasal l-ebda kumment dwar dawn l-applikazzjonijiet. L-Istati Membri li ppreżentaw l-applikazzjonijiet argumentaw li fit-territorji tagħhom jinħtieġ li jkun hemm firxa adegwata ta' alternattivi tekniċi u ekonomiċi vijabbli disponibbli għall-prevenzjoni tat-tkabbir ta' organiżmi sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-imblukkar tal-pajp ewlieni tad-dħul tal-ilma tal-installazzjonijiet fuq il-baħar u kostali, jew fuq il-bastimenti.

(8)

Għalhekk huwa probabbli li jekk ma tingħatax awtorizzazzjoni għall-użu tar-ram għall-prevenzjoni tat-tkabbir ta' organiżmi fil-pajp tad-dħul tal-ilma fil-pjattaformi taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar, f'istallazzjonijiet oħra fuq il-baħar u kostali jew fuq il-bastimenti, se jinħoloq riskju serju għas-saħħa pubblika f'dawk l-Istati Membri. Barra minn hekk, jekk jintfew jew jiġu sostitwiti s-sistemi attwali bbażati fuq ir-ram fuq il-bastimenti, l-ispejjeż u l-fattibilità loġistika u prattika f'ħafna każijiet jistgħu jkunu projbittivi. Fil-każ li s-sostituzzjoni tkun fattibbli, din tista' tieħu żmien twil. Għalhekk bħalissa huma meħtieġa d-derogi mitluba għall-użu essenzjali.

(9)

Madankollu, sakemm ma titressaqx applikazzjoni kompluta għall-approvazzjoni tar-ram għall-użu fil-prodotti tat-tip 11 mingħajr dewmien żejjed, l-utenti tal-prodotti bijoċidali li jkun fihom ir-ram għandhom jimplimentaw metodi alternattivi għall-prevenzjoni tat-tkabbir ta' oragniżmi. Għalhekk f'dan il-każ huwa xieraq li l-utenti f'dawk l-Istati Membri jkunu infurmati b'mod attiv fi żmien xieraq biex ikunu jistgħu jiżguraw li dawk il-metodi alternattivi jkunu effettivi qabel ma l-prodotti bijoċidali li jkun fihom ir-ram jiġu rtirati mis-suq.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Soġġetti għall-kundizzjonijiet previsti bl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, il-Kroazja, Spanja, l-Irlanda u l-Greċja jistgħu jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali li fihom ir-ram (Nru tal-KE 231-159-6; Nru. CAS 7440-50-8) għall-użi indikati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Jekk jitressqu dossiers kompluti għall-approvazzjoni tar-ram għal prodotti tat-tip 11 rilevanti għal dawk l-użi u dawn jiġu vvalidati mill-Istat Membru sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2014, il-Kroazja, Spanja, l-Irlanda u l-Greċja jistgħu jkomplu jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq sal-iskadenzi stipulati fl-Artikolu 89 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għal każijiet fejn sustanza tiġi jew ma tiġix approvata.

3.   F'każijiet oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kroazja, Spanja, l-Irlanda u l-Greċja jistgħu jkomplu jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq sal-31 ta' Diċembru 2017, sakemm dawk l-Istati Membri jiżguraw, mill-1 ta' Jannar 2015, li l-utenti jkunu attivament infurmati dwar il-ħtieġa immedjata li jiġu implimentati metodi alternattivi għall-għanijiet rilevanti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja u r-Repubblika tal-Kroazja.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 325, 11.12.2007, p. 3.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1896/2000 tas-7 ta' Settembru 2000 fuq l-ewwel fażi tal-programm rigward prodotti bijoċidali msemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 228, 8.9.2000, p. 6).

(3)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/78/UE tad-9 ta' Frar 2012 dwar in-nuqqas ta' inklużjoni ta' ċerti sustanzi fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 38, 11.2.2012, p. 48).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).


ANNESS

L-UŻI LI L-ISTATI MEMBRI ELENKATI HAWN TAĦT JISTGĦU JAWTORIZZAW, SOĠĠETTI GĦALL-KONFORMITÀ MAL-KUNDIZZJONIJIET TAL-ARTIKOLU 1

Nru

Stat Membru

Prodott tat-tip 11

1

Il-Kroazja

Għall-prevenzjoni ta' organiżmi bijoloġiċi tal-pajpijiet/pompi tal-ilma u fis-sistema kollha ta' pajpijiet u kanali tal-ilma ta' bastiment.

2

Spanja

Għall-prevenzjoni ta' organiżmi bijoloġiċi tal-pajpijiet/pompi tal-ilma u fis-sistema kollha ta' pajpijiet u kanali tal-ilma ta' pjattaformi taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar u istallazzjonijiet oħra marittimi u kostali.

Għall-prevenzjoni ta' organiżmi bijoloġiċi tal-pajpijiet/tal-pompi tal-ilma u fis-sistema kollha ta' pajpijiet u kanali tal-ilma ta' bastiment.

3

L-Irlanda

Għall-prevenzjoni ta' organiżmi bijoloġiċi tal-pajpijiet/pompi tal-ilma u fis-sistema kollha ta' pajpijiet u kanali tal-ilma ta' pjattaformi taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar u istallazzjonijiet oħra fuq il-baħar u kostali.

Għall-prevenzjoni ta' organiżmi bijoloġiċi tal-pajpijiet/pompi tal-ilma u fis-sistema kollha ta' pajpijiet u kanali tal-ilma ta' bastiment.

4

Il-Greċja

Għall-prevenzjoni ta' organiżmi bijoloġiċi tal-pajpijiet/pompi tal-ilma u fis-sistema kollha ta' pajpijiet u kanali tal-ilma ta' bastiment.