4.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 197/75


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/430/PESK

tat-3 ta' Lulju 2014

li temenda l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta' Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EU BAM Rafah)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-25 ta' Novembru 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK (1).

(2)

Fit-3 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/355/PESK (2) li temenda l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK u li testendiha sat-30 ta' Ġunju 2014.

(3)

Fid-9 ta' April 2014, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà rrakkomanda li l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah tiġi estiża għal perijodu addizzjonali ta' 12-il xahar sat-30 ta' Ġunju 2015.

(4)

L-EU BAM Rafah għandha tiġi estiża ulterjorment mill-1 ta' Lulju 2014 sat-30 ta' Ġunju 2015 abbażi tal-mandat attwali.

(5)

L-EU BAM Rafah ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 7(5) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Il-persunal kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità tal-Istat emittenti jew l-istituzzjoni tal-UE xierqa u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-Missjoni. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (*).

(*)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE. (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).”."

(2)

L-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 13

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EU BAM RAFAH għall-perijodu mill-25 ta' Novembru 2005 sal-31 ta' Diċembru 2011 għandu jkun ta' EUR 21 570 000.

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EU BAM RAFAH għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2012 sat-30 ta' Ġunju 2012 għandu jkun ta' EUR 970 000.

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EU BAM RAFAH għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 2012 sat-30 ta' Ġunju 2013 għandu jkun ta' EUR 980 000.

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EU BAM RAFAH għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 2013 sat-30 ta' Ġunju 2014 għandu jkun ta' EUR 940 000.

L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EU BAM Rafah għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 2014 sat-30 ta' Ġunju 2015 għandu jkun ta' EUR 940 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Ċittadini ta' Stati terzi li jikkontribwixxu finanzjarjament għall-Missjoni, ta' partijiet ospitanti u, jekk meħtieġ għall-ħtiġijiet operattivi tal-Missjoni, ta' pajjiżi ġirien għandhom jitħallew jagħmlu offerti għall-kuntratti.

3.   L-EU BAM Rafah għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħha. Għal dak il-għan, l-EU BAM Rafah għandha tiffirma ftehim mal-Kummissjoni.

4.   L-EU BAM RAFAH għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat li jibda mill-1 ta' Lulju 2014, bl-eċċezzjoni ta' kwalunkwe pretensjoni relatata ma' mġiba ħażina serja mill-Kap tal-Missjoni, li għaliha hu għandu jġorr/hi għandha ġġorr ir-responsabbiltà.

5.   L-implimentazzjoni tal-arranġamenti finanzjarji għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-katina ta' kmand kif previst fl-Artikoli 4, 4a u 5 u l-ħtiġiet operazzjonali tal-EU BAM Rafah, inkluż il-kompatibbiltà ta' tagħmir u l-interoperabbiltà tat-timijiet tagħha.

6.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din l-Azzjoni Konġunta.”

(3)

Fl-Artikolu 16, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Hija għandha tiskadi fit-30 ta' Ġunju 2015.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Lulju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/889/PESK tat-12 ta' Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta' Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EU BAM Rafah) (ĠU L 327, 14.12.2005, p. 28).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/355/PESK tat- 3 ta' Lulju 2013 li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta' Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EU BAM Rafah) (ĠU L 185, 4.7.2013, p. 16).