|
1.7.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 192/66 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-27 ta' Ġunju 2014
li tikkonċerna ċerti miżuri interim ta' protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Latvja
(notifikata bid-dokument C(2014) 4536)
(It-test bil-Latvjan biss huwa awtentiku)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2014/417/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(3) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar spezzjonijiet veterinarji u żootekniċi applikabbli fil-kummerċ intra-Komunitarju f'ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-popolazzjonijiet tal-ħnieżer domestiċi u salvaġġi u jista' jkollha impatt serju fuq il-profitti tan-negozji tat-trobbija tal-ħnieżer li jisfratta l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. |
|
(2) |
F'każ ta' tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, hemm ir-riskju li l-aġent patoġeniku jista' jinxtered ma' rziezet oħra u mal-ħnieżer salvaġġi. B'hekk, jista' jinxtered minn Stat Membru għall-ieħor u għall-pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ tal-ħnieżer ħajjin jew tal-prodotti tagħhom. |
|
(3) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (3), tistabbilixxi miżuri minimi li għandhom jiġu applikati fi ħdan l-Unjoni għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-ħnieżer. L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE jipprovdi għat-twaqqif ta' żoni ta' protezzjoni u sorveljanza fil-każ ta' tifqigħat ta' dik il-marda, fejn għandhom japplikaw il-miżuri stipulati fl-Artikoli 10 u 11 ta' dik id-Direttiva. |
|
(4) |
Il-Latvja għarrfet lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni preżenti fit-territorju tiegħu fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, u, b'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE, huwa stabbilixxa żoni ta' protezzjoni u sorveljanza fejn japplikaw il-miżuri msemmija fl-Artikoli 10 u 11 ta' dik id-Direttiva. |
|
(5) |
Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u biex jiġu evitati ostakoli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jinħtieġ li tiġi stabbilita, f'kollaborazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, lista tal-Unjoni taż-żoni ristretti għad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Latvja li huma ż-żoni ta' ħarsien u sorveljanza (’iż-żoni ristretti’). |
|
(6) |
Skont dan, sakemm issir il-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, iż-żoni ristretti fil-Latvja għandhom jitniżżlu fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni u għandu jiġi stabbilit it-tul ta' żmien ta' din ir-regjonalizzazzjoni. |
|
(7) |
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Latvja għandha tiżgura li ż-żoni ta' ħarsien u sorveljanza stabbiliti skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE jinkludu tal-anqas iż-żoni mniżżla fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Lulju 2014.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Ġunju 2014.
Għall-Kummissjoni
Tonio BORG
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.
(2) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u li jemenda d-Direttiva 92/119/KEE rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu f'żona ta' protezzjoni wara tifqigħa tal-marda ta' l-infafet (“vexxikulari”) fil-ħnieżer (ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27).
ANNESS
|
Żoni fil-Latvja |
Iż-żoni ristretti kif imsemmija fl-Artikolu 1 |
Data sa meta applikabbli |
|
Żona ta' ħarsien |
Krāslavas novada Robežnieku pagasts, Dagdas novada Asūnes pagasts |
il-31 ta' Lulju 2014 |
|
Żona ta' sorveljanza |
Krāslavas novada Indras, Kalniešu, Skaistas pagasti; Dagdas novada Konstantinovas, Dagdas, Svariņu, Bērziņu un Ķepovas pagasti; Dagdas pilsēta |
il-31 ta' Lulju 2014 |