28.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/73


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2014

li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/287/UE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fil-Pajjiżi l-Baxxi

(2014/407/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-2 ta' Diċembru 2009, wara li saret rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/287/UE (1), li fil-Pajjiżi l-Baxxi kien jeżisti defiċit eċċessiv. Il-Kunsill innota li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ppjanat għall-2009 kien ta' 4,8 % tal-PDG, u għalhekk iktar mill-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat, filwaqt li d-dejn pubbliku gross kien ippjanat li jilħaq id-59,7 % tal-PDG fl-2009, u b'hekk iktar mill-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG skont it-Trattat. Id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għall-2009 ġew irreveduti sussegwentement għal 5,6 % u 60,8 % tal-PDG rispettivament.

(2)

Fit-2 ta' Diċembru 2009, skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, bagħat Rakkomandazzjoni lill-Pajjiżi l-Baxxi bil-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2013. Ir-rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata.

(3)

Fil-21 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill qies li l-Pajjiżi l-Baxxi kienu ħadu azzjoni effiċjenti bi qbil mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009 skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat, u li ċerti avvenimenti ekonomiċi negattivi u mhux mistennija b'konsegwenzi ta' żvantaġġ kbir għall-finanzi tal-gvern kienu saru wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni oriġinali. Għaldaqstant, il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni qies li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 kienu sodisfatti, u b'hekk setgħet tinħareġ Rakkomandazzjoni ġdida lill-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat, bil-għan li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2014. Ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida tal-Kunsill ġiet ippubblikata.

(4)

Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni ta' din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern tagħhom kif ukoll dwar varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (3).

(5)

Meta jiġi biex jikkunsidra jekk deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandhiex tiġi revokata, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni abbażi tad-dejta notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata biss jekk it-tbassir tal-Kummissjoni jindika li d-defiċit ma jaqbiżx il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' tbassir (4).

(6)

Abbażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 wara n-notifika mill-Pajjiżi l-Baxxi qabel l-1 ta' April 2014, u abbażi tal-Programm ta' Stabbiltà tal-2014 u t-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

Wara li laħaq l-ogħla livell tiegħu, jiġifieri 5,6 % tal-PDG fl-2009, id-defiċit tal-amministazzjoni ġenerali tal-Pajjiżi l-Baxxi tniżżel progressivament, sakemm laħaq 2,5 % tal-PDG fl-2013 (5). Dan it-titjib kien dovut għal miżuri ta' konsolidament kemm fuq l-infiq u kemm fuq l-introjtu, b'mod partikulari b'żidiet fit-tassazzjoni (indiretta) u tnaqqis fin-nefqa pubblika.

Il-programm ta' Stabbiltà tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-2014 jbassar li d-defiċit tal-amministrazzjoni ġenerali se jiżdied sa 2,9 % tal-PDG fl-2014, u li se jinżel sa 2,1 % tal-PDG fl-2015, filwaqt li t-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni jbassar li d-defiċit tal-amministrazzjoni ġenerali se jilħaq 2,8 % tal-PDG fl-2014 u 1,8 % tal-PDG fl-2015. B'hekk, id-defiċit mistenni li jibqa' taħt il-valur ta' referenza tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' tbassir.

Wara li tjieb b'1,4 % tal-PDG fl-2013, il-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ tal-amministrazzjoni ġenerali aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku u għall-ammont nett minn miżuri ta' darba u miżuri oħrajn temporanji, huwa mbassar li jistabbilizza ruħu fl-2014, u li jitjieb b'0,5 punt perċentwali fl-2015, abbażi ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla politika. F'dan il-kuntest, jidher li hemm qabża emerġenti ta' 0,5 % tal-PDG meta mqabbel mal-aġġustament meħtieġ tal-bilanċ strutturali lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju (MTO) fl-2014; dan jissuġġerixxi li jeħtieġ li l-miżuri baġitarji jiġu msaħħa sabiex tiġi żgurata l-konformità sħiħa mal-parti preventiva tal-patt, fid-dawl tar-riskju emerġenti ta' devjazzjoni mill-pjan ta' aġġustament meħtieġ.

Il-proporzjon bejn id-dejn u l-PDG żdied b'10 punti perċentwali bejn l-2010 u l-2013, sa 73,5 %. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni jbassar li d-dejn gross tal-amministrazzjoni ġenerali ser ikompli jiżdied sa 73,8 % tal-PDG fl-2014, u li wara dan se jinżel sa 73,4 % tal-PDG fl-2015.

(7)

Mill-2014, li hija s-sena ta' wara dik li fiha saret il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, il-Pajjiżi l-Baxxi huma soġġetti għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u għandhom jimxu lejn l-MTO tagħhom b'pass xieraq, filwaqt li jirrispettaw il-livell ta' referenza tal-infiq, u għandhom jagħmlu progress biżżejjed lejn il-konformità mal-kriterju tad-dejn skont l-Artikolu 2(1a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 ta' Lulju 1997.

(8)

Skont l-Artikolu 126(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata meta, fil-fehma tal-Kunsill, tkun saret korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat.

(9)

Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fil-Pajjiżi l-Baxxi ġie kkoreġut u d-Deċiżjoni 2010/287/UE għalhekk għandha tiġi revokata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni globali jsegwi li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fil-Pajjiżi l-Baxxi ġiet ikkorreġuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2010/287/UE hija b'dan revokata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

G. A. HARDOUVELIS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/287/UE tat-2 ta' Diċembru 2009 dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fil-Pajjiżi l-Baxxi (ĠU L 125, 21.5.2010, p. 42).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).

(4)  B'konformità mal-“Ispeċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u l-Linji Gwida dwar il-format u l-kontenut ta' Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza”, tat-3 ta' Settembru 2012. Ara: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/code_of_conduct_en.pdf

(5)  Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fl-2013 kien influwenzat b'mod sinifikanti min-nazzjonalizzazzjoni ta' SNS Reaal, li skont l-aktar valutazzjoni riċenti minn Statistics Netherlands (CBS), hija preżunta li ma kellha l-ebda impatt fuq ir-riżultat tad-defiċit, iżda deċiżjoni aħħarija dwar il-klassifikazzjoni mill-Eurostat għadha pendenti. Abbażi tat-tagħrif disponibbli bħalissa, l-impatt seta' kien żieda fid-defiċit ta' mhux aktar minn 0,3 % tal-PDG.